|
| Aħbarijiet |
|
L-Orizzont - Il-Ħamis 25 ta' Settembru 2008
Protesta minn Maltin fl-Istati Uniti kontra l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna: “Tilgħabx bil-futur ta’ wliedna” ... Lawrence Gonzi “mwissi” mal-wasla tiegħu fi New York minn Brandon Pisani |
Grupp imdaqqas ta’ Maltin li jgħixu fl-Istati Uniti, nhar it-Tlieta pprotestaw quddiem il-bini tal-Missjoni Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York, biex isemmgħu leħinhom dwar il-problema tal-immigrazzjoni illegali f’Malta. Waqt din il-protesta – li tmexxiet minn Dennis Catania li hu residenti fi New York – il-Maltin wissew lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi biex ma jilgħabx bil-futur ta’ wlied il-Maltin. Il-Prim Ministru Malti kien għadu kemm wasal fi New York fejn għada l-Ġimgħa se jindirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Fil-fatt, il-protesta saret fl-istess ħin li Lawrence Gonzi wasal fi New York, hekk kif dak il-ħin kien ħiereġ mill-uffiċċju r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Istati Uniti, Saviour Borg biex imur jilqa’ lill-Prim Ministru fl-ajruport. L-azzjoni li ħa Dennis Catania fis-sigħat li għaddew kienet ġiet irrapportata biss minn l-orizzont (permezz tal-ġurnalist Victor Vella) fil-ħarġa tat-13 ta’ Settembru li għadda. Dak in-nhar l-orizzont ħabbar li raġel Malti se jipprotesta quddiem il-bini tal-Missjoni Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York, kontra l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna. Matul din il-protesta, Dennis Catania u l-Maltin li ħadu sehem appellaw biex il-Maltin jibbojkottjaw sidien ta’ postijiet tax-xogħol li qegħdin jesplojtjaw u jabbużaw mill-immigranti illegali. Dennis Catania għamilha ċara li hu qiegħed jipprotesta ħalli l-immigranti ma jibqgħux jiġu abbużati u qed jipprotesta fuq il-fatt li Malta ma tiflaħx aktar titħalla waħidha dwar din il-problema mill-Unjoni Ewropea. Waqt l-istess protesta, ħin minnhom ħareġ il-Konslu Malti fi New York, Walter Mallia fejn kif spjega lil l-orizzont Dennis Catania “dan ħareġ jistaqsina jekk irridux nagħtuh xi ħaġa. Aħna għednielu li għandna petizzjoni u se nagħtuhielu l-Erbgħa (il-bieraħ) qabel ma mmorru nipprotestaw quddiem l-Ambaxxata Franċiża fi New York. Se nipprotestaw hemmhekk għax Franza qiegħda tokkupa l-Presidenza tal-UE. Jekk ma jiġri xejn fi żmien xahrejn, se nerġa’ nipprotesta, jew quddiem l-uffiċċju tal-UE jew quddiem l-ambaxxata li dak iż-żmien ikollha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea.” S’issa, il-petizzjoni ta’ Dennis Catania – li qiegħed jiġborha bl-Internet – kienet iffirmata minn 948 persuna. Għalkemm tħalla jagħmel protesta fi New York, Dennis Catania għad m’għandux permess biex jagħmel l-istess ħaġa hawn Malta. “Se nipprova nwassal il-messaġġ jien u nittama li l-Maltin jieħdu l-eżempju tiegħi u jipprotestaw biex l-Unjoni Ewropea tgħin lil Malta. Tkellimt mal-Pulizija Maltija għall-permess għal protesta f’Malta, iżda dawn qaluli li biex ituni permess irrid niġi f’Malta u ninformahom tmint ijiem qabel,” qal Dennis Catania. Din il-protesta saret fl-istess ħin li l-Mexxej Laburista, Joseph Muscat iddeskriva s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna bħala “kriżi nazzjonali”. Nhar it-Tlieta, Muscat appella lil Lawrence Gonzi biex ma jaċċettax il-proposti li qiegħed iressaq il-President Franciż, Nicholas Sarkozy dwar l-immigrazzjoni illegali. bpisani@unionprint.com.mt |