|
Meta jara x’inhu jiġri madwaru, il-poplu qed jistaqsi, jistaqsi u jistaqsi. Kieku xi ħadd kellu jirrispondih, forsi jonqoslu xi ftit l-inkwiet li għandu. Għalhekk qegħdin nistaqsu anke aħna dak li jrid jaf il-poplu.
•Hawn imqar pajjiż wieħed tal-UE li jippermetti li Segretarju Ġenerali tal-partit fil-Gvern imur ġita fuq jott ta’ imprenditur ewlieni li jieħu l-akbar felli tal-kuntratti tal-Istat?
•Possibbli li f’dawn il-ġiti jitkellmu biss fuq xorb, ikel u xemx, u d-diskors ma jaqa’ qatt fuq l-impriżi u n-negozju tal-imprenditur?
•Jista’ xi ħadd iserraħ moħħ il-poplu li waqt dawn il-ġiti ta’ rutina ma jiġix diskuss l-iffinanzjar tal-politika?
•Veru jew mhux veru li dan l-imprenditur hu fost l-akbar, jekk mhux l-akbar, finanzjatur tal-PN?
•Min se jiggarantixxi li l-kuntratti li dejjem jirnexxielu jakkwista mingħand il-Gvern mhumiex forma ta’ inċentiv biex dan l-imprenditur idaħħal idejh fil-but bil-goff meta jasal il-waqt li l-partit jiġġieled elezzjoni?
•Huwa minnu li dan l-imprenditur għandu subgħajh fil-kuntratt misterjuż tal-White Rocks?
•Jista’ GonziPN jispjega għaliex il-Consortium Costa San Andrea ma setgħux jispekulaw fuq l-art tal-White Rocks u l-kumpanija barranija tista’?
•Jista’ GonziPN ikompli jispjega għaliex 200 appartament li ppropona l-konsorzju Costa San Andrea huma spekulazzjoni u 700 appartament, tliet ċentri kummerċjali u lukanda ta’ erba’ stilel mhix spekulazzjoni?
•…u għaliex negozjanti tal-qalba u dawk barranin huwa naturali li jfittxu li jaħdmu bi profitt u negozjanti komuni jagħmlu dnub jekk jipprovaw jagħmlu profitt?
•Tgħid l-għażla ta’ Ċensu Farrugia tal-GRTU biex jirrappreżenta lil min iħaddem fl-Ewropa hi b’xi mod marbuta mal-misteru tal-White Rocks?
•Tgħid il-proġett tal-White Rocks se jkun it-tewmi sfigurat ta’ Smart City?
•Min se jassigura lill-poplu li bl-għoti b’xejn tal-artijiet pubbliċi, li jqumu biljuni ta’ ewro, bi skuża li mal-ispekulazzjoni goffa se jiġu ffinanzjati wkoll xi żewġ impjanti tal-kompjuter naħa u villaġġ sportiv naħa oħra, fl-aħħar mhux se jibqa’ biss bir-riħa?
•Għaliex il-patrimonju sekulari tal-poplu qed jitqassam b’xejn lill-barrani biex jagħmel il-qliegħ u n-negozjanti Maltin mhux mistennijin jagħmlu profitti, skont il-Prim Ministru?
•Min se jagħti garanzija lill-poplu li wara dawn il-misteri ta’ intriċċi politiċi-kummerċjali ħadd mhu jiggwadanja bil-kbir?
Nistennew tweġibiet… meta ma nafux!
Trażżin tal-ħela
Jirriżultalna li l-ilma li ilu ħiereġ fis-sit fejn qed jinbena grawnd ġdid f’Ħal Kirkop issa twaqqaf wara li ssewwiet ħsara oħra li kien hemm. Kuntenti li wara xahar u nofs fl-aħħar twaqqfet il-ħela. Prosit! Issa jingħad li fadal aktar minn 250 każ ieħor ta’ ħela simili. Dawn meta?
|