|
Għal dawk kollha li jistaqsu x’se jagħmel il-Partit Laburista meta jkun fil-Gvern, il-Ħadd li għadda kellhom it-tweġiba. Diskors ta’ siegħa u nofs, kważi, mill-Mexxej Laburista li fih fassal il-programm ta’ ħidma tal-PL. Programm li ħareġ mill-mozzjoni ppreżentata fil-Konferenza Ġenerali li għadha kemm intemmet. Programm ibbażat fuq ideat ċarissimi ta’ mexxej, ta’ moviment maħluq apposta għal għan wieħed – dak li jmexxi lill-pajjiż lejn id-dawl li jixraqlu biex għada jisbaħ jum aħjar, fejn ħadd ma jibqa’ lura.
Bil-mozzjoni programmatika approvata fil-Konferenza Ġenerali tfasslu l-prinċipji li fuqhom se jkunu mfasslin il-‘policies’, il-manifest elettorali u l-pjan għal pajjiżna. B’din il-mozzjoni tliet snin qabel elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista wasal f’salib it-toroq u għażel it-triq ambizzjuża għażel it-triq l-iebsa. Ħaddieħor iridna noqogħdu kwieti u nagħżlu l-kumdità li ma niddiskutux. Li nħallu kollox l-istess. Li kieku l-Partit Laburista għamel hekk kien qed jittradixxi t-twemmin tiegħu stess.
Il-PL jemmen f’kostituzz-joni li jkun id-dokument li jgħaqqadna, kostituzzjoni li l-moviment ma jiddejjaq xejn li jiġġedded biex tirrifletti l-aspirazzjonijiet tan-nies filwaqt li żżomm il-prinċipji ewlenin fosthom in-newtralità. In-newtralità hi kunċett għażiż għalina li ma jistax ikun kompromess. Il-PL se jkun il-moviment li jgħożż id-demokrazija. Wieħed mill-impenji tal-moviment hi li anke min ma jaqbilx mal-ħsieb tal-PL, xorta se jkun fil-libertà li jsemma’ leħnu mingħajr biża’.
Moviment li jemmen fil-konsultazzjoni veru qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet u mhux kif qed isir bħalissa fejn il-konsultazzjoni ssir wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet. Mhux limitat għal ċerti nies imma li jinkludi lill-unjins kollha ta’ pajjiżna fl-MCESD biex jsemmgħu leħinhom bħall-għaqdiet ta’ min iħaddem. Moviment li jirrispetta u jippromwovi l-va-luri ta’ pajjiżna. L-ewwel u qabel kollox il-valur tal-ħajja se jkun protett u għalhekk dan il-moviment se jkun totalment kontra l-abort.
Hemm bżonn li dan il-moviment se jixpruna d-drittijiet ċivili għal soċjetà denja għall-għaxar snin li ġejjin. Moviment li jaspira għal stat lajk, li jkun ħabib tal-Knisja, imma mhux ħaġa waħda mal-Knisja. Jaħsibha bħall-Knisja imma differenti u jkun stat li ma jibżax li jagħmel dan.
Stat li jħobb il-familja u li ma jkomplix jabdika mid-dmirijiet tiegħu għat-tisħiħ tal-familja. Stat li ma jgħabbix piżijiet fuq il-familji u li jgħin fil-preparazzjoni ta’ familji ġodda. Stat li jkollu rwol fil-preparazzjoni legali, finanzjarja, ta’ ‘parental skills’ għaż-żwieġ.
Moviment li ma jiddejjaqx li jiddiskuti l-bżonnijiet il-ġodda tas-soċjetà u mhux lest li jitfa’ l-affarijiet taħt it-tapit. Dan il-moviment m’għandux jibża’ li jixpruna liġi ġdida favur l-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta biex titneħħa darba għal dejjem l-ipokreżija li teżisti, fejn is-sinjuri jistgħu jġibu divorzju fi qrati barranin.
Apparti dan, il-moviment ġdid ma jiġġudikax l-orjentazzjoni sesswali tal-persuni differenti. Ma jħarisx lejn persuni ‘gay’ bħala marda. Mhux imaqdar u jiġġudika imma li jirrispetta lil kulħadd u jagħti l-is-tess opportunitajiet lil kulħadd. L-ugwaljanza bejn is-sessi hi dritt. Ma jistax ikun li jkollna, kif għandna, għadd sabiħ ta’ nisa l-Università mbagħad l-istat ma jkunx qed jipprovdi xogħol għalihom.
Il-PL u l-Moviment, iridu jipprovdu l-akbar lok ta’ opportunità għan-nisa Maltin u Għawdxin biex juru l-potenzjal tagħhom. Quddiem dan kollu, però wieħed ma jistax jinsa li għandu jkun hemm bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Ma jistax ikun li nibqgħu ngħixu f’ambjent fejn taħdem biss u ma tarax lil uliedek jikbru. Bżonn ta’ ‘parental rights’ flessibbli u ‘childcare’.
Dan il-moviment għandu prinċipji bażilari tiegħu li jagħmluh miftuħ għal kulħadd li hu ħabrieki u jrid li jkattar il-ġid tiegħu u ta’ ħaddieħor. Ix-xogħol, l-edukazzjoni u s-solidarjetà soċjali se jkunu t-‘tripod’ li fuqhom se jkun qed jaħdem dan il-moviment. Ix-xogħol jgħolli ’l fuq lill-familji, ikisser il-faqar (20% huma wisq) u jgħolli l-livell tal-għixien. Id-deċiżjoni li biha l-Gvern għolla l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma qiegħda timmina l-ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna. Ix-xogħol ikisser il-faqar u jgħolli l-livell tal-għixien tal-klassi tan-nofs. Il-moviment irid stat li ma jżidx il-piżijiet, ma jżidx it-toqol fuq il-familji.
Hemm bżonn li nerġgħu noħolqu pajjiż fejn ix-xogħol hu l-fus li madwaru ddur l-ekonomija filwaqt li min jaħdem ikollu sett ta’ drittijiet li fuq il-karta u l-aktar importanti fil-prattika jkunu mħaddnin u mħaddmin.
L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għal-libertà u dan il-moviment irid ikun moviment tal-edukazzjoni u tal-innovazzjoni. Irridu nkissru ċ-ċifra ta’ erbgħa minn kull għaxart itfal li ma jkomplux l-iskola wara s-16-il sena. Bl-edukazzjoni nġibu mhux biss libertà tal-individwu u ta’ ħsibijietu imma wkoll libertà ekonomika u soċjali mill-jasar tal-faqar f’dawn l-oqsma.
Ir-ruħ tal-PL hi s-solidarjetà soċjali u dan il-moviment irid jerġa’ joħloq sistema fejn filwaqt li l-istat ma jindaħalx fil-ħajja privata tiegħek, issibu meta jkollok bżonn. Mhux stat ta’ burokrazija imma stat li permezz ta’ servizzi soċjali flessibbli ssibhom hemm meta taħseb li inti waħdek, meta taħseb li ħadd ma jista’ jgħinek. Stat li permezz tas-servizzi soċjali tiegħu jkunu flessibbli biżżejjed u li ssibu meta l-aktar li jkollok bżonn. Mhux stat li jġelled id-diversi klassijiet soċjali bejniethom ħalli filwaqt li jifred hu jsaltan!
Bħalissa hawn 16,000 persuna li se tonqsilhom l-għajnuna supplimentari minħabba żieda li ngħatat għall-għoli tal-ħajja jekk jibqa’ ma jiżdiedx ‘ceiling’. L-istess bħal dawk il-persuni li jieħdu vawċer għall-kontijiet tad-dawl u tal-ilma – anke vawċer ta’ €1 – li mhux se jieħdu l-kumpens ta’ darba li ta l-Gvern minħabba ż-żidiet fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. Meta jsir hekk ma jkunx hemm servizzi soċjali, imma servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi.
Dan il-moviment se jkun qed jiproteġi l-anzjani u d-drittijiet tagħhom kif se jkun qed jagħmel l-istess mal-persuni b’diżabbiltà filwaqt li jibqa’ jinsisti u jaħdem biex is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna jsir l-aqwa wieħed filwaqt li jibqa’ b’xejn.
Imma llum qegħdin jaħdmu aktar u jaqilgħu inqas. Klassi li qiegħda taqla’ fuq rasha. Il-klassi medja hija wkoll iċ-ċavetta tas-suċċess għal pajjiżna.
Mhux biżżejjed jinħoloq il-ġid imma jrid jinqasam ġustament.
F’pajjiżna t-taxxi jridu jkunu ġusti. Hawn bżonn ta’ livell ta’ tassazzjoni sostenibbli. U t-taxxi għandhom ikunu hemm imma dawn għandhom ikunu taxxi ġusti.
Il-moviment se jkun qed imexxi bi trasparenza u għaqal għal flus il-poplu u l-assi tal-pajjiż. Filwaqt li mhux se jkun kontra l-privatizzazjoni, se jara li l-assi kruċjali tal-pajjiż bħall-Air Malta ma jintmessux u meta jkun hemm privatizzazzjoni, issir b’valur ekonomiku reali għal dak l-ass li jkun qed jiġi privatizzat u mhux mitluq bis-soldi.
Waħda mill-akbar sfidi ta’ din il-ġenerazzjoni hija l-isfida tal-ambjent u rridu nkunu kreattivi u nieħdu inkonsiderazzjoni proposti ta’ reklamar ta’ art mill-baħar. Il-PL huwa inkwetat bil-livell tal-arja li qegħdin jieħdu t-tfal Maltin u n-nies mhumiex komdi li jgħixu f’din is-sitwazzjoni.
Pajjiżna jixraqlu jkun aħjar. Pajjiżna għandu jkun aħjar u biex dan iseħħ irridu naħdmu lkoll flimkien, kemm aħna li nemmnu fit-twemmin Laburista u ma niddejqux li nkunu l-wiċċ tal-PL u fuq kollox ma dawk li ma jridux li jkunu ħaġa waħda mal-partit imma jemmnu li l-ġid għandu jitqassam ugwalment ma’ kulħadd u jemmnu li l-ġid tagħhom għandu jitkattar bil-meritokrazija u magħhom jitkattar il-ġid ta’ kulħadd.
Pajjiżna jixraqlu li jkun l-aqwa fl-Ewropa. Int tista’ tkun parti minn dan il-moviment li jwassal lil pajjiżna jkun l-aqwa fl-Ewropa.
|