Min hu eżattament Alan Kennedy? Alan Kennedy (ritratt) twieled fil-31 ta’ Awwissu, 1954, f’Sunderland, l-Ingilterra.
Huwa ingħaqad mal-klabb ta’ Newcastle United minn età żgħira u meta kellu 19-il sena kien fit-tim tellief li ltaqa’ fil-final tal-FA Cup, fl-4 ta’ Mejju, 1974, kontra Liverpool.
Fl-imsemmija partita, ir-Reds ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 minn doppjetta ta’ Kevin Keegan (57, 88) u gowl minn Steve Heighway (75).
Il-manager ta’ Liverpool, Bob Paisley (li fil-karriera ta’ disa’ snin rebaħ iċ-Champions Cup tliet darbiet), kien ilu jsegwi l-progress ta’ Alan Kennedy, li minn pożizzjoni ta’ difensur xellugi kellu karatteristiċi ta’ attakkant b’potenzjal li jsib ix-xibka avversarja.
Meta d-difensur, Joey Jones, wasal fi tmiem il-karriera tiegħu ma’ Liverpool, din il-pożizzjoni kienet waħda problematika għal Bob Paisley fejn, fl-istaġun 1977-78, utilizza li Tommy Smith u lil Alan Hansen, iżda mingħajr suċċess.
Għaldaqstant, Paisley għamel offerta ta’ £330,000 lil Newcastle United liema somma l-Magpies aċċettaw mill-ewwel biex nhar it-13 ta’ Awwissu, 1978, Kennedy ffirma ma’ Liverpool.
Ġimgħa biss wara, jiġifieri, fid-19 ta’ Awwissu, Kennedy iddebutta bil-flokk ta’ Liverppol, f’Anfield Road, fir-rebħa ta’ 2-1 fuq Queen’s Park Rangers bil-gowls jaslu minn Kenny Dalglish (27) u Steven Heighway (76).
Fatt kurjuż fid-debutt tiegħu kien li l-ewwel xutt li ta kien b’siequ l-leminija (filwaqt li hu kien xellugi) fejn laqat bi żball pulizija (li kien ikun hemm mat-touchline) u tajjarlu l-elmu minn rasu!!
Iżda Kennedy mill-ewwel għamel impatt biex fl-ewwel staġun tiegħu lagħab 43 partita fejn 37 minnhom kienu tal-kampjonat.
Fl-istaġun 1980/81, Kennedy lagħab biss 19-il partita tal-kampjonat minħabba injury fl-għaksa iżda żgur li jibqa’ jiftakru bħala l-aqwa tiegħu tal-karriera.
Id-data li tibqa’ mnaqqxa fil-memorja personali hija dik tas-27 ta’ Mejju, 1981, meta fil-Parc de Princes, fil-final taċ-Champions League, Liverpool iffaċċjaw lill-favoriti, Real Madrid.
Kollox kien jindika li l-partita kienet sejra għall-ħin barrani meta, fil-81 minuta, Kennedy irċieva throw-in minn fuq ix-xellug (mingħand Ray Kennedy) avvanza u minn qagħda djogonali xeħet il-ballun fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Gowl ieħor importanti wasal fil-final tal-League Cup kontra r-rivali eterni, Manchester United, fir-rebħa ta’ 2-1, nhar is-26 ta’ Marzu, 1983. Kennedy kiseb id-draw, fil-75 minuta, b’xutt bix-xellug minn 35 metru bogħod biex eventwalment, fil-ħin barrani, Liverpool rebħu dan l-unur b’gowl ta’ Ronnie Whelan, fit-98 minuta, b’xutt imdawwar minn tarf il-kaxxa.
Fl-1984, Kennedy skorja l-penalti rebbieħ fil-final taċ-Champions Cup kontra AS Roma li nċidentalment intlagħbet fl-Olimpico ta’ Ruma stess, fit-30 ta’ Mejju.
Wara li l-partita spiċċat fi draw ta’ 1-1 anke wara l-ħin barrani, kien jintħieġ li jingħataw il-penalties. Steve Nicol falla l-ewwel penalti, b’Phil Neal, Graeme Souness u Ian Rush jiskorjaw għar-Reds. Iżda wara li Bruno Conti u Francesco Graziani fallew il-mira tagħhom għal Roma, kien imiss lil Kennedy biex jagħti l-aħħar wieħed .... u bil-kalma kollha xeħet lill-gowlkiper, Franco Tancredi, fuq in-naħa l-ħażina biex sikket lill-partitarji ta’ Roma li mlew kull rokna tal-istadium tagħhom u xeħet lil dawk ta’ Liverpool f’dellirju ta’ ferħ.
Fil-bidu tal-istaġun, 1984-85, il-kowċ Kenny Dalglish, beda jinfilsa fit-tim lil Jim Beglin biex ikun is-suċċessur denju ta’ Alan Kennedy b’dan tal-aħħar jilgħab l-aħħar partita tiegħu bil-flokk ta’ Liverpool, nhar l-14 ta’ Settembru, 1985, fid-draw ta’ 2-2 kontra Oxford United, f’Manor Ground.
Fil-karriera tiegħu, Kennedy lagħab 359 partita ma’ Liverpool li fihom skorja 20 gowl - (251 kampjonat + 15-il gowl; 45 League Cup + 2 gowls; 34 Champions Cup + 3 gowls; 21 FA Cup; 5 Charity Shield; 2 Super Cup Ewropea, 1 Tazza tad-Dinja tal-Klabbs).
Kennedy lagħab ukoll ma’ Newcastle , Sunderland, Hartlepool, Husqvarna (Svezja), Beerschot (Belġju), Club 1903 (Danimarka), Northwich Victoria (amateur), Grantham (amateur), Wigan, Colne Dynamos, Wrexham, Morecambe, Netherfield, Radcliffe Borough, Barrow (l-aħħar erba’ amateurs).
|