|
Li ma kienx għall-fatt li l-maġġoranza tat-transazzjonijiet finanzjarji ma’ barra jsiru bil-flus tal-plastik (karti ta’ kreditu/debitu) u għandna dħul mit-turiżmu, kieku aktarx li llum konna nkunu qrib ħafna li nispiċċaw mingħajr flus kontanti fl-idejn, waqt li tagħna nkunu qegħdin inferrxuhom mal-kumplament tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jew oħrajn. Probabbli saħansitra jkollna nibdew “nixtruhom” biex nerġgħu nitfgħuhom fiċ-ċirkolazzjoni!
Ilbieraħ ma stajniex ma niżżufjettawx bis-sitwazzjoni li l-Gvern Nazzjonalista darba qal li kien determinat li jġib taħt kontroll – il-prezzijiet esaġerati ta’ ċerti mediċini – fejn elenkajna b’mod ċar kif anzjan li jbati mill-kolesterol kien jaqbillu jivvjaġġa sal-Belġju biex jixtri l-mediċina li hawn Malta tiswieh ħames darbiet aktar u fl-istess waqt jifdallu f’idejh kemxa mhux ħażin biex jonfoq.
Din mhi xejn għajr sfruttar tal-okkażjoni fi stat ta’ anarkija nazzjonali għax il-Gvern attwali lanqas biss jaf x’inhu jiġri f’dan ir-rigward, minkejja li seta’ ħa azzjoni temporanja snin ilu permezz tad-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta biex tistħarreġ x’kien qed jiġri. Minkejja dan, kollox jindika li minn dakinhar ’l hawn il-konsumatur reġa’ tħalla għal riħu u baqa’ jiġi vittimizzat bi prezzijiet inġusti.
U minbarra l-istorja tal-mediċini, din l-istess problema tan-nuqqas ta’ ħarsien tad-drittijiet tal-pubbliku fl-infieq tiegħu hija mifruxa ħafna aktar minn hekk, fuq għadd ta’ oġġetti varji li huma neċessarji fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, minn xiri ta’ ħwejjeġ sa servizzi.
Minbarra li ma sar xejn jew forsi saru ftit wisq avvanzi fit-tisħiħ ta’ tali protezzjoni u nippretendu li l-poplu jibqa’ jonfoq bħalma kien sa ftit tas-snin ilu, anke jekk minn dakinhar ’l hawn ma naqsux il-piżijiet fuq il-familji, dawk li jistgħu u jafu kif, sabu alternattivi oħrajn minn fejn jixtru l-bżonnijiet tagħhom… minn fuq l-Internet!
Minkejja li tista’ żżomm idejk kemm trid f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli, fejn u jekk tista’, xorta m’intix se toħroġ biż-żarbun jew flokk imqatta’, eċċ. U ladarba l-kelma tiġri ħafna aktar mill-veloċità tad-dawl f’Malta, ħafna konsumaturi lokali llum qegħdin jiskopru li jaqblilhom jixtru ‘online’.
Dan jafuh sew kemm il-ħaddiema tal-Posta jew id-Dwana li raw iż-żieda fl-ordnijiet minn barra jisplodu u saħansitra negozjanti u sidien tal-ħwienet li, min-naħa l-oħra, raw il-bejgħ tagħhom jonqos b’mod drastiku fl-aħħar snin.
U rridu li l-ekonomija tiċċaqlaq!
|