|
|
Dun Mikiel Azzopardi 1910 – 10 ta’ Frar – 2010 |
Meta kellu madwar 50 sena, Dun Mikiel beda jhewden dwar x’seta’ jagħmel. Ħsiebu beda jmur ta’ sikwit fuq il-persuni li jbatu b’xi diżabilità. Għall-ewwel hu ħaseb fit-tfal. Kultant kien jasallu f’widnejh xi tagħrif dwar xi tifel jew tifla minn dawn. L-ewwel pass ta’ Dun Mikiel Azzopardi (ritratt lemin) kien li jkun jaf fejn huma f’Malta tfal imsejkna minn dawn. Nisimgħu lilu jitkellem:
Ħadt deċiżjoni li nibda nfittixhom fid-dar tagħhom, u għalhekk ħadt l-indirizzi u bdejt inwettaq dan ix-xogħol. F’din il-ħaġa kienet għenitni ħafna l-mara tal-Gvernatur Robert Laycock. Hija kienet tiġi miegħi nfittxu lil dawn it-tfal. Ir-riżultat ta’ dawn it-tfittxijiet kien li, aktar milli konna naħsbu, dawn it-tfal kienu qegħdin igħixu ħajja aktarx moħbija u skartata. Il-ġenituri kienu jistħu jgħidu li kellhom ulied ħandikappati u ma kienux ikunu jridu li n-nies ikunu jafu b’dan. B’riżultat ta’ din il-mistħija, l-istess ħandikappati kienu jsofru aktar. Kienu jsofru wkoll minħabba l-imġieba ħażina li x’uħud kienu jużaw magħhom.
Zewg passi
Din is-silta dwar Dun Mikiel Azzopardi ħadtha mill-ktieb dwaru u dwar id-Dar tal-Providenza miktub minn Patri Alessandru Bonnici, Franġiskan Konventwali, illum mejjet.
Ġibtha għax nhar l-Erbgħa, 10 ta’ Frar jaħbat il-mitt anniversarju tat-twelid tiegħu. Ħassejt li għandi nagħti ġieħ lil dan il-benefattur kbir tal-persuni b’diżabilità, għax bid-Dar li fetaħ għalihom irnexxielu jperriċhom fi ħdan is-soċjetà Maltija u hekk jibdew it-triq twila tal-liberazzjoni tagħhom.
Fil-fehma tiegħi, fil-bidu ta’ din it-triq seħħew żewġ passi li kienu deċiżivi għall-avvanz tal-persuni b’diżabilità – l-ewwel dan il-pass li ħa Dun Mikiel li bih ħariġhom mill-ħabs li fih kienu mitfugħa fi djarhom jew fl-isptar ta’ San Vinċenz; u t-tieni l-għoti tal-pensjoni tad-diżabilità li ta l-Gvern Malti li biha ħajjar lill-familji li jkollhom persuna b’diżabilità biex iżommuha magħhom.
Wiehed mill-"imgienen"
Ir-realtà tas-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità ġabet bidla kbira f’Dun Mikiel Azzopardi. Iddeċieda li jagħmel dak li f’għajnejn ħaddieħor kienet ġennata – jibni post fejn ikun jista’ jilqagħhom u jieħu ħsiebhom.
Dun Mikiel ried l-appoġġ tal-Arċisqof u mar igħidlu x’kellu f’moħħu. L-Arċisqof Gonzi ma kienx jaċċetta malajr li jinbdew proġetti li jqumu eluf kbar ta’ liri, meta l-flus ikunu neqsin.
|
Meta Dun Mikiel ippreżenta quddiemu l-proġett tiegħu, Gonzi (ritratt xellug) ntebaħ li l-ispiża kienet sejra tkun kbira ħafna. Barra minn hekk kien se jkun meħtieġ li l-flus jibqgħu deħlin bl-eluf. Ma’ dan inżid li Dun Mikiel qatt ma kien xi wieħed għani. Il-fiduċja kbira tiegħu kienet fil-Providenza.
Lill-Arċisqof deherlu li Dun Mikiel kien qed joħlom bi proġett li kull min għandu rasu fuq għonqu kellu jgħid li ma kienx possibbli li jasal għalih. Meta mar ikellmu fil-Kurja tal-Arċisqof, il-belt, l-Arċisqof ħadha miegħu u qallu li ma kienx jaf x’kien qed igħid. Meta Dun Mikiel baqa’ jagħfas fuq il-proġett tiegħu, l-Arċisqof saħansitra sejjaħlu “miġnun.”
Kien hemm min sema’ lil Gonzi jgħajjat u juża miegħu dawk il-kelmiet ibsin!
