L-aħħar laqgħa li l-Għaqda Parteċipanti Karnival kellha mal-Ministru Cristina kien nhar il-Ħamis wara nhar it-Tlieta kellhom laqgħa oħra mal-Prim Ministru. Iżda minn dawn iż-żewġ laqgħat ma ħareġ xejn ħlief l-offerta tal-Gvern f’Ta’ Qali. Nifhmu li meta l-Għaqda għamlet laqgħa mal-membri kollha, dawn kienu unanimi u ma aċċettawx l-offerta.
Sadanittant ilbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti tħabbar il-programm kollu tal-Karnival ta’ din is-sena li jibda nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Frar u jibqa’ sejjer sat-Tlieta 16 ta’ Frar.
Waqt din il-konferenza Busuttil ikkonferma li għalkemm il-programm se jsir kollu, l-Għaqda Parteċipanti Karnival se jkunu qegħdin iwasslu messaġġ ta’ protesta fuq il-karrijiet kollha. Qal li “issa faqqgħet il-bomba li ilha biex tisplodi”. Qal li wara nhar it- Tlieta, 16 ta’ Frar ħadd minn dawk li ilhom jarmaw il-karrijiet mhu se jkollu post fejn jaħdem.
Minkejja dan qal li l-Karnival ta’ din is-sena se jkun ta’ livell għoli ħafna kemm f’dawk li huma karrijiet u kemm fil-kompetizzjonijiet taż-żfin. Qal li d-dilettanti tal-Karnival ilhom jaħdmu minn ftit wara l-Karnival tas-sena l-oħra u għalhekk mhumiex se jħassru l-ebda festi għax wara dawn is-sagrifiċċji kollha jridu mhux biss igawdu l-Karnival huma, imma jagħtu spettaklu lil dawk kollha li se jattendu.
Bustuttil qal li minħabba li l-Gvern ħabbar li sal-aħħar ta’ Jannar kien se jkun diġà beda jħaffer Misraħ il-Ħelsien b’rabta mal-proġett ta’ Bieb il-Belt, l-Għaqda kellha tagħmel xi tibdiliet fil-karrijiet fosthom li jkunu xi ftit iżgħar. Dan minħabba li kienu se jgħaddu minn Triq l-Arċisqof minħabba x-xogħol f’Misraħ il-Ħelsien.
Imma għadda l-aħħar ta’ Jannar u ninsabu f’nofs Frar u x-xogħol f’dan il-Misraħ għadu ma bediex. Imma l-karrijiet tal-Karnival diġà sarulhom il-modifikazzjonijiet kollha.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Adrian Mamo, Ċermen tal-Kunsill. Huwa aċċenna għal qagħda li jinsab fiha l-Karnival ta’ Malta u li s’issa għad ma ntlaħaq ebda ftehim fejn se jarmaw il-karrijiet wara nhar it-Tlieta. Madankollu qal li hemm l-intenzjoni li tinstab xi tip ta' soluzzjoni.
Tkellmu wkoll is-Sindku tal-Floriana Nigel Holland li meta mistoqsi minn l-orizzont għaliex il-Korp tal-Pulizija kien sab diffikultà jagħti permess lill-Kunsill Lokali biex jagħlaq Triq Sant’Anna fl-aħħar tas-sena u din is-sena minħabba l-Karnival se tingħalaq darbtejn, Holland qalilna li l-Pulizija kienu qalulu li l-Karnival hija attività nazzjonali. Huwa qal li barra l-Karnival, Triq Sant’Anna se terġa’ tingħalaq f’Mejju meta madwar il-Belt se jkun hemm il-Grand Prix tal-karozzi klassiċi u għalhekk Triq Sant’Anna se tintuża bħala venda għall-karozzi tal-linja.
Filwaqt li Anton Miceli, ‘Project Manager’ Karnival ta’ Malta 2010, spjega fid-dettal il-programm kollu fosthom xi affarijiet ġodda, Alison Bezzina mill-kumpanija Melita, sponsor ewlieni tal-Karnival, qalet li tittama li tinstab soluzzjoni għax il-Melita hija impenjata li tissponsorja anke l-Karnival tas-sena d-dieħla.
• Sadanittant fil-Parlament, il-Ministru Dolores Cristina qalet li numru sostanzjali ta’ mħażen li bħalissa qed jintużaw mill-parteċipanti tal-Karnival bilkemm jistgħu jissejħu mħażen, peress li dawn jifformaw parti mill-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna, bħal kappella barokka u l-Forti ta’ Sant’Iermu.
Qalet li l-Gvern fassal proġett ta’ restawr għal ħafna minn dawn is-siti storiċi u sabiex dan iseħħ, jeħtieġ li l-parteċipanti jħallu l-post li qegħdin jużaw bħalissa u jmorru jaħdmu f’post aktar addattat.
Saħqet li dan qed jiġi diskuss flimkien mal-Għaqda Parteċipanti Karnival stess. Il-Ministru saħqet li l-Gvern offra sit f’Ta’ Qali biex dan isir Villaġġ tal-Karnival li mhux biss jipprovdi “premesis” biex jinbnew il-karrijiet tal-karnival, iżda jista’ jiżviluppa l-industrija tal-karnival, marbuta mas-settur tat-Turiżmu u tal-Arti u l-Kultura. Il-Ministru kienet qed twieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Owen Bonnici.
|