|
|
| Frans Baldacchino l-‘Budaj’ u Charles Clews |
|
Nhar it-Tlieta, 2 ta’ Frar rajt il-programm “Bijografiji” fuq TVM li fih kien hemm l-istorja tal-ħajja tal-għannej Frans Baldacchino l-“Budaj”.
F’dak il-programm għedt xi kelmtejn, iżda ma għedtx kollox.
Illum irrid ngħid ukoll kelmtejn dwar Charles Clews li f’għeluq is-sena mill-mewt tiegħu sarlu omaġġ fil-Galerie Libertè, fil-Workers Memorial Building fil-Belt Valletta.
Il-Ballata tal-Marsa
Meta konna se niftħu uffiċjalment it-tielet dar tal-Għaqda tal-Mużika Trinità Qaddisa fil-Marsa, jiena ktibt “Il-Ballata tal-Marsa” li tgħid l-istorja ta’ pajjiżna mill-bidu sa żminijietna.
|
Din il-ballata b’versi tat-tmienja, kellha titgħanna f’Lejla Marsija li konna għamilna quddiem il-każin tal-banda f’Ġunju tal-1993 ġimgħa qabel il-festa tas-Santissima Trinità.
Xtaqt li din jgħanniha Frans Baldacchino l-Budaj (ritratt xellug) u mort inkellmu d-dar tiegħu f’Birkirkara.
Frans li ma kienx jaf jgħid le, laqa’ t-talba tiegħi bil-ħlewwa u bi pjaċir u wrieni fid-dar tiegħu l-pitturi li hu kien pinġa. Frans qalli wkoll li hu jikteb il-poeżija, tant hu hekk li xi snin wara l-Klabb Kotba Maltin ħareġ il-ktieb ta’ poeżiji tiegħu “Imrieżaq ta’ Moħħi”.
L-ghana fil-Palazz tal-President
L-attivitajiet u l-okkażjonijiet li fihom il-Budaj kien mitlub jgħanni ma tgħoddhomx. Meta jiena u Charles Coleiro konna membri fil-Kunsill tal-Akkademja tal-Malti u ġejna biex niċċelebraw Jum l-Akkademja f’Diċembru tal-2003, Charles Coleiro daħħal fil-programm, l i huwa kien ukoll ippreżenta, l-għana Malti u konna stedinna lil Frans Baldacchino l-Budaj. Din il-laqgħa saret fil-Palazz tal-President, il-Belt taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika, il-Professur Guido de Marco.
Il-funeral tal-Budaj sar kif kien xieraq fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun. fi tmiem il-Quddiesa, Charles Coleiro għamillu omaġġ li fih sejjaħlu ambaxxatur denn ta’ pajjiżna u l-għannej li rnexxielu joħroġ l-għana mill-ħwienet tax-xorb tal-inbid u jitfgħu fl-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
F’artiklu li kont ktibt f’l-orizzont, wara l-mewt tal-Budaj, fi s-27 ta’ Ġunju, 2006, kont għedt li ż-Żejtun għandu jagħmel monument lil Frans Baldacchino l-Budaj, bħalma għamel lill-għannejja l-oħrajn taż-Żejtun, bħal Mikiel Abela l-Bambinu, Pawlu Degabriele l-Bies, Pawlu Seychell u Żaren Mifsud Ta’ Vestru. Dak il-monument lill-Budaj illum sar.
Omagg lil Charles Clews
|
Fid-29 ta’ Jannar li għadda saret laqgħa li fiha ngħata omaġġ lil Charles Clews (ritratt lemin) f’għeluq is-sena mill-mewt tiegħu fid-29 ta’ Jannar, 2009. Ippreżenta din il-Lejla ta’ Tifkira s-Sur Frans Said (magħruf bħala z-Ziju Frans), li nista’ ngħid li tkellem dwar il-ħajja ħawtiela ta’ Charles Clews.
Il-lejla ta’ omaġġ kienet taħt il-patroċinju tal-President Emeritus tar-Repubblika Dr Ugo Mifsud Bonnici li għamel id-diskors tiegħu fejn qal li l-aqwa ħaġa li għamel Charles Clews hi li fil-kitba tal-makkjetti u ta’ operetti tiegħu huwa dejjem kien nadif, bla kliem pastaż jew kliem doppju sens.
Charles Clews kien wieħed mill-fundaturi flimkien ma’ oħrajn tal-kumpanija teatrali Stage Commandos u r-Radjo Musettieri, li wieħed jista’ jgħid li twieldu fit-Tarzna, fejn Charles Clews kien jaħdem bħala ‘engine fitter’.
Waħda mill-aqwa operetti tiegħu kienet “It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla” u llum nixtieq ngħid hawnhekk li aħna tad-Dipartiment tat-Tagħrif li kien immexxi minn Dr Alfred Sant, konna għamilna din l-operetta fl-Iljieli Mediterranji li kienu jsiru fil-Ġnien tal-Argotti, il-Floriana.
Lil Charles Clews konna tajnih is-somma ta’ Lm100 talli għamilna l-operetta tiegħu u fis-7 ta’ Lulju, 1999 Charles Clews kitibli ittra fejn qalli: “Għażiż ħabibi Anton, irċevejt l-ittra tiegħek flimkien maċ-‘cheque’, li ħadt ferm pjaċir bih kif tista’ taħseb u li ninsab ċert li wasalli bis-saħħa tiegħek u ta’ daqshekk niżżik ħajr minn qalbi.”
Charles Clews jigi jahdem il-Union Press
Charles Clews wara t-Tarzna ġie jaħdem magħna fil-Union Press, fil-ġurnali tal-GWU, l-orizzont, id-Daily News u It-Torċa. Fit-23 ta’ Diċembru, 1964, lejlet il-Milied, Charles Clews għamel makkjetta dedikata lili li kien jisimha “Poeżija għall-okkażjoni tal-preżentazzjoni ta’ ‘Lighter’ lis-Sur Cassar”. Din il-makkjetta turi r-rispett li kont ingawdi minn sħabi ħaddiema tal-Union Press.
Fost l-artisti komiċi u umoristiċi li kienu jaħdmu ma’ Charles Clews kien hemm Johnny Catania, li waħda mill-makkjetti tiegħu kienet tgħid hekk:
U meta jaqta’ libsa Charlie Clews
ħames jardi drapp iqumu l-flus
u allura jaqbel li tkun tapp
għax teħles tiġri b’jarda drapp.
Din il-biċċa makkjetta ta’ Johnny Catania tahieli Joe Tanti taż-Żejtun, li kien ħafna ħabib ta’ Johnny Catania, tant li Johnny Catania qagħad xhud fit-tieġ ta’ Joe Tanti. Johnny Catania, darba waħda ġie fl-uffiċċju tiegħi fil-Workers Memorial Building u kien talabni nikteb l-istorja ta’ ħajtu. Li kieku dan seħħ ma kien jiddispjaċini xejn, anzi kont nieħu pjaċir bħalma ħadt pjaċir nedita l-awtobijografiji ta’ Ġiġi Gauci u Pawlu Carachi.
Dawn kollha kienu n-nies, li flimkien ma’ oħrajn, tawna tant pjaċir f’ħajjitna.
|
|
Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
|
|
|
|
|