|
Fil-matematika n-numru tlieta huwa l-ewwel numru fard. Fix-xjenza, l-informazzjoni ġenetika tinstab f’sistema ta’ tlieta. L-univers għandu tliet dimensjonijiet spazjali. Id-dawl abjad huwa taħlita ta’ aħmar, isfar u ikħal.
Fir-reliġjonijiet u fil-mitoloġija, jinstab ta’ spiss il-kunċett ta’ tlieta: it-Trinità Mqaddsa Nisranija, it-Trimurti u t-Tridevi tal-Ħindu, it-Tliet Ġojjelli tal-Buddiżmu, u t-Tlieta Safja tat-Taoiżmu. Fil-Ġudajiżmu, in-numru tlieta huwa wieħed simboliku: Salamun qal li ħabel ta’ bi tlieta mhux la kemm jinqata’; it-Tliet Patrijarki, it-Tliet Festi tal-Pellegrini, it-tliet partijiet tal-Bibbja Ebrajka. Tlieta kienu s-Slaten Maġi. Tlieta kienu l-jiem li fih Kristu stqarr li jerġa’ jibni t-tempju ta’ Ġerusalemm.
Fil-filosofija, Platun qasam ir-ruħ fi tliet partijiet: l-aptit, l-ispirtu u r-raġuni. Skont id-djalettika ta’ Ħeġel, in-numru wieħed u tnejn joħolqu n-numru tlieta: teżi u antitiżi jagħmlu sinteżi.
Santu Wistin qasam il-liġi fi tliet saffi: divina, naturali u umana.
Tlieta huma l-iskopijiet taż-żwieġ Nisrani: ‘bonum coniugum’, ‘bonum prolis’, ‘bonum sacramenti’.
Hemm il-famużi tliet gidbiet ta’ Mark Twain: ‘lies’, ‘damned lies’ and ‘statistics’.
It-tliet prinċipji ta’ governanza tajbin ta’ Abraham Lincoln: tal-poplu, mill-poplu u għall-poplu.
In-numru tlieta huwa n-numru li jintuża meta grupp ta’ nies ikunu jridu jaħdmu b'mod sinkroniku u allura jingħadd “wieħed, tnejn, tlieta!” u kulħadd jaġixxi man-numru tlieta.
Fil-Vjetnam, ritratt li jkun fih tliet persuni jġib ix-xorti ħażina: il-persuna li tidher fin-nofs tkun se tmut dalwaqt!
“3” huwa isem ta’ kanzunetta ta’ Britney Spears.
Fil-ġeografija “Tripoli” hu l-isem ta’ ħafna bliet li ġej mill-Grieg “tlett ibliet”. Sqallija kienet magħrufa bħala “Trinacria” minħabba l-għamla triangolari tagħha.
“Three” huwa t-titlu ta’ għadd ta’ films, fosthom film tal-1969, bl-atturi Charlotte Rampling u Sam Waterston.
Fil-letteratura, tlieta kienu s-sħaħar f’“Macbeth” ta’ Shakespeare. Id-“Divina Commedia” ta’ Dante Alighieri, hija maqsuma fi tliet partijiet u hija miktuba fit-terza rima. Fil-kotba tat-tfal insibu “The Three Little Bears”, “The Three Little Pigs” u “Three Blind Mice”. Tlieta huma x-xewqat li tipikament is-sħaħar jagħtu lill-favoriti tagħhom.
Saħansitra l-ilsien Malti ma joqgħodx lura tant li għandu qawl fuq dan in-numru: “Fuq tlieta toqgħod il-borma.”
U nistħajjilkom tistaqsu, għalfejn dan il-faxxinu bin-numru tlieta? Għax tlieta huma l-minuti li Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, il-President tal-Partit Laburista, ikkonċeda lid-delegati fil-Konferenza Ġenerali li għalqet nhar il-Ħadd li għadda (imbagħad ħalliha li kull kelliem ipprova jisraq aktar ħin) – u tlieta huma l-kandidati Laburisti li se jiġu eletti f’Għawdex fl-elezzjoni ġenerali li ġmielha qiegħda toqrob.
Il-Partit u l-moviment lil hinn minnu
Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista kienet esperjenza mill-aqwa. Ma għadhiex formalità jew ritwal ta’ darba fis-sena fejn il-membri tat-tribù jiltaqgħu biex idoqqu t-trumbetti u jħabbtu t-tnabar, imma fabbrika tal-ħsieb, bil-‘workshops’ li ġew indirizzati minn esperti differenti.
Fis-sezzjoni plenarja ta’ nhar il-Ħadd, ħadt gost li ppar-teċipaw bis-sħiħ b’taħdidiet mirqumin iż-żewġ delegati speċjali Għawdxin Marion Portelli u t-Tabib Michael Portelli. Dan huwa awgurju tajjeb għal Għawdex li hemm bżonn jibda jerfa’ rasu ’l fuq u jsemma’ leħnu bil-qawwa fl-ogħla organi tal-Partit. Spikkat l-oratrija tal-Perit Karmenu Vella f’taħdita mqanqla li fiha qaxxar l-iskop tal-mozzjoni ewlenija tal-Konferenza: li apparti l-Partit, jitrawwem moviment ta’ moderati u progressivi.
U fl-aħħar u mhux l-inqas ħalla l-marka tiegħu d-diskors tal-Mexxej li kull fejn imur qisu kalamita jiġbed kull tip ta’ nies lejh.
Il-qofol kollu tal-konferenza hu li l-partitarji kollha mill-kbir taż-żgħir jagħrfu li l-PL jrid jiftaħ dirgħajh beraħ u jilqa’ lil nies b’ideat differenti u mhux bilfors identiċi f’kollox għal dawk tal-Partit. Spiċċa ż-żmien tal-mentalità tal-fortizza, kif spiċċa wkoll iż-żmien ta’ ħsieb monolitiku jew dommatiku impost mill-istituzzjonijiet inkluż mill-partiti politiċi. Għalhekk filwaqt li nibqgħu inżommu sħiħ it-twemmin tagħna, irridu nitgħallmu nikkollaboraw ma’ nies b’ideat oħrajn u flimkien magħhom mhux biss nirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss imma nsawru l-politika nazzjonali. Flimkien, se jkollna pajjiż ferm aħjar milli huwa llum.
|