|
|
Wara li skorja 100 gowl fil-kampjonat Malti: Nittama li nkompli niskorja ħa nwassal lil Valletta għar-rebħ tal-kampjonat – L-attakkant Terence Scerri |
|
Nhar is-Sibt li għadda l-attakkant Terence Scerri sar it-13-il plejer li daħal fil-kotba tar-rekords meta biż-żewġ gowls li skorja kontra Hibernians sar it-13-il plejer li għamel din il-bravura u daħal fil-klabb tal-100 tal-iskorers Maltin. Issa Scerri qiegħed jittama li jkompli jżid ma’ dan l-ammont biex finalment iwassal lil Valletta sat-tragward tar-rebħ tal-kampjonat.
Dan il-ġurnal ikkuntattja lill-attakkant ta’ Valletta dwar il-100 gowl li rnexxielu jiskorja u qal: “Għalija dawn il-100 gowls ifissru ħafna. Mhux tragward faċli li jintlaħaq iżda mbagħad naturalment la darba tkun viċin li tilħaqdin iċ-ċifra, bilfors tibda taħseb fuqha”.
Scerri wettaq din il-bravura kontra l-eks tim tiegħu ta’ Hibernians li magħhom lagħab għal 12-il sena.
|
“Lil Hibernians bilfors nirrispettahom wara ħafna snin nilgħab magħhom u għenuni nsir il-plejer li jien. Għad għandi ħafna ħbieb midħla tal-klabb Pawlist u l-memorji magħhom huma ħafna. Iżda llum jien plejer ta’ Valletta u rrid inkompli b‘xogħli. Inzerta li t-tragward tal-100 gowl nilħqu proprju fil-logħba kontra Hibernians”.
Scerri telaq lil Hibernians fi tmiem l-istaġun li għadda wara li għenhom jirbħu l-kampjonat biex fis-Sajf iffirma għal ħames snin ma’ Valletta.
“Naħseb li wara l-istaġun li għadda kien wasal iż-żmien li niċċaqlaq. Valletta huma klabb ewlieni f’pajjiżna u naħseb kull plejer iħossu onorat jilgħab magħhom. Dejjem xtaqt li xi darba fil-karriera nilgħab ma’ Valletta u la darba ġieni ċ-ċans ħadtu.
“Mid-diskussjonijiet li kelli ma’ Valletta, il-klabb Belti kellu ambizzjonijiet kbar u kienu jissodisfaw ix-xewqat tiegħi għall-futur”.
Mistoqsi kif qiegħed iħossu ma’ Valletta u kif qiegħed jara ċ-ċansijiet ta’ Valletta għar-rebħ tal-kampjonat, l-attakkant Malti qal:
“Fil-bidu tal-istaġun Valletta għamlu diversi akkwisti u ma kenitx faċli għalina l-plejers namalgamaw ma’ xulxin malajr. Iżda issa jidher li drajna lil xulxin u qbadna r-ritmu u fil-forma li ninsabu fiha nemmen li għandna nwasslu sal-aħħar u nirbħu l-kampjonat”.
L-isfida ewlenija għalihom tidher li se tkun minn Birkirkara li qegħdin jaqsmu l-ewwel post magħhom.
“Minħabba l-aspettattivi li nbnew qabel l-istaġun konna t-tim li jrid jiġi megħlub minn kwalunkwe tim u għalhekk ma kenitx faċli għalina. Iżda maż-żmien aħna u Birkirkara nqtajna mill-kumplament u nemmen li filwaqt li ma rridux inwaqqgħu punti mat-timijiet l-oħrajn, il-konfronti diretti se jkunu determinanti”.
Finlament mistoqsi lil min jixtieq jiddedika t-tragward tal-100 gowl, Scerri qal: “Bla dubju l-ewwel dedikazzjoni tmur għall-familja tiegħi iżda ma rridx ninsa lill-plejers, diriġenti u fuq kollox lill-president ta’ Valletta, Victor Sciriha”.
|
|
Artikli oħrajn fis-sezzjoni Sports
|
|
|
|
|