|
Il-kriżi fl-Isptar Mater Dei qiegħda tkompli tiggrava minħabba nuqqas ta’ spazju fis-swali u nuqqas ta’ sodod tant li kieku l-pazjenti komplew jiżdiedu kien diġà tħejja pjan biex parti mid-Dipartiment tal-Emerġenza jingħalaq u jinbidel f’sala. Sadanittant minħabba din is-sitwazzjoni, omm kellha twelled tarbija fuq streċer.
Kollox kien lest, u sa ċertu punt għadu lest, biex ‘Area 2’ fid-Dipartiment tal-Emerġenza u l-kuridur jinbidlu f’sala u ma tibqax tintuża aktar għall-emerġenzi. Sorsi qrib il-Ministeru tas-Saħħa qalu lil l-orizzont li din id-deċiżjoni ssolvi problema imma toħloq oħrajn b’konsegwenzi gravi.
L-istess sorsi qalulna li meta jkun hemm emerġenza li pazjent ikollu jittieħed malajr lejn it-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU), l-iqsar triq hi minn ‘Area 2’ u l-kuridur li jagħti direttament għall-ITU. Imma jekk din il-parti kif ukoll il-kuridur jinbidlu f’sala, allura l-pazjent li jkollu bżonn jittieħed fl-iqsar ħin possibli lejn l-ITU, dan ikollu jinħareġ lura fis-sala tal-emerġenza fejn ikun hemm in-nies jistennew u għaldaqstant jgħaddi minn qalb in-nies u fl-istess ħin it-triq tkun ferm itwal meta kull sekonda tfisser ħajja jew mewt.
Din mhix l-unika problema. Jekk il-kuridur jinbidel f’sala dan se jkun mhux biss ta’ inkonvenjent imma ta’ periklu. Ir-raġuni hi li f’dan il-kuridur la hemm ‘points’ tal-kurrent elettriku u lanqas tal-ossiġnu.
“F’dan il-kuridur hemm kamra li tintuża biex ikunu eżaminati tfal żgħar u la hu prudenti li jkollok pazjenti ta’ kull età fil-qrib u lanqas hu iġeniku għat-tfal li jkunu daqstant qrib pazjenti adulti u l-qraba tagħhom,” saħqu s-sorsi tagħna.
Sadanittant rapport li deher fil-gazzetta Il-Kullħadd tal-bieraħ, intqal li omm ta’ żewġ ulied għaddiet minn esperjenza kera meta bħal bieraħ ġimgħa welldet it-tieni tarbija fuq streċer.
Il-mara qalet li fis-sala tal-maternità ma kienx hemm spazju biex twelled f’dik li hija magħrufa bħala d-‘delivery room’ li spiċċat okkupata minn ommi- jiet li kienu welldu qabel u suppost ingħataw sodda fis-sala tal-maternità.
“Dħalt fil-kamra fejn jeżaminawk u nformawni li ma kienx hemm spazju fid-‘delivery room’ u qaluli li dak kien il-post fejn kelli nwelled it-tarbija tiegħ fuq streċer dejjaq”.
Il-koppja kellhom kliem ta’ tifħir għall-infermieri u l-impjegati li pprovaw jagħmlu l-impossibli f’din is-sitwazzjoni.
pisani.journalist@gmail.com
http://www.johnpisani.net
|