|
|
| Wara l-prosit l-ajma |
minn Victor Spiteri, Cermen tal-Assocjazzjoni Trasport Pubbliku (ATP)
|
|
Is-sidien tal-karozzi tal-linja aċċettaw li jbiegħu l-vetturi tagħhom lill-Gvern biex issa l-pass li jmiss fir-riforma tat-trasport pubbliku huwa l-għoti tat-tender lil kumpanija ġdida. Imma r-riforma kemm se tilħaq l-aspettattivi tan-nies? VICTOR SPITERI, Ċermen tal-Assoċjazzjoni Trasport Pubbliku (ATP), għandu d-dubji tiegħu. GAETANO MICALLEF semgħu jgħid għaliex.
Il-pubbliku għandu aspettattiva kbira dwar din ir-riforma imma int xettiku. Għaliex?
L-effett ta’ dak li qiegħed jiġri u se jiġri mhux issa rridu narawh imma tliet snin oħra. Għax l-operatur se jkun marbut li qabel tliet snin ma jistax jipproponi żidiet fin-nollijiet jew tibdil fir-rotot minn kif ikun ippropona fit-tender.
|
Għalissa l-poplu se jċapċap u jgħid prosit imma wara tliet snin se jgħid ajma. U li l-operatur se jkun marbut bi tliet snin mhux b’kumbinazzjoni… imma minħabba l-elezzjoni ġenerali. Sal-elezzjoni l-poplu se jara s-sabiħ ta’ din ir-riforma imma mbagħad se jkollu jmiss l-ajma tagħha. Għax żgur se jkun hemm żidiet fin-nollijiet.
Jekk hawn min jaħseb li s-sussidju tal-Gvern fit-trasport pubbliku se jispiċċa sej-jer żbaljat. Statistikament Malta hija fost l-inqas pajjiżi fl-Ewropa fejn il-Gvern iħallas sussidju relatat mar-rotot tat-trasport pubbliku. Li s-sussidju jispiċċa hija farseska.
Jien irrid nara x’se jagħmel il-Gvern jekk wara tliet snin l-operatur jippreżentalu l-‘accounts’ u dawn juru li l-operatur ikun qiegħed jitlef il-flus. Ma naħsibx li l-Gvern se jħallih jippakkja u jitlaq meta mhux se jkollu opeaturi oħrajn biex jidħlu għas-servizz.
Jien ngħid li l-istorja se tirrepeti ruħha. Erbgħin sena ilu l-karozzi tal-linja wkoll kienu f’idejn il-privat. Kellek kumpaniji joperaw minn lokalitajiet differenti. Meta fallew il-kumpaniji li kellhom f’idejhom id-diversi rotot kien hemm xufiera oħrajn li xtraw il-karozzi tal-linja ta’ dawk li fallew.
Meta anke d-diversi kumpaniji ma setgħux ikampaw irrikorrew għand il-Gvern għaż-żidiet. Mintoff għall-ewwel kien għaqqadhom fi tliet kumpaniji u mbagħad f’kumpanija waħda għax ma setgħux ifendu u eventwalment saret l-ATP.
U x’taħseb li se jiġri issa?
Jekk il-kumpanija li tieħu f’idejha s-servizz tkun barranija m’hu se tfalli qatt għax minn dak li nara jiġri fl-Ewropa dawn jew jagħmlu ‘sub-contracting’ lill-operaturi lokali jew jixtruhom min-nofs u jieħdu s-servizz huma.
Li tfalli l-kaxxa tal-pajjiż. Għax fl-aħħar tas-sena tippreżentalek l-‘accounts’ li juru li qiegħda tagħmel it-telf u l-Gvern ma jkollux triq oħra għajr jissussidjaha. Għax meta ikkumparati mal-pagi, in-nollijiet ma nafx kemm tista’ tibqa’ tgħolli fihom biex is-servizz jibqa’ vijabbli.
Tagħmlu kemm tagħmlu tajjeb it-trasport pubbliku ma nemminx li se jattira lin-nies li mdorrijin bil-kumdità tal-karozza. Tinsix li f’pajjiżna qiegħed tivvjaġġa f’distanzi qosra. Waħda mill-‘issues’ għax f’Malta l-karozzi huma popolari huwa proprju għax nivvjaġġaw f’distanzi qosra.
