|
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi stqarr li jekk hemm xi ħaġa li messu għamilha b’mod differenti fis-sitt snin kemm ilu jmexxi l-pajjiż dan huwa l-mod ta’ kif saru r-riformi, billi fi kliemu dawn messhom kienu aktar ippjanati.
Din id-dikjarazzjoni għamilha waqt li lbieraħ kien intervistat fil-Każin Nazzjonalista tan-Naxxar, wara li ġie mitlub jgħid x’kien l-akbar sodisfazzjon għalih kemm ilu li sar Prim Ministru u x’inhuma dawk l-affarijiet li jħoss li messu għamilhom mod ieħor.
B’rabta mal-ammissjoni li għamel fejn jidħol l-ippjanar tar-riformi, żied jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu għall-fatt li ma għarafx jipprevedi l-isplużjoni li kien se jkun hawn fil-prezz taż-żejt. “Xi ħaġa li ma kkalkulajtx,” stqarr Dr Gonzi, imma mbagħad kien pront insista li ħadd ma kien kapaċi jipprevediha.
Bħala l-iżjed ħaġa li tagħtu sodisfazzjon semma’ l-fatt li pajjiżna rnexxielu jissieħeb fiż-żona tal-Ewro. Sostna li llum, sentejn wara, dan is-sodisfazzjon huwa ferm akbar għax minkejja d-diżastri ekonomiċi li seħħew madwar id-dinja, pajjiżna kien kapaċi jibqa’ miexi ‘l-quddiem.
Sadattant il-Prim Ministru reġa’ ma kkommettiex ruħu dwar it-tibdil li se jkun kostrett jagħmel fil-Kabinett minħabba r-riżenja tal-Ministru John Dalli kif ukoll fl-għażla tal-Ispeaker il-ġdid minflok Louis Galea.
Mistoqsi jekk hux se jagħmel sorpriżi huwa qal biss li d-deċiżjonijiet li jrid jieħu se jkunu mmirati biex il-grupp ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari jibqgħu ffukati fuq il-bżonnijiet tal-pajjiż bl-akbar priorità tkun il-qasam tax-xogħol.
Dwar il-laqgħa li qal dalwaqt se jkollu ma’ Renzo Piano li ġie inkarigat mill-proġett tad-daħla tal-Belt Valletta, Dr Gonzi saħaq li m’hemm xejn sigriet dwarha u ddeskriviha bħala laqgħa normali li klijent ikollu mal-perit tiegħu. “L-iskop tal-laqgħa huwa biex naraw ix-xogħol fejn wasal, inkluż il-pjanti, għax minbarra li huwa proġett li se jsebbaħ il-Belt Kapitali dan se joħloq ukoll ix-xogħol.”
Żied jgħid li dan il-proġett se jikkumplimenta xogħlijiet oħrajn li diġà saru u għadhom qegħdin isiru fil-bqija tal-Belt Valletta.
Fir-rigward tal-Palazz il-Prim Ministru qal li minn hemm irid jitneħħa mhux biss il-Parlament imma l-uffiċini governattivi kollha li jinsabu fih, ħlief dak tal-President, biex dan il-post isir vetrina tat-teżori li għandu pajjiżna.
|