Anzjan, li bħal eluf oħrajn f’pajjiżna jbati mill-kolesterol (xaħam fid-demm), fl-aħħar jiem ippreżentalna riċevuta għal kaxxa ta’ 84 pillola tat-tip Zocor tal-20 milligramma tad-ditta MSD li xtara mill-Belġju bil-prezz ta’ €21.71. Meta qalilna li l-istess pilloli tal-istess tip, doża u ditta jinbiegħu f’Malta għall-prezz ta’ €34.94 kull 28 pillola (jew €104.82 għall-istess ammont ta’ 84 pillola), ma ħadhiex bi kbira meta għednielu li nkunu rridu nivverifikaw il-fatti.
Hekk fil-fatt għamilna ma’ tliet spiżeriji li kkonfermawlna l-prezz ta’ €34.94 (28 pillola) meta staqsejnihom għall-prodott u kemm jiswa. Id-differenza bejn il-verżjoni “Maltija” u dik “Belġjana” tal-pilloli Zocor hi ta’ ftit inqas minn ħames darbiet aktar.
Dan il-korrispondent, bħal min jaf kemm-il wieħed ieħor f’pajjiżna li m’humiex intitolati għal din il-mediċina b’xejn mingħand il-Gvern, irid jieħu pillola kuljum. Minkejja dan, sorsi qalu lil dan il-ġurnal li mhux l-ewwel darba li anke dawk intitolati għalihom kellhom jixtruhom minn buthom għax ikunu ‘out of stock’.
(Ara wkoll Kumment Editorjali)
|