|
Il-poloz tal-preliminari tal-Euro 2012 ġew imtellgħin il-bieraħ, f’Varsavja, li fihom kienet involuta Malta flimkien ma’ 50 pajjiż ieħor Ewropej waqt li ż-żewg pajjiżi li se jospitaw il-finali, il-Polonja u l-Ukrajna, huma garantiti minn posthom bħala finalisti.
Għal dawn il-poloz fost il-mijiet ta’ diriġenti u kowċis kien hemm preżenti wkoll il-kowċ nazzjonali John Buttigieg u l-manager tat-tim, Ivan Vella.
Malta messitha x-xorti li titla’ fi Grupp F flimkiem mal-Kroazja, Grecja, Iżrael, Latvja u Georgia, jiġifieri, fi grupp ta’ sitta li bħalu hemm ħamsa oħra waqt li tliet gruppi huma komposti minn ħames timijiet kull wieħed.
Fil-passat Malta lagħbet kontra t-timijiet kollha li jinsabu fil-grupp iżda kontra l-Latvja u Georgia l-logħbiet kienu ta’ ħbiberija jew f’tournaments ta’ ħbiberija. Għalhekk dawn tal-aħħar huma avversarji ġodda għall-Maltin f’dan il-kampjonat.
L-aktar pajjiż li Malta lagħbet kontrih f’din il-kompetizzjoni huwa l-Greċja meta kontrihom lgħabna tmien logħbiet li minnhom ġiet miksuba rebħa u żewg draws. Infatti kienet fl-aħħar edizzjoni li lagħbu kontra xulxin li l-Maltin ma rnexxielhomx jieħdu xi punti kontra l-Griegi fejn ta’ min isemmi d-draw 1-1, fl-1970, ir-rebħa storika ta’ 2-0, fl-1975, u d-draw ta’ 1-1 ukoll, fl-1991.
Kontra l-Kroazja Malta lagħbet erba’ darbiet, tnejn minnhom fit-Tazza tad-Dinja, biż-żewġ konfronti fil-Euro jispiċċaw f’rebħiet għall-Kroati, 4-1, f’ta’ Qali u 2-1 f’Zagreb li fiha l-Maltin lagħbu logħba kbira.
Anke kontra Iżrael kien hemm żewġ konfronti fil-Euro fejn f’pajjiżna tlifna 2-0 waqt li fil-logħba away li saret fi grawnd newtrali fit-Turkija ġiet miksuba draw ta’ 2-2.
Dan juri li almenu kontra t-tliet avversarji msemmija ġie li ksibna riżultati pożittivi għalkemm il-bilanċ jaqleb favurihom.
Ta’ nkoraġġiment huwa l-fatt li kontra Georgia, Malta lagħbet ħames darbiet u l-ewwel rebħa kontrihom waslet is-sena li għaddiet eżattament fid-debutt ta’ John Buttigieg fil-kariga. Dak in-nhar Malta rebħet bl-iskor ta’ 2-0.
Anke kontra l-Latvja qatt ma lgħabna f’kompetizzjoni u mit-tliet konfronti Malta kisbet żewġ rebħiet bil-gowls ikunu paritŕ, tlieta favur u tlieta kontra.
Forsi wieħed kien jippreferi li Malta titla’ kontra pajjiż iktar rinomat bħala tim issidjat minflok il-Kroazja, iżda qabilhom telgħu l-Olanda li tpoġġew fi Grupp E u l-Ingilterra li tpoġġew fi Grupp G. Ta’ min jgħid li ż-żewġ pajjiżi l-oħra li kien fadal mal-Kroazja u l-Ingilterra kienu l-Portugall u Spanja.
Fi Grupp A, il-Ġermanja huma l-favoriti meta l-ikbar sfida tista’ tiġi mit-Turkija waqt li fi Grupp B, ir-Russja għandhom lis-Slovakkja u l-Irlanda li jistgħu jostakolawhom.
L-Italja ma tantx jidhru fil-periklu fi Grupp C ħlief mis-Serbja bit-timijiet l-oħra ma jidhrux li jistgħu jħabbtuhom.
Franza wkoll huma favoriti fi Grupp D bir-Rumanija jidhru l-aħjar mill-oħrajn għat-tieni post waqt li l-Olanda u l-Isvezja jissieltu għal post minn Grupp E.
Fil-Grupp F li fih hemm Malta, il-Kroazja jidhru favoriti bil-Greċja u Iżrael l-aktar li jistgħu jistgħu jkunu ta’ ostakolu għa-lihom.
L-Ingilterra ma jidhrux fil-periklu li jitilfu Groupp G bi Grupp H donnu wieħed Skandinav meta jinkludi lid-Danimarka, in-Norveġja u l-Islanda li magħhom għandhom lill-Portugall li iktar jistgħu jiġu mħabbta mid-Daniżi.
Fi Grupp I, Spanja għandhom lir-Repubblika Ċeka u l-Iskozja, iżda huma jidhru tajbin biex ma jiġux sorpriżi.
Kull min jirbaħ il-grupp jgħaddi għall-finali kif ukoll l-aħjar tim li jispiċċa fit-tieni post bit-tmien timijiet l-oħra jilagħbu fi play-offs għall-aħħar erba’ postijiet biex jingħaqdu mal-Polonja u l-Ukrajna fil-finali.
Il-preliminari jibdew minn Settembru li gej u jintemmu f’Novembru tal-2011.
GRUPP A
ĠERMANJA
TURKIJA
AWSTRIJA
BELĠJU
KAZAKHSTAN
AZERBAIJAN
GRUPP B
RUSSJA
SLOVAKKJA
IRLANDA
MAĊEDONJA
ARMENJA
ANDORRA
GRUPP Ċ
ITALJA
SERBJA
IRLANDA TA’ FUQ
SLOVENJA
ESTONJA
FAROE ISLANDS
GRUPP D
FRANZA
RUMANIJA
BOSNJA
BELARUS
ALBANIJA
LUSSEMBURGU
GRUPP E
OLANDA
SVEZJA
FINLANDJA
UNGERIJA
MOLDOVA
SAN MARINO
GRUPP F
KROAZJA
GREĊJA
IŻRAEL
LATVJA
GEORGIA
MALTA
GRUPP G
INGILTERRA
SVIZZERA
BULGARIJA
WALES
MONTENEGRO
GRUPP H
PORTUGALL
DANIMARKA
NORVEĠJA
ĊIPRU
ISLANDA
GRUPP I
SPANJA
REP. ĊEKA
SKOZJA
LITWANJA
LIECHTENSTEIN
|