Sliema Wanderers ilbieraħ ippreżentaw lill-akkwisti l-ġodda tagħhom għal dan l-istaġun li għandu jwassal fi tmiemha wkoll it-tielet sena ta’ pjan ta’ħidma mfassal mill-klabb Slimiż u li għalhekk l-għan ewlieni se jkun dak tar-rebħ tal-kampjonat Premier.
Dan ħabbru l-president ta’ Sliema W., is-Sur Steve Abela, f’konferenza stampa.
Il-Wanderers ikkonċentraw il-kampanja akkwisti tagħhom fuq il-plejers barranin. Huma akkwistaw ħames plejers barranin li huma l-goalkeeper Ungeriż Viktor Szentpeteri u dak Niġerjan Ini Etim Aktpan, id-difensur mill-Ivory Coast Sekou Tidiane Souare, il-midfilder Portugiż Valdo Goncalves Alhinho u l-attakkant Niġerjan Obinna Polycarp Obiefule filwaqt li ħadu b‘self lil Adam Spiteri mingħand Msida St. Joseph.
Is-Sur Abela qal ukoll li tliet plejers irritornaw mal-klabb wara li kienu mislufin lil klabbs oħrajn. Dawn huma Beppe Muscat, Roderick Bajada u Miguel Ciantar.
Is-Sur Abela qal li dan l-istaġun għandu jwassal għat-tmiem tal-pjan ta’ ħidma mfassal fuq tliet snin u wara li l-klabb rebaħ l-FA Trophy fl-ewwel sena, is-Super Cup fit-tieni sena u l-Euro Challange Cup fil-bidu ta’ dan l-istaġun, issa jmiss ir-rebħ tal-kampjonat li se jkun l-għan ewlieni tal-klabb.
Is-Sur Abela qal li huwa u l-kumplament tal-kumitat jemmnu fil-potenzjal tal-iskwadra eżistenti u għalkemm kien hemm talbiet għal Ivan Woods, Ian Azzopardi u Clayton Failla, dawn it-tliet plejers se jkomplu jilbsu l-flokk Slimiż. Huwa rrefera wkoll għall-goalkeeper Henry Bonello li mistenni jingħaqad ma’ Vittoriosa Stars wara li fl-istaġun li għadda lagħab magħhom b‘self filwaqt li d-difensur Alex Muscat se jiġi operat fil-Belġju nhar it-Tnejn fil-cruciate u mistenni jirritorna lejn tmiem Jannar.
Il-president ta’ Sliema W. wera t-tama li l-akkwisti tal-plejers barranin isaħħu l-iskwadra billi jagħmlu d-differenza iżda fuq kollox ikun hemm il-konsistenza għax hija fattur kruċjali għar-rebħ tal-kampjonat.
Mistoqsi dwar l-allegat każ ta’ korruzzjoni b’rabta mad-decider kontra Qormi li fih kienu mplikati Simon Agius u Ian Ciantar, is-Sur Abela qal li filwaqt li Ciantar m‘għadux plejer ta‘ Sliema wara li ntlaħaq qbil bejn iż-żewġ naħat u l-kuntratt intemm, min-naħa l-oħra s-sitwazzjoni bejn Agius u l-klabb għadha mhix solvuta.
Is-Sur Abela qal li l-plejer ingħata ċ-ċans biex jirtira l-allegazzjonijiet li għamel, fejn Abela ddeskrivihom mhux korretti.
Filwaqt li ta spjega ta’ kif ġraw il-fatti, il-president Slimiż qal li l-klabb issa jrid jissalvagwardja ismu u la darba l-plejer ma ħax l-opportunitŕ li offrielu l-klabb, allura se jressaq kontro protest fil-qorti.
Sadanittant Sliema W. għadhom mhumiex jużaw il-faċilitajiet ta’ Tignč avolja l-proġett ilu lest seba’ xhur. Is-Sur Abela qal li l-kiri tal-grawnds għat-training qiegħed jiswa flejjes kbar lill-klabb wara li l-għajnuna li kienu mwiegħda waqfet għal kollox. Is-Sur Abela wera t-tama li l-kuntratt bejn l-iżviluppaturi l-MIDI u d-Dipartiment tal-Artijiet ma jdumx ma jiġi ffirmat.
|