|
Kultant jiġini għax naħseb li ż-żgħażagħ Maltin huma l-aktar ferħanin fost iż-żgħażagħ tad-dinja kollha! Jidher li ma jonqoshom xejn. Ix-xogħol jiġi u jtellaq magħhom u jsibuh wara kull liwja, opportunitajiet f’kull qasam hawn bl-abbundanza, fil-pajjiż teżisti serenità u trankwillità kważi ċimiterjali u l-flus issibhom f’kull xaqq u konsentura. Problemi ta’ xejn. Ħajja idilika ta’ kuntentezza u affluwenza bla qies jew ilġiem. Dawn iż-żgħażagħ għandhom għaqda u armonija anġelika bejniethom. Il-knejjes ma jesgħuhomx u donnu Paceville qed imajna għax l-istil ta’ ħajjithom sar aktar matur, responsabbli, dinjituż, waqt li qiegħda tingħata attenzjoni b’kull reqqa dwar is-saħħa!
Mhux li kien hekk!
Mhux li dan kollu mhux ħolma fiergħa!
Nagħli għax ilni li fhimt l-istrateġija li qisha bizzilla ta’ tifsiliet diversi, sbieħ u attraenti kieku mhux għax l-għajnejn jiċċassaw fuqha. Insejħilha l-bizzilla tal-iskorpjun. Arseniku. Velenu. Suwiċidju ta’ qajl qajl. Qtil volontarju daqskemm involontarju.
Ħasra kbira li, bla ma niġġeneralizza, għax hawn ħafna tajjeb ukoll fost l-element żagħżugħ ta’ pajjiżna, bosta huma dawk ta’ età tenera, f’dik li hi adolexxenza suppost sabiħa u enerġetika, li l-iskorpjuni qegħdin jirrovinawlhom ħajjithom, ikissru s-sbuħija ta’ ħajja sana, imewtu l-istess ċelebrazzjoni tal-ħajja fl-isbaħ staġun tagħha – ir-rebbiegħa.
Jekk trid tkisser pajjiż farrak is-sinsla tiegħu – iż-żgħażagħ.
Għidilhom liż-żgħażagħ, li kollox huwa leċitu, li x-xorb iqanqlek, li d-droga teċitak, turik il-verità, tgħallmek bi ġmiel u lwien, li ma tgħamillek xejn ħażin, anzi tissodisfak. Ejja man ħu naqra!!
Billi nesperimentaw ftit!? L-ewwel pass l-itqal. Wara, kollox ward u żahar. Kollox stilel u xmux u qmajjar jittewbu mad-duħħan tal-eklissi l-ġdida waqt li l-baħar isabbat f’widnejn imtarrxin u kuluri jleħħu man-nifs u x-xorb. U billi tħallat ftit minn din ma’ dik tas-soltu u tixrob fuqhom? Tal-ġenn man!
Stħajjil! Ħarbien mir-realtà sewda ta’ Malta marida. Titjir fl-ajru lejn qċaċet ġodda, fl-immensità tal-beraħ għax hawn m’hawnx ħobż, hawn biss pilloli u trab u barunijiet u jottijiet u flus id-demm, flus il-mewt, flus is-sagrileġġi, flus il-qtil, flus l-assassinju, flus mill-mard, mill-inkapaċità ta’ dawk tarja, żgħar, vulnerabbli, xi drabi safjin ukoll. Esplojtazzjoni ta’ żgħażagħ minn żgħażagħ u kbar u aktar kbar.
Meow Meow jew Mjaw Mjaw issa fis-suq. Kieku Mjaw Mjaw mhux daqstant ħażin għax xi qattusa, l-aktar forsi ta’ Jannar, kulħadd iħobb ifissidha u jmellisha, imma l-Moew Moew xi ħadd jew uħud huma responsabbli li daħlet Malta u qiegħda tagħmel ħsara lill-qalb, lill-moħħ, l-aktar jekk titħallat mal-kokaina u l-alkoħol. Min hu responsabbli li qed jiżdied il-gwaj f’pajjiżna? M’għandniex għawġ biżżejjed? Familji mkissrin, mifrudin, iċċassati, mifnijin, u mfaqqrin minħabba d-droga? Se nkomplu nżidu u nċarrtu aktar f’din il-ġerħa nazzjonali li issa donnu li tlifna l-ġlieda kontra tagħha?
Grazzi Mons. Dun Victor Grech, mhux biss għal dak kollu li ilek tagħmel mal-poplu Malti u Għawdxi iżda talli ġibt għall-attenzjoni tal-awtoritajiet din id-droga ġdida li s’issa għadha mhix illegali. Nappella lil dawk ikkonċernati biex bla tnikkir jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw li tgħaddi leġiżlazzjoni f’waqtha biex jiġi mblokkat id-dħul ta’ din il-“qattusa” li mhux forsi taf tigref xi girfa żgħira imma daqs pantera sewda ċċarrat l-istess eżistenza. Kemm żgħażagħ tkissru, kemm indarbu f’ruħhom, f’ġisimhom, fil-moral tagħhom, fl-istima lejhom infushom għax spiċċaw iħarsu bla ma jaraw, jitkellmu bla jafu x’inhuma jgħidu, jisimgħu bla ma jifhmu. Oħrajn li tawha għas-serq biex isostnu l-vizzju li bellgħalhom it-traffikant, il-baruni. U jekk mhux f’artna, barra ma narawx atti ta’ vjolenza u qtil biex jinsterqu nies bla ħtija biex jiġu sodisfatti t-talbiet tal-bejjiegħa tad-droga?
Il-miżerja li qegħdin iġarrbu bosta żgħażagħ jafha sew u mill-qrib Mons. Victor Grech u dawk li jaħdmu spalla ma’ spalla miegħu. Is-sema jberikom, il-paċi tkun f’qalbhom, Alla jagħtihom is-saħħa u d-dehen u l-forza u l-kuraġġ. Il-poplu huwa grat lejhom!
|