Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern mistenni joħroġ Sejħa għall-Interess fejn se jkun qiegħed jistieden lill-kumpaniji lokali u internazzjonali biex jissottomettu l-interess tagħhom b’rabta mal-privatizzazzjoni li biħsiebu jagħmel tal-korsa taż-żwiemel tal-Marsa, qalu ma’ l-orizzont persuni involuti direttament fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
l-orizzont huwa informat li fl-aħħar xhur is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport permezz tal-konsulenti tiegħu kienu għaddejjin b’diskussjonijiet ma’ bosta individwi fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel li wrew interess li jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-faċilitajiet tal-Korsa taż-Żwiemel tal-Marsa.
Fil-preżent il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), responsabbli minnu s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, jiddelega t-tmexxija tal-korsa taż-żwiemel inkluż il-programm tat-tiġrijiet lill-Malta Racing Club.
Imkejjen qalu li d-deċiżjoni tal-Gvern li jinvolvi lill-privat fil-korsa taż-żwiemel, korsa mibnija minn Gvern Laburista tas-snin 70 u 80, tagħmel parti mill-Master Plan li ordna li jsir is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport dwar l-użu tal-faċilitajiet sportivi kollha li hemm fil-kumpless sportiv tal-Marsa.
Mistoqsi t-Tlieta li għadda minn l-orizzont jikkonfermax id-deċiżjoni tal-Gvern li jipprivatizza l-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa u meta qiegħed jippjana li l-amministrazzjoni tagħha tgħaddi f’idejn il-privat, Clyde Puli, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport għażel li ma jwieġeb għall-ebda domanda mibgħuta sakemm morna għall-istampa.
Madankollu l-intenzjonijiet tiegħu li jgħaddi l-korsa taż-żwiemel f’idejn il-privat kienu saru diġà magħrufin fl-aħħar ta’ Marzu li għadda fil-Parlament.
F’diskors li għamel fil-Kamra tar-Rappreżentanti Puli qal li fl-opinjoni tiegħu dik li llum hija magħrufa bħala l-korsa taż-żwiemel trid issir ċentru ekwestri ta’ livell li fiha jiġu pprattikati diversi dixxiplini tal-isport ekwestri, mhux biss it-trott u l-galopp imma t-trott, il-galopp, polo u show jumping li kollha flimkien hemmhekk jistgħu jiġbdu numru ieħor ta’ turiżmu sportiv lejn pajjiżna flimkien ma’ archery u l-atletika.
“Jiena ninsab kważi konvint u ottimist li jekk hawnhekk nitkellmu fuq l-inizjattiva, fuq finanzjament differenti u fuq public private partnership, fejn inħallu l-immaġinazzjoni tal-privat tidħol magħna wara li naraw il-bżonnijiet tal-isport f’dawk l-inħawi, inkunu nistgħu nagħmlu villaġġ sportiv li jikkontribwixxi ħafna u b’mod tajjeb għall-isportiv Malti u li jagħti kontribut tajjeb ukoll lill-ekonomija Maltija. Naħseb li f’dawn iż-żminijiet irridu nibdew inħarsu iktar lejn l-isport b’dan il-mod jekk irridu faċilitajiet tajbin”, qal Puli.
Imkejjen qrib il-Korsa taż-Żwiemel qalu li fil-Marsa qegħdin jissemmew bosta ismijiet ta’ individwi magħrufin f’pajjiżna li jinsabu lesti li jidħlu f’dan l-isport li hemm involuti fih eluf kbar ta’ ewro, kemm minħabba l-popolarità kbira li jgawdi mad-dilettanti taż-żwiemel u kemm minħabba l-esklussività tal-logħob tal-flus li jsir fuq l-istess tiġrijiet.
Xahar u nofs ilu, is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport ħareġ bl-aħħar minn sensiela ta’ proġetti mwiegħda f’dawn l-aħħar 15-il sena għal dak li kien il-kumpless turistiku tal-White Rocks. F’konferenza stampa l-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar li fuq is-sit inkwistjoni se jinbnew bosta faċilitajiet sportivi. Madankollu, ftit tal-jiem wara rriżulta li l-Gvern se jgħaddi b’xejn l-art tal-White Rocks stmatha li tiswa nofs biljun ewro lill-konsorzju Ingliż. Dan biex bl-iskuża tal-bini tal-faċilitajiet sportivi, ikunu jistgħu jinbnew mijiet ta’ appartamenti, ħwienet u stabbilimenti tad-divertiment f’żona li skont il-policies tal-MEPA u skont Lawrence Gonzi tal-2004, ma seta’ jsir ebda żvilupp ta’ din ix-xorta.
|