Barra minn Malta tarahom imorru għax-xogħol bl-‘underground’ u jħallulek ir-rota marbuta fl-istazzjon biex x’ħin jirritornaw lura bil-ferrovija jerġgħu jaqbdu r-rota u jirritornaw id-dar biha. Imma trid tqis li barra minn Malta l-ispiża biex tivvjaġġa fit-tul bil-karozza hija għolja anke għall-fatt li trid tħallas għall-‘parking meters’ mhux bħal Malta fejn ma tħallasx biex tipparkja.
Jekk il-Gvern ma jridx jara falliment fiha din se jkollu jara x’jagħmel biex jirristrinġi lin-nies milli jużaw il-karozza tagħhom. Allura hemm il-possibilità li jintroduċi din is-sistema f’pajjiżna wkoll.
Mhux kwistjoni li s-servizz mhux tajjeb. Ħu s-servizz minn ħdejn l-Università … hemm servizz fis-siegħa minn kull belt u raħal. U tiġi tgħidli li servizz bħal, dak b’ċuċata ta’ noll, jużawh biss 2,000 mill-10,000 student li hemm fl-Università!
Imma għaliex taħseb li b’mod ġenerali l-poplu mhux kuntent bis-servizz tat-trasport pubbliku?
Naqbel mal-poplu. Imma biex inkunu ġusti rridu ngħidu li dan il-Gvern qiegħed jipponta subgħajh lejnha mentri tajjeb li l-poplu jifhem min huwa l-operatur. Min hu l-operatur? M’hijiex l-ATP. Il-Gvern l-operatur. Aħna għandna x-xarabanks tagħna u noperaw kif jiddettalna l-Gvern… fir-rotot… fin-noll… fuq l-istejġis… fuq il-‘bus shelters’.
|
Sal-lum llum biex testendi rotta ġdida trid permess mill-awtorità responsabbli. Ilna s-snin nitolbu li nagħmlu servizz mill-ajruport għal Tas-Sliema, Buġibba, il-Mellieħa u viċi-versa imma qatt ma tawna permess għax qalu li kien se jmiss lill-operaturi l-oħra li joperaw bla skeda.
Sal-lum ma nħallsux kirjiet għall-vened. U hawn nara n-nuqqas ta’ għaqal min-naħa tal-Gvern. Jekk se timponi l-kirjiet fuq dawn il-vened biex tagħmel il-manutenzjoni tagħhom, minn fejn min se tiġbor il-flus? Mhux minn fuq iż-żgħir! U min huma l-klijenti tat-trasport pubbliku? Studenti, anzjani, ħaddiema u turisti.
Nerġa’ ngħidlek… jiġri x’jiġri m’hu se nniżżilha qatt li l-Gvern jirnexxielu jikkonverti lin-nies biex jużaw it-trasport pubbliku. Jien nużaha tal-linja… meta tieqafli l-karozza jew meta tkun se tużaha l-mara.
Il-Gvern ilu 20 sena jiggverna b’‘policy’ ħażina. Iż-żewġ gvernijiet kienu jqisu n-numru tal-karozzi reġistrati ġodda bħala progress mentri fl-Ewropa bil-kontra għax kienu qegħdin jirrestrinġu d-dħul tal-karozzi fiċ-ċentri u jagħtu priorità lit-trasport pubbliku.
Il-poplu qiegħed jiġi mwiegħed effiċjenza u kwalità. Imma x’se jġibu dawn? Xarabanks bil-ġwienaħ? Il-poplu qiegħed idaħħal f’rasu dak li qiegħed ibellalu l-Gvern. Kif se jiġi effiċjenti u puntwali t-trasport pubbliku? Mela mhux l-istess toroq se jibqgħu jgħaddu l-karozzi tal-linja! X’se jagħmlu fit-‘traffic jams’?.
Il-Gvern seta faċilment salva din is-sistema… seta innazzjonalizzah lis-settur pubbliku. Kif jiġri barra. Li fl-UE ma tistax tagħti huwa kuntratti diretti kif konna qegħdin ningħataw aħna imma l-Gvern seta innazzjonalizzah.
