|
Minghajr l-iċken dubju l-Konferenza Ġenerali tal-PL li għadha kif intemmet kienet l-isbaħ u l-aqwa waħda li qatt attendejt u ħadt sehem fiha kemm ilni attiv fil-politika. Verament ħassejt li t-tibdil li qiegħed jiġi pprospettat permezz tal-mozzjoni programmatika huwa reali u mhux biss opportunità għar-retorika u għat-trasmissjoni tal-‘islogans’.
Apparti l-kwalità tal-interventi mid-delegati, kemm dawk ordinarji kif ukoll dawk speċjali, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat wera li huwa politiku ta’ stoffa u ta’ viżjoni, kemm bid-diskors li għamel waqt is-sessjoni “mistoqsija u risposta” kif ukoll bid-diskors tal-għeluq tiegħu tal-konferenza.
Qed juri li qed jittrasforma partit, li kien xi ftit jew wisq esklussiv, għal partit inklussiv li qiegħed jappella għal faxex differenti tas-soċjetà.
Il-PL qiegħed fuq kollox jappella għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema li ilhom is-snin ma jistgħux jidentifikaw ruħhom mal-PL iżda li, bil-formazzjoni tal-moviment ta’ progressivi u moderati, qegħdin isibu punti ta’ konverġenza politika u soċjali mal-PL.
Settur li jeħtieġ li l-PL jibda jifhem aħjar u jindirizzah aħjar milli qatt għamel fl-imgħoddi huwa dak tas-‘self-employed’ u ta’ dawk li jħaddmu għax għal bosta snin aktar ħassew li huma komdi mal-PN milli mal-PL.
Jeħtieġ li nuru bil-fatti li nemmnu fl-ekonomija bħala l-għodda li biha nħarsu l-ġustizzja soċjali. Ekonomija b’saħħitha hi l-aqwa garanzija għall-‘welfare state’ li bnejna tul iż-żmien.
Min joħloq il-ġid ekonomiku hu l-alleat naturali tal-Partit Laburista. Kull min jaħdem biex joħloq impjiegi sostenibbli se jsibna spalla ma’ spalla miegħu.
Il-mozzjoni programmatika fil-fatt indirizzathom bħala li huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli ekonomiku tal-pajjiż.
Il-mozzjoni trid li napprezzaw is-sehem tas-‘self-employed’ u ta’ min iħaddem fl-ekonomija ta’ pajjiżna, fis-suq tax-xogħol, fil-ħarsien tal-postijiet tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali.
Iżda biex nifhmu aħjar kif dawn qegħdin jagħtu sehemhom irridu nifmhu t-tbatijiet tagħhom partikolarment f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-lum.
Irridu nifhmu li minkejja li għadhom qegħdin jintlaqtu minn riċessjoni internazzjonali, naqsulhom l-ordnijiet minn barra, u mhux qegħdin jesportaw daqs qabel, xorta waħda qegħdin jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iżommu magħhom lill-impjegati tagħhom.
Irridu nifhmu li t-tariffi tad-dawl u l-ilma se jogħlew b’aktar minn 40 fil-mija għan-negozji.
Se jogħlew aktar għan-negozji milli se jogħlew għall-familji. U l-fatt li li se jogħlew għall-familji wkoll huma aħbarijiet ħżiena għas-‘self-employed’ għax in-nies diġà qegħdin jixtru inqas mingħandhom u se jkomplu jixtru inqas bil-konsegwenza li dawk li jħaddmu jagħmlu inqas qligħ.
Imma xorta waħda dawk li jħaddmu ma jaqbdux u jitfgħu ’l barra lill-impjegati tagħhom.
Bħalissa l-qgħad tiela’ però kieku mhux għax is-‘self-employed’ u min iħaddem huma reżiljenti kieku s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol hija ferm agħar. Irridu nifhmu li għal dawk is-‘self-employed’ li joperaw fil-qasam tal-manifattura, żdidulhom il-liċenzji tagħhom elf fil-mija. Minn liċenzja ta’ €240 għal liċenzja li ma tistax tkun inqas minn €1,200 fis-sena.
Dawn huma spejjeż li jridu jħallsuhom bilfors għax mingħajr il-liċenzja ma jistgħux joperaw, aħseb u ara kemm jistgħu jħaddmu. Imma xorta waħda jagħmlu li jistgħu biex iżommu lill-ħaddiema fl-impjieg.
Irridu nifhmu li l-gvern naqashom fit-tneħħija tal-burokrazija u ta’ dan qegħdin iħallsu spejjeż kbar li ma jidhrux. Però xorta waħda jagħmlu l-almu tagħhom biex iżommu lill-impjegati tagħhom.
Is-‘self-employed’ u kull min iħaddem ħaqqhom ir-rikonoxximent tagħna lkoll għax huma l-mutur tas-settur privat, joħolqu x-xogħol u jħarsu l-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom. Irridu nifhmu li l-investiment fil-ħaddiema tagħhom huwa kruċjali għas-suċċess tal-kumpanija tagħhom.
Jekk ma nkabbrux l-ekonomija u n-negozju, il-familji tagħna se jaqgħu aktar lura fil-livell tal-għixien tagħhom.
Finalment irridu nifhmu li meta nħarsu lejn kumpanija li għamlet suċċess irridu nifhmu li xi darba xi ħadd ħa riskju kbir. Għal dak ir-riskju li ħa aħna għandna nkunu grati.
|