|
Minn żmien għal żmien, il-partiti poltiċi jagħmluha ta’ qabla. Dawn ikunu dawk il-partiti li jagħrfu li fi ħdan is-soċjetà jkun qiegħed jissawwar mudell ġdid ta’ għixien u espressjoni popolari. Dawk li jagħrfu ż-żminijiet u jinterpretawhom, huma l-progressivi. Dawk li jirresistuhom huma l-konservattivi.
Xi ħin jew ieħor fl-istorja ta’ pajjiżna, iż-żewg partiti kienu xi wieħed minn dawn il-kurrenti. Anzi ġieli ġew qabel iż-żmien meta l-mudell modern ikun għadu ma ssawwarx għal kollox. Wieħed minn dawn il-mumenti kien, meta Duminku Mintoff fil-ħamsinijiet u sittinijiet, beda jitkellem fuq ideat sekolari għall-aħħar, bħalma ngħidu aħna d-distinzjoni ċara bejn stat u Knisja.
Duminku Mintoff kellu raġun. Kien għadu kmieni wisq u ta’ żagħżugħ li kien ma felaħx jistenna. Prova jagħmilha ta’ qabla biex iwelled dak li hu kien isejjaħ “Malta moderna”. L-omm korriet. Ġabet magħha t-tilwimina politiko-reliġjuża li splodiet fl-interdett u l-biża’ ta’ difna mingħajr l-aħħar sagramenti. Għadna nġorru dan il-mument fil-memorja kollettiva tal-poplu tagħna.
Kellu jkun Ġorġ Borg Olivier li jagħmilha ta’ qabla biex fl-1964 welled tarbija li kienet ilha tissawwar ftit sa mill-ewwel mumenti li l-Ingliżi rifsu fuq artna. Fl-1964 twieldet tarbija li però għamlet l-ewwel seba’ snin ta’ ħajjitha f’inkubitur.
Iżda Ġorġ xorta jibqa’ bniedem li għaraf jaqra s-sinjali taż-żminijiet. Jekk ma poġġiex il-ġebla tax-xewka, beda jħaffer il-pedamenti biex f’Malta tiż-viluppa l-industrija. Ma kienx ħabib tal-Knisja. Anzi kien bniedem tad-dinja, hekk bħalma kien Duminku Mintoff. Iżda mal-Knisja ma riedx idarrasha u minn dan l-aspett kien jidher konfessjonali għall-konvenjenza. Ġorġ kien l-ewwel u l-aħħar kap sekolari tal-Partit Nazzjonalista.
Għal darba oħra kellha titwieled tarbija oħra fl-1971. Anzi din id-darba Duminku Mintoff li kellu ċar quddiem għajnejh is-sura ta’ dak li kien hemm miktub fuq il-ħajt u welled ‘triplets’. Welled tarbija soċjali. Fl-aħħar daħlu f’pajjiżna servizzi soċjali li jibqgħu miegħek min-nieqa sal-qabar. Welled oħra ekonomika. Splodew l-industriji tat-turiżmu, manifattura u kumpaniji kbar statali u bankarji li servew biex stimolaw il-ġid. Welled it-tarbija li tant ħabtitu fis-sittinijiet.
Kien f’dan iż-żmien li bdew deħlin drittijiet ċivili li sar għaxar snin qabel kienu inkonċepibbli li titkellem dwarhom. Tneħħew minn reati l-omosesswalità u l-adulterju. Daħal iż-żwieġ ċivili u biex Ċesri jieħu dak li kien tiegħu fil-Kostituzzjoni tal-1974, saħansitra daħlu wħud mill-famuzi sitt punti, fost oħrajn li Knisja ma setgħetx timponi sanzjonijiet waqt elezzjonijiet.
L-ewwel tmien snin tal-Partit Laburista fil-Gvern, kienu tad-deheb. L-ohrajn fil-parti kbira tagħhom kienu taċ-ċomb. Qiegħed nirreferi għall-aħħar snin tiegħu fit-tmeninijet. Duminku ma riedx jifhem li bdiet l-era tal-kompjuter. Kien jibża’ li dan iġib telf ta’ impiegi. Minbarra dan ma kienx hemm għarfien biżżejjed biex jinbidlu l-istrutturi ekonomiċi.
L-Amministrazzjoni Laburista ma bdietx tifhem li d-dinja kollha qiegħda tinbidel u dak li kien qiegħed iseħħ kien biss l-avvent qabel waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin. Dak li kien tant modern ftit tas-snin qabel f’daqqa waħda qdiem. Il-kontrolli, il-pro-tezzjoniżmu ekonomiku strett u l-monopolji tal-istat f’ħafna oqsma tal-ħajja bdew jirsistu għal twelid ieħor. Ma bdejniex nifhmu li l-aspettattivi tal-ħaddiema fit-tmenijiet ma kinux baqgħu l-istess bħal dawk tas-sebgħinijiet.
F’kemm ili ngħidlek, il-Partit Laburista beda jidher konservattiv, mentri dak Nazzjonalista modern u progressiv. Fil-paniku, anke feġġet l-indixxiplina ministerjali f’xi ministeri.
Tajjeb jew ħażin, fl-1987 kien hemm bżonn bidla. Kien hemm bżonn qabla ġdida. Il-ħames snin tal-MLP bejn l-1981 u l-1987 kienu żejda. Bħalma huma żejda l-aħħar għaxar snin tal-Partit Nazzjonalista. Biex nikkwota lil Eddie Fenech Adami, ebda partit mhu magħmul li jdum aktar minn għaxar snin fil-Gvern.
Ma nistgħux ma nammettux li l-ewwel seba’ snin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kienu b’mod inġenerali tajbin. Welled it-tarbija tat-tekonoloġija u l-informatika. Welled strutturi importanti fil-qasam tas-servizzi bankarji. Tajjeb jew ħażin, bil-kotroversji kollha li ġabu magħhom, kabbar l-infrastruttura tal-pajjiż. Grazzi dejjem għall-flus li sab fil-kaxxa ta’ Malta fl-1987. Huwa minnu li fl-ewwel snin tiegħu wera li qiegħed jinterpreta tajjeb il-kitba fuq il-ħajt, bl-istess mod li għamel il-Partit Laburista fl-1971.
Sal-1996 għamel żmienu u kien hemm bżonn ta’ qabla oħra. Taqbel jew ma taqbilx ma’ Alfred Sant, dan kien il-bniedem li seta’ jkompli jsaħħaħ l-istturturi sekolari u li jġib ordni fejn l-amministrazzjoni ta’ qabel ħolqot diżordni. Ma laħaqx welled it-tarbija u xi ħadd abortiha. Ġrat biċċa tinkiteb. Inkiser iċ-ċiklu li Eddie Fenech Adami stess kien iddeskriva bħala importanti. F’qasir żmien il-PN rega’ sab ruħu fil-Gvern.
Tul dawn iż-żminijiet kellu missjoni waħda: Malta fl-Unjoni Ewropea, ikun xi jkun ir-riżultat. Għall-bqija ma kellu ebda ideat. Rebaħ elezzjoni wara elezzjoni mhux għax kien qed jaqra s-sinjali taż-żminijiet, iżda għax il-Partit Laburista ma kienx qiegħed jibgħat sinjali ċari f’ħafna oqsma tal-politika. Kien hemm tarbija li qiegħda tissawwar u li llum ilha aktar minn disa’ xhur fil-ġuf.
Jidher ċar, il-Partit Nazzjonalista mhux qed jaqra s-sinjali taz-żminijiet. Is-soċjetà nbidlet u l-partit fil-Gvern qiegħed jitkellem b’lingwaġġ li mhux jingħaraf. F’kull familja hemm xi ħadd separat u jixtieq jibda ħajja ġdida. Bħalissa, jekk fis-sala tal-maternità hemm għaxar ommijiet li welldu, tlieta minnhom m’hemmx ir-raġel ħdejhom. Meta nidħlu norqdu filgħaxija fis-sodda u ħdejna jkun hemm martna jew żewġna, hemm ħafna oħrajn li jkollhom persuna tal-istess sess mimduda ħdejhom.
Iżda mhux dawn il-forom biss. Hemm mudelli ġodda ta’ ekonomija li ddur mal-ambjent. Turiżmu aktar nadif u ffokat. Id-drittiijiet soċjali ta’ ħafna li għax huma min huma dejjem, jaqgħu barra l-qafas tal-legalità. Politika li temmen li flus f’idejn in-nies toħloq aktar ġid milli f’idejn il-Gvern. Għadna ma rrealizzajniex li ma sfruttajniex kif suppost l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Malta li hi moderna trid titwieled u hemm min qiegħed iżommha bit-tama li tmut. Iżda mhux se jiġri dak li ġara bejn l-1996 u l-1998.
Nhar il-Ħadd li għadda, f’diskors qasir, mingħajr ebda pompa u retorika żejda, Joseph Muscat wera li l-Partit Laburista lest li jkun il-qabla ta’ moviment modern għal pajjiżna, li jrid jitwieled.
|