Imma minflok għażel li jmur għal tender. Imma trid tara għal liema prezz. Meta tqis li għandek patronaġġ ta’ 32 miljun, x’possibilità hemm li ħa titla’ din? Ħamsin miljun? Biss biss se jkollok bżonn 700 ħaddiem kuljum jiġifieri ara xi spiża ta’ pagi.
Jiġifieri ma taħsibx li r-riforma fit-trasport pubbliku tista’ twassal biex iktar nies jużawh?
Nerġa’ ngħidlek… Malta għandna l-vantaġġ li nivvjaġġaw f’distanzi qosra. Tgħidli “s-servizz mhux offrut tajjeb”. Imma x’se tikkompara? Forsi ssemmili x-xufiera. Imma allura kollha psataż ix-xufiera? Għax jien nisma ‘vox pops’ u nsegwi r-radjijiet fejn kien hemm nies li faħħru lix-xufiera. Ikun hemm xufieri li jġib ruħu ħażin bħalma jkun hemm f’kull qasam.
U anke din li l-Gvern jipponta subgħajh kontrina. Min jagħtihom il-liċenzja lix-xufiera? Il-Gvern. Mhux aħna bħala ATP. U dan li l-poplu ma jafx. U dan il-ħażin. L-operatur ma kienx vermanet l-operatur kif qiegħed ipiniġiha l-Gvern. L-operatur kien il-Gvern.
Ħu l-vened… veru li jinsabu fi stat diżastruż u n-nies jippuntaw subgħajhom lejna. Imma mhux aħna responsabbli mill-manutenzjoni. Kieku l-Gvern tani ċ-ċans li nagħmlu kont nagħmlu. Imma l-Gvern naqas li jagħmlu dan.
Hawn min isemmi l-karozzi tal-linja l-qodma. Il-verità hija li wara li fl-1995 il-Gvern beda jbiddilhom, fis-sena ta’ wara nbidel il-Gvern u ġara dak li ġara dwar id-dħul ta’ Malta fl-UE. Wara li reġa’ tela dan il-Gvern m’għamel xejn biex ikompli jibdel il-karozzi tal-linja.
Il-karozzi tal-linja li xtara l-Gvern se jibqgħu jintużaw jew inkella xtrahom biex jiġu skrappjati?
Jekk stess, għall-argument, jintużaw il-131 xarabank ‘low floor’ l-operatur irid mal-150 karozza tal-linja oħra biex jaħdmu fis-servizz. Issa m’ilux is-Sindku ta’ Londra ftaħar li minn 160 ‘bendy bus’ li fil-kapitali Ingliża ma kienux kuntent, 60 minnhom jistgħu jintbagħtu Malta.
Ma nafx jekk se jinġiebux karozzi tal-linja ġodda jew le imma jekk se jġibu ‘second hand’ din se tkun ir-riforma? Wieħed kien jippretendi xarabanks jaħdmu bl-elettriku minħabba l-ambjent. Imma mhux l-karozzi tal-linja l-‘issue’. Għax jekk kienet, il-Gvern seta’ kompla bil-kuntratt tal-1995.
L-ATP dejjem konna akkużati li kellna karozzi tal-linja qodma. Aħna kellna kuntratti mal-Gvern biex nibdluhom. Għaliex ma komplix? Għaliex ma rranġax il-vened? Nerġa’ ngħidlek aħna irregolati mill-Gvern f’kollox. Fl-antik fil-‘bus shelters’ kien ikun hemm informazzjoni għall-passiġġier. Imma llum?
Darba minnhom ċempilli passiġġier u qall li f’‘bus shelter’ partikolari twaħħal reklam fejn jistaqsik għaliex flok tistenna għal tal-linja ma tixtrix karozza partikolari. Bgħatt impjegat jgħattih u rċevejt ittra mingħand l-avukat tal-kumpanija biex ir-reklam inħalluh. Ma titwemminx! Operaturi fl-Ewropa jingħataw il-‘bus shelters’ biex jagħmlu l-informazzjoni għall-passiġġier għax il-‘bus shelter’ suppost għalhekk qiegħda mhux biex tagħmlu ‘medium’ tar-reklamar.
