Min-naħa tal-Wanderers, din hija t-tielet rebħa konsekuttiva tagħhom u żgur il-kowċ Slimiż, Marlow, jidher li rnexxielu jerġa’ jagħti l-motivazzjoni u l-identità lil tim li sa tliet ġimgħat ilu kien jinsab fi kriżi profonda filwaqt li b’dawn id-disa’ punti huma telgħu fir-raba’post tal-klassifika u żgur li fl-aħħar fażi tal-kampjonat se jkunu wieħed mit-timijiet li jipprova jmedd idu fuq il-kampjonat.
L-ewwel minuti ta’ din il-logħba kienu fażi ta’ studju biż-żewġ timijiet iżommu l-pussess tal-ballun f’nofs il-grawnd sakemm fl-ewwel azzjoni offensiva tagħhom Sliema fetħu l-iskor.
Fil-11-il minuta, Jean Pierre Mifsud Triganza qassam lejn RYAN FENECH u dan tal-aħħar fajjar xutt tajjeb li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Furjaniż, Bernard Paris, isalva.
Wara dan il-gowl il-logħob kompla fejn kien qabel, jiġifieri, f’nofs il-grawnd bl-ebda naħa ma jirnexxielha toħloq xi azzjoni denja ta’ nota, biex kellna nistennew sal-35 minuta biex assistejna għall-azzjoni perikoluża.
Kien Mifsud Triganza li qassam fuq il-lemin lejn is-sostitut John Mintoff, li ħames minuti qabel ħa post Mark Scerri, bix-xutt ta’ Mintoff kien salvat minn Paris.
Fl-40 minuta, waslet t-tkeċċija ta’ Pedro Dos Santos Calcado meta huwa ntwera t-tieni karta safra mir-referi Clayton Pisani wara li l-plejer Brażiljan ħela l-ħin biex jagħti freekick biex l-ewwel taqsima għalqet bil-Wanderers b’vantaġġ minimu ta’ 1-0.
Minkejja dan l-iżvantaġġ numeriku, kienu l-Wanderers li fit-tieni taqsima ħarġu fuq l-attakk u fit-52 minuta huma resqu qrib li jkabbru l-vantaġġ meta Mifsud Triganza żmarka tajjeb lil Mintoff li però naqas li jikkonkludi.
Mas-siegħa logħob waslet l-ewwel azzjoni ta’ Floriana meta Pablo Doffo qassam lejn is-sostitut Victor Zlydarev fuq il-lemin bix-xutt tal-attakkant Russu jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.
Dak li m’għamlux Floriana għamluh il-Wanderers meta, fis-66 minuta, huma ingħataw penalti wara li Stefano Grima waqqa’ lil Mintoff fil-kaxxa, biex mill-11-il metru LUCIAN DRONCA ma falliex.
Għaxar minuti minn tmiem il-logħba kien hemm daħla kerha ta’ Doffo fuq Mintoff, bil-plejer Arġentin jintwera l-karta l-ħamra.
Wara li, fid-89 minuta, resaq qrib li jkabbar l-iskor b’xutt mix-xellug li għadda ftit barra, żewġ minuti fuq il-ħin JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA irnexxielu jniżżel ismu fost l-iskorers meta għeleb lil Paris b’xutt mill-viċin wara azzjoni ferm tajba ta’ Mintoff max-xellug li fiha qabeż żewġ difensuri qabel qassam il-ballun fuq platt tad-deheb lil Mifsud Triganza.
Din kienet l-aħħar azzjoni tal-logħba li rat lill-Wanderers f’kontroll assolut tul id-90 minuta u ċertament li kisbu rebħa mill-aktar meritata.
SLIEMA W.: Simon Agius, Alex Muscat, Ian Azzopardi, Josef Mifsud, Ryan Fenech (Ian Ciantar 84), Mark Scerri (John Mintoff 30), Jean Pierre Mifsud Triganza, Ivan Woods, Lucian Dronca, Pedro Dos Santos Calcado, Clayton Failla (Clifford Gatt Baldacchino 74)
FLORIANA: Bernard Paris, Clifton Ciantar, Stefano Grima, Brian Said, Julian Briffa, Orosco Anonam, Stefan Lijeskic (Clyde Borg 69), Pablo Doffo, Sacha Borg (Victor Zlydarev 32), Christian Caruana (Mark Spiteri 73), Ryan Darmanin
REFERI: Clayton Pisani 7
ASS. REFERIS: Ingmar Spiteri, Edward Spiteri
RABA UFFIĊJAL: Kevin Azzopardi
SKORERS: R. Fenech 11, L. Dronca 66 pen, J.P. Mifsud Triganza 92 (SW)
L-AĦJAR PLEJERS
1. R. Fenech (SW)
2. J. Mintoff (SW)
3. J.P. Mifsud Triganza (SW)
PLEJER TAL-LOGĦBA
R. Fenech (SW)
AMMONITI: P. Calcado, I. Woods (SW), C. Caruana, J. Briffa, Zlydarev, B. Said, S. Grima (F) ammoniti; P. Calcado (SW) imkeċċi fl-40 minuta u P. Doffo (F) imkeċċi fit-80 minuta
|