|
| Aħbarijiet |
|
L-Orizzont - Is-Sibt 17 ta' Mejju 2008
Riskju għall-popolazzjoni tat-tonn fil-Mediterran... “Pirati tat-tonn” f’Malta – il-W.W.F. minn Victor Vella |
Fl-aħħar xhur smajna diversi dikjarazzjonijiet u nħarġu diversi rapporti dwar is-sajd tat-tonn fil-Mediterran, sajd li minħabba l-mod kif espanda, qiegħed ipoġġi f’riskju kbir il-popolazzjoni tat-tonn fil-Mediterran. Diversi ambjentalisti u esperti kienu qegħdin jitkellmu ukoll dwar il-qerda tat-tonn mill-Mediterran jekk ikompli s-sajd bla rażan. Is-sena li għaddiet Malta kienet akkużata li ħalliet skejjen Taljani u anke ajruplan jużaw lil Malta bħala bażi waqt li l-istaġun tat-tonn kien magħluq. Din is-sena, l-istess organizzazzjoni li għamlet l-akkuża s-sena li għaddiet, il-World Wildlife Fund (WWF), qiegħda tagħmel akkuża ġdida u din id-darba għandha x-xiehda tar-ritratti. Din hi dik li l-portijiet ta’ Malta taw kenn lill-pirati tat-tonn, skejjen bil-bandiera tal-Bolivja, li kienu qegħdin jistadu għat-tonn bix-xibka illegalment. L-istess WWF qiegħda tgħid li hemm interessi Maltin, Franċiżi u Libjani wara din il-piraterija. WWF wasslet l-akkuża tagħha lill-Kummissjoni Ewropea u jidher li din qiegħda tinvestiga l-każ. Il-WWF fid-dikjarazzjoni li ħarġet qalet li “fil-bidu ta’ l-istaġun tat-tonn, sorsi tagħna diġà identifikaw żewġ ‘purse seiners’ pirati, li qegħdin joperaw fil-Mediterran. Dawn huma skejjen li mhumiex irreġistrati u fil-bidu kienu qegħdin itajru l-bandiera marittima tal-Bolivja. Dawn kienu qegħdin jingħataw kenn fl-Port ta’ Malta. Wara dawn l-iskejjen bidlu l-bandiera u bdew itajru l-bandiera marittima Libjana. Dawn l-istess skejjen kienu qegħdin jużaw ismijiet ta’ dgħajjes oħrajn. Dawn baħħru minn Malta biex jistadu għat-tonn,” qalet l-WWF. Id-dikjarazzjoni ta’ WWF tgħid li “s-sorsi ta’ WWF indikaw li wara dawn l-iskejjen jista’ jkun hemm interessi Franċiżi, Maltin u Libjani. Wara li ntalbu kjarifiki mill-Kummissjoni Ewropea dwar dawn l-iskejjen pirati, il-WWF u anke l-Greenpeace esprimew it-tħassib tagħhom b’mod formali mal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn (ICCAT)”. Il-Kap tat-Taqsima tas-Sajd tal-WWF, Dr. Sergi Tudela qal li “kif jistgħu l-awtoritajiet Ewropej jibqgħu b’għajnejhom magħluqin fuq dawn l-iskejjen pirati? Dan is-sajd katastrofiku għat-tonn, li din is-sena missu ma tħalliex isir, qed isir ferm agħar b’sajd illegali li qed ikompli għaddej.” Intant is-sena li għaddiet il-WWF kienet akkużat li waqt l-istaġun magħluq tat-tonn, li hu Lulju, għadd ta’ skejjen Taljani telqu minn Malta akkumpanjati minn ajruplan li jfittex it-tonn mill-ajru. Huma marru fl-Istrett ta’ Sqallija jdawru t-tonn bix-xibka, biex jintefa’ fil-gaġeġ ta’ rziezet tat-tonn fil-Kroazja. Il-WWF kienet għaddiet din l-informazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u lill-European Community Fisheries Control Agency u lill-awtoritajiet Taljani. Dak in-nhar, Dr. Adriana Vella mill-BICREF u li taħdem għall-konservazzjoni tat-tonn, kienet qalet li “bħala BICREF ilna sa mis-sena 2001 nitkellmu dwar kif it-‘tuna penning’ u l-‘purse seiners’ se jeqirdu t-tonn mill-Mediterran. Fil-bidu kienu jgħidulna li hemm il-kwoti, li se jissalvagwardjaw il-popolazzjoni tat-tonn. Indunaw maż-żmien li minkejja li hemm il-kwoti hu diffiċli ħafna li dawn ikunu monitorjati u segwiti. Hu fatt magħruf li t-tonn qiegħed jinqabad ħafna aktar mill-kwota. Meta ftit żmien ilu kienu jgħidu li hemm il-kwoti u ħallew is-sajd esaġerat ikompli għaddej, bil-flotot dejjem jikbru u issa qegħdin naraw inqas qbid u tonn iżgħar. Is-sajd għal dan il-ħut mhux se jibqa’ sostenibbli fi ftit żmien ieħor.” Dr. Vella kienet qalet li “hemm bżonn miżuri drastiċi issa. Il-miżura drastika trid tkun dik li jieqaf is-sajd għat-tonn.” |