|
Kollox jindika li ċ-ċilindri tal-gass, iridu jogħlew b’€2.50 biex ċilindru tal-gass ta’ 12-il kilo minn €10.50 jiġi jiswa €13. Iċ-ċilindri ta’ 12-il kilo huma fost l-aktar użati mill-pubbliku kemm għat-tisjir kif ukoll għall-apparat li jsaħħan.
Mhux magħruf meta se tidħol din iż-żieda fil-prezz għaċ-ċilindri tal-gass, peress li għad ma kienx hemm żblokk fil-kwistjoni marbuta mal-liċenzji u d-distribuzzjoni tal-gass. Kien ittamat li din iż-żieda tidħol fis-seħħ fil-bidu ta’ Frar, kif daħlet fis-seħħ iż-żieda fuq id-depożitu għal ċilindri ġodda.
Minħabba l-kwistjoni fuq id-distribuzzjoni, iż-żieda għadha ma tħabbritx, waqt li l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA), li suppost tinforma lill-pubbliku b’talbiet għal żidiet, għażlet li tibqa’ siekta u la tikkonferma u lanqas tiċħad dwar jekk saritilhiex talba minn Liquigas biex jiżdied il-prezz.
Sorsi qrib Liquigas qalu ma’ l-orizzont li minħabba ż-żieda fl-ispejjeż li qed tesperjenza l-kumpanija, mill-kalkoli li saru jirriżulta li l-prezz irid jogħla bejn wieħed u ieħor madwar 25 fil-mij ta’ dak li hu llum. L-istess sorsi spjegaw li l-prezz il-ġdid se jkun €2.50 għola, biex b’hekk ċilindru ta’ 12-il kilo se jiġi jiswa €13. L-istess sorsi spjegaw li ż-żieda suppost li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar meta għola d-depożitu ta’ ċilindru ġdid, iżda l-kwistjoni marbuta mal-liċenzji qiegħda ttawwal il-proċess.
Distributuri tal-gass li tkellmu ma’ l-orizzont qalulna li “bħala distributuri ninsabu f’inċertezza. Nafu li hawn żewġ operaturi – il-Liquigas u l-EasyGas. Dawn it-tnejn għandhom liċenzji biex iqassmu ċ-ċilindri tal-gass. Il-fatt li Liquigas kellha din il-liċenzja sirna nafuha riċentament. Ġejna ingannati għax qabel l-aħħar elezzjoni, l-eks ministru Ninu Zammit kien wegħedna li mhux se jinħarġu liċenzji”.
L-istess distributuri spjegaw li “issa b’dawn il-liċenzji li nħarġu ninsabu maqbudin bejn żewġ kurrenti. Min-naħa qed niġu nisimgħu li hemm kumpanija li lesta tħallina noperaw fl-irħula u fl-ibliet, iżda basta ma nqassmux ix-xogħol tal-kumpanija l-oħra. Din narawha li mhix ġusta. Qed issir pressjoni fuqna li jekk ma naċċettawx dan l-arranġament, din l-istess kumpanija tagħmel użu mil-liċenzja tad-distribuzzjoni u tibda tqassam iċ-ċilindri tal-gass hi wkoll”.
Fl-aħħar xhur il-prezz tal-gass f’Malta kważi rdoppja u minn €5.40 għal ċilindru ta’ 12-il kilo, il-prezz tela’ għal €7.40 biex f’Awwissu li għadda sar €10.50.
Dan sar fl-istess żmien meta l-World LP Gas Association, qalet li l-prezz tal-gass kien qed jonqos. Fil-fatt il-President ta’ din l-assoċjazzjoni Sarthak Behuria qal li s-Saudi Propane Contract Price niżel minn $900-il tunnellata fis-sena 2008 għal $400-il tunnellata matul is-sena li għaddiet.
Ta’ min jgħid li f’Settembru tas-sena li għaddiet l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA) ħabbret li ħarġet it-tieni liċenzja fis-settur tal-provvista taċ-ċilindri tal-gass. Il-kumpanija kienet EasyGas u hi ffurmata bi sħab bejn negozjanti Maltin u Taljani. Il-kumpanija kienet qalet li se timla’ ċ-ċilindri tagħha fi Sqallija, timportahom lejn l-impjant li se jkollha f’Ħal Luqa, minn fejn imbagħad tqassamhom madwar il-pajjiż.
Mill-banda l-oħra l-Enemalta u Gasco Energy Limited, iffirmaw ftehim li permezz tiegħu, l-Enemalta għaddiet lill-kumpanija Maltija-Taljana, in-negozju tal-gass. Dakinhar tal-ftehim il-Ministru għall-Finanzi, Tonio Fenech, qal li jekk Gasco Energy tkun trid tibdel il-prezz tal-gass, trid tissottometti talba lil-MRA.
victorvella2002@yahoo.com
|