Ara issa se jagħtihulhom. Imma anke hawn hawn kontroversja għax ir-reklamar imur għand l-awtorità responsabbli. Fl-aħħar mill-aħħar l-ispejjeż tal-‘bus shelters’ min se jħallas għalih? Mhux il-passiġġier. Ara li kieku r-reklamar qiegħed għall-operatur kif jiġri barra.
Il-Gvern qiegħed jgħid li passiġġier jaqbillu jaqta biljett ta’ ġimgħa għax jiffranka 7ċ kuljum. Is-sistema l-ġdida ħa taġevola lill-operatur għax se jiġbor il-flus bil-quddiem. Użajtu jew m’użajtux is-servizz xorta tkun ħallast għalih. U biljett ‘one way’ se jiġik għoli.
Ma nistax nifhem lanqas kif l-Oppożizzjoni ma daħlitx fihom dawn l-affarijiet? Ma daħlitx fihom mhux biex insalvaw aħna għax aħna nintużaw bħala ballun politiku. Jiddispjaċini li l-Oppożizzjoni tkellmet wara li ħareġ il-kumpens. Imma bir-rispett kollu t-350 familja ‘self-employed’ fejn se jmorru.
Anke l-Kamra tal-Kummerċ… kien hemm 350 ‘self-employed’ mhedda għal xhur sħaħ u ma tkelmitx biex imbagħad tkelmet meta ħareġ il-kumpens.
X’tippretendi? Li ningħataw daqqa ta’ sieq u barra?
Kien hemm iktar minn ilmenta mill-kumpens ta’ €55 miljun.
Il-permess ma ħadnih gratis mingħand ħadd. Ix-xarabanks mhux mingħand il-Gvern xtrajnihom. Xtrajnihom mingħand il-kumpaniji li kienu fallew. Mingħand il-Gvern ma ħadna xejn. U biex xtrajna l-permess mingħand is-sidien l-oħra ħallasna l-eluf tal-liri.
Din bħal tas-sussidju biex nibdlu l-karozzi. Aħna xtrajna l-karozzi tal-linja u l-Gvern iddeċieda li rridu nibdluhom. Hemm żgħażagħ imsallbin għax xraw trakkijiet bis-Lm70,000 u llum kulma se jagħtihom il-Gvern Lm44,000. Lanqas ikopru d-dejn li baqalhom.
Mela din li ngħatajna garanzija ta’ għaxar snin xogħol mhux farsa!
Il-problema li se jkollha l-kumpanija li se tieħu f’idejha s-servizz mhux li tħaddem is-sidien u x-xufiera imma li mhux se ssib xufieri.
U jekk iżommu mar-rata ta’ €9,500 li qiegħed joffri l-Gvern żgur mhux se jsibu xufieri.
Fl-aħħar mill-aħħar mhux se jġibu xi 700 ħaddiem minn barra. Dawn se jirrikorru għax-xufiera lokali. Allura x’se jinbidel? Tgħidli jaqbdu u jagħtuhom ‘crash course’. Iva, nemmen jien. Imma hemm bżonn inġibu kumpanija minn barra għal dawn? Kumpanija li fl-aħħar mill-aħħar se tieħu tliet kwarti tal-flus minn tal-Maltin barra.
Nerġa’ nagħmilha ċara… jien m’għandi xejn kontra r-riforma.
Ilna s-snin nippretendu li tidħol. Id-dispjaċir tagħna huwa li kontra dak li ġejna mwiegħda, anke sa’ qabel l-elezzjoni li għaddiet, ir-riforma mhux se ssir mal-ħaddiema u l-ATP kif konna mwiegħda.
Aħjar flok il-Gvern daħak bina u ġiegħel lil ħafna sidien jidħlu għal ‘commitments’ biex ibiddlu t-trakkijiet qalilna li r-riforma ma kinietx se ssir magħna.
Kieku ħafna mis-sidien m’għandhom id-dilemma fejn se jitfgħu rashom wara Diċembru li ġej.
|
|
Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
|
|
|
|
|