Ma nlumux. Allaħares ma jkunx hawn nies “imġienen” li jgħaddu mill-prova u jibqgħu sinjuri fil-fiduċja tagħhom fil-providenza t’Alla!
Dinamiku u karizmatiku
Imma d-Dar tal-persuni b’diżabilità ma kinitx l-ewwel biċċa xogħol ta’ Dun Mikiel. Meta fetaħ id-Dar tal-Providenza, Dun Mikiel kien diġà għalaq 55 sena. Kien sar qassis fl-1934 u ntefa’ b’ruħu u ġismu fl-iskejjel, l-ewwel bħala għalliem u mbagħad bħala direttur spiritwali u spiċċa biex sar spettur tal-edukazzjoni reliġjuża.
Imbagħad kien attiv ukoll fl-Azzjoni Kattolika. Tant kien magħġub f’dik l-għaqda ewlenija tal-knisja li spiċċa nħatar Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika Maltija, dak iż-żmien kariga li ġġib magħha ħafna setgħa u ħafna responsabbiltà.
Imma l-qasam li fetaħlu t-triq għad-Dar tal-Providenza kien dak tal-morda. Fuq ir-Rediffusion kellu programm jismu s-Siegħa tal-Morda li kellu bosta u bosta semmiegħa.
Fiha kien idaħħal kuljum ħsieb spiritwali msejjaħ Ftit Togħma Tajba, li wara saret ġabra tagħhom u ħarġu fi ktieb bi prezz irħis taħt l-istess isem.
Il-programm tal-morda kien għal qalbu ħafna. Minnu bdew isiru wkoll l-Eżerċizzi tal-Morda fi żmien ir-Randan u kien janimahom hu. Kellu madwaru diversi lajċi, fosthom membri tal-Kummissjoni Morda u ħandikappati. Kien anke jagħmel laqgħat għall-morda, ħafna minnhom fil-lokal tal-Kappuċċini, fil-Furjana.
Kien ukoll għalliem tal-kateketika lis-seminaristi. Jiena lħaqtu għalliem tiegħi, imma tant kien ikun imħabbat li iżjed kien ma jiġix milli jiġi.
Għax Dun Mikiel kien qassis dinamiku. Kien mogħni b’kelma tad-deheb u kien isaħħrek tisimgħu jitkellem jew jippriedka. Meta wieħed iqis li ta’ 43 sena marad b’qalbu u miet ta’ 77 sena, jiskanta bil-ħidma enormi li ħadem tul dik il-medda ta’ ħajtu.
Orione u Guanella
Fit-tħejjija għall-akbar opra tiegħu b’risq il-persuni b’diżabilità, Dun Mikiel kellu f’moħħu li jsieħeb fiha xi reliġjużi – jew ta’ Don Orione jew ta’ Don Guanella – it-tnejn attivi ħafna fl-Italja fil-qasam tan-nies li qegħdin ibatu u t-tnejn nies qaddisin.
Minn kollox għamel biex dawn jieħdu f’idejhom l-opra li kellu f’moħħu imma t-tnejn sfaw fix-xejn u kellu jara hu lil min se jafda t-tmexxija fil-qasam tal-kura ta’ kuljum ta’ Dar li spiċċat kibret fi tlett idjar u kellha toffri residenza lil iżjed minn 120 persuna b’diżabilità, uħud minnhom gravi.
Dun Mikiel ħares madwaru u tefa’ għajnejh fuq is-Sorijiet tal-Karità, li f’dak iż-żmien kienu inkarigati mis-swali tal-Isptar San Luqa. Irnexxielu jasal fi ftehim mas-superjuri tagħhom, daħlu fid-Dar tal-Providenza u għadhom hemm sal-lum.
Kif jiġri dejjem, Dun Mikiel resaq lejn il-fqar – din id-darba kienu l-persuni b’diżabilità – u dawn għallmuh il-Bxara t-Tajba li nżergħet fih u tat frott bnin.
F’din l-istess sena hemm ċentinarju ieħor ta’ qassis Malti ieħor, li beħsiebni nikteb dwaru. Qed ngħid għal Dun Salv Grima, qassis miż-Żejtun, il-fundatur tad-Dar tal-Kleru, Fleur-de-Lys li qed tagħti servizz mill-aqwa lis-saċerdoti fis-snin diffiċli tal-ħajja tagħhom.
Dun Mikiel u Dun Salv huma żewġ saċerdoti li l-Knisja f’Malta għandha għalfejn tkun imkabbra bihom. Mhux biss il-Knisja imma anke Malta!
|
|
Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
|
|
|
|
|