www.l-orizzont.com  
It-Tlieta 7 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Għat-tieni logħba kontra l-Latvja llum:
Irridu ninżlu konċentrati u motivati
– John Buttigieg, kowċ nazzjonali.....

Malta v Latvja tal-passat:
Il-Maltin b’żewġ rebħiet minn tliet logħbiet.....

Valletta FC jippreżentaw lill-istaff
tekniku u lill-plejers ġodda:
Għandna skwadra kompetittiva
biex nisfidaw għall-kampjonat
– Jesmond Zerafa, kowċ ta’ Valletta FC.....

Table Football:
Malta ċampjins tad-dinja għall-ewwel darba.....

Illum isir programm ieħor ta’ logħob
ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2012:
Capello u Hitzfeld fl-ewwel konfront dirett.....

 

 
 

 

Aħbarijiet
 

Tasal fi tmiemha l-Konferenza
Ġenerali Annwali “speċjali” tal-Partit Laburista:
TWELID TA’ MOVIMENT
minn Victor Vella

“Diskors kuraġġuż… pożit­tiv… bla ebda attakki u tgