|
Hemm dik l-istorja miġbura f’sensiela ta’ films ta’ xjenzat li kien irnexxielu joħloq karozza li kellha l-ħila li tmur ’il quddiem fil-futur jew lura fil-passat.
Xi kultant nixtieq li kelli din il-karozza u, bħax-xjenzat, ikolli l-poter nieħu n-nies lura fiż-żmien. Preċiżament fis-16 ta’ Frar, 2008 fejn hemm il-PN kien ġabar lill-kunsillieri tiegħu, biex iħabbar il-manifest elettorali.
Hemmhekk il-PN Gonzi kien qal li bħala partit li jgħid iva u mhux le, dan il-partit kien se jadotta programm elettorali ta’ 353 wiegħda. U peress li l-memorja kollettiva tal-poplu hi qasira nesa dawn il-wegħdi li ġejjin, fost oħrajn:
1) Sas-sena 2010 Malta tilħaq bilanċ finanzjarju pożittiv;
2) Jitwessgħu t-tax bands kollha billi jiġi mgħolli l-limitu ta’ meta wieħed jibda’ jħallas it-taxxa bi 15% u b’25%;
3) Titnaqqas ir-rata massima tat-taxxa tad-dħul minn 35% għal 25% ħlief għal min jaqla’ aktar minn €60,000;
4) Ikun iffinanzjat titjib ta’ mill-inqas ħames bajjiet u jsir investiment f’żoni turistiċi u żoni kostali madwar Malta u Għawdex;
5) Issir ħidma biex il-lista ta’ stennija fil-qasam tas-saħħa jispiċċaw;
6) Tinfirex l-iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek;
7) Il-prezzijiet tal-mediċini jibqgħu jkunu kkontrollati u fejn għandhom jorħsu, dawn jorħsu, kif diġà beda jsir;
8) Tibqa’ tiġi ssussidjata s-soprataxxa fuq l-elettriku għal kulħadd u jibqgħu jiġu sussidjati b’mod partikolari l-familji l-aktar fil-bżonn;
9) Ħatriet f’bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għall-applikazzjoni;
10) L-ekonomija Għawdxija tkompli tikber u jinħoloq aktar xogħol.
Dawn huma wħud mill-wegħdi li saru. U naf li llum, sentejn wara, hemm kunsillieri tal-PN li jħossuhom traduti li minflok ma wettaq dawn il-wegħdi, Gonzi, fi ftit inqas minn sentejn, kisser il-finanzi tal-pajjiż wara li ġab riċessjoni b’idu bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kisser is-sistema ta’ saħħa b’xejn għal kulħadd fejn illum anke min jiflaħ l-anqas qed ikollu jmur jinqeda fil-privat, qed iwettaq U-turn fuq l-iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek, fejn l-ispejjeż tal-mediċini splodew, il-bordijiet tal-Gvern baqgħu jinħatru bir-riġa partiġġjana u l-ekonomija Għawdxija mhux talli ma kibritx, talli tant tinsab f’qagħda mwiegħra li anke rappreżentanti tal-Knisja Gozitana wrew tħassib dwar il-qagħad u n-nuqqas ta’ xogħol.
Jien ma nafx jekk sieħbi Dr Joseph Muscat għandux din it-tip ta’ karozza li tieħdok ’il quddiem fis-snin. Biss, Dr Muscat fil-Konferenza Ġenerali tana xi ħaġa ferm aħjar. Fil-mozzjoni programmatika li għadha kemm ġiet approvata quddiem il-Konferenza l-Mexxej Laburista pprovdilna vettura li mhux tmur ‘il quddiem fis-snin u ssib ma’ wiċċha futur li jkun tfassal diġà, imma pprovdilna vettura li se tagħġen hi l-futur tagħna, li se twelled hi futur ġdid, li se tagħti l-poter lilna li noħolqu futur politiku ġdid.
L-ideal tal-għajta ta’ moviment progressiv u moderat ġġib magħha r-realizzazzjoni li fil-pajjiż hawn maġġoranza tikber ta’ nies u familji li xebgħu mill-istess tip ta’ politika tal-antik. Li lesti jingħaqdu, anke jekk mhux taħt kappa ta’ partit, biex jagħmlu Malta aħjar, Malta li timplimenta politika ekonomika li tagħti ċ-ċans lil kulħadd jirnexxi, li tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet ċivili ta’ kulħadd u li tpoġġi bħala kumpassi ewlenin tal-progress il-kunċetti tal-iżvilupp sostenibbli u l-kreattività. Il-moviment hu miftuh għal kull min jixtieq jagħmel pajjiżna wieħed aħjar, l-aqwa fl-Ewropa u miegħu huma mistednin li jingħaqdu l-familji kollha li jaqsmu magħna dan il-ħsieb. Mhux aktar il-passat li jifred, imma l-futur li jgħaqqad. Biex jgħaddu s-snin, jgħaddu l-ġenerazzjonijiet, inħarsu lura u ngħidu: aħna konna dawk li biddilna l-futur politiku ta’ pajjiżna. Għax, wara kollox, Malta hi aħna lkoll.
owenbonnici@onvol.net
|