Beckham se jkun qiegħed jirritorna f’Old Trafford għall-ewwel darba minn meta telaq lil Manchester United seba’ snin ilu.
Filwaqt li fil-passat Beckham rebaħ l-unika Champions League tiegħu ma’ Manchester United, din id-darba l-għan tiegħu se jkun li igħin lil Milan jdawru l-iskor favurhom u jeliminaw liċ-ċampjins Ingliżi.
Fl-ewwel leg f’San Siro Manchester United għelbu lil Milan bl-iskor ta’ 3-2. Il-United se jkollhom igħaddu mingħajr is-sospiż Michael Carrick iżda l-ikbar uġiegħ ta’ ras għall-maniġer Sir Alex Ferguson huwa l-attakkant Wayne Rooney.
L-attakkant internazzjonali Ingliż, skorer ta’ żewġ gowls fl-Ingilterra, ma lagħabx fi tmiem il-ġimgħa kontra Wolves u jinsab dubjuż għal din il-logħba.
Iżda l-ewwel kwarti finalisti jsiru magħrufa llum meta Arsenal jospitaw lil Porto u Fiorentina jilqgħu lil Bayern Munich. Kemm Porto kif ukoll Bayern jibdew it-tieni leg 2-1 minn fuq.
Iċ-ċampjins Portugiżi se jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel rebħa fl-Ingilterra wara 13-il tentattiv iżda l-istatistika ma tiffavorix lil Arsenal sa l-aħħar lanqas. Dan għax Arsenal, li se jkunu mingħajr l-imweġġa’ Cesc Fabregas, rebħu darba biss f’disa’ logħbiet fl-Ewropa wara li fihom sofrew telfa barra minn darhom.
B’kuntrarju Bayern iqawwu qalbhom għat-tieni leg fl-Italja wara li f’Diċembru li għadda għelbu lil Juventus 4-1 f’Turin biex għaddew għall-fażi eliminatorja.
Għalkemm ir-rebħa ta’ Bayern fl-ewwel leg tal-aħħar 16 intemmet f’kontroversja għall-gowl tar-rebħa li wasal minn offsajd ċar, minn dak in-nhar it-tim ta’ Louis van Gaal kien f’forma tajba filwaqt li l-Vjola qegħdin jitħabtu. Madankollu f’logħba bħal dik tal-lejla kollox jista’ jseħħ u ċertament li Fiorentina se jipprovaw ipattu għall-inġustizzja li sofrew fl-ewwel leg.
L-aħħar logħba minn erbgħa f’dawn il-jumejn se tkun bejn Real Madrid ta’ Spanja u Olympique Lyon ta’ Franza. Dawn tal-aħħar jibdew 1-0 minn fuq.
Ċertament li plejers bħal Kaka u Cristiano Ronaldo għandhom il-kapaċità jistimolaw lit-tim fil-għan tal-Madrileni li jgħaddu għall-kwarti finali għall-ewwel darba mill-2004 kif ukoll li jaslu sal-finali li se ssir fl-istadium tagħhom, il-Bernabeu.
Il-kwadru tal-kwarti finalisti jkun magħruf il-ġimgħa d-dieħla meta jsiru l-aħħar erba’ logħbiet bejn is-16 u s-17 ta’ Marzu.
Programm għal-lum u għada
ILLUM
Arsenal (Ingilterra) v Porto (Portugall) (1-2)
Fiorentina (Italja) v Bayern Munich (Ġermanja) (1-2)
GĦADA
Manchester United (Ingilterra) v AC Milan (Italja) (3-2)
Real Madrid (Spanja) v Olympique Lyon (Franza) (0-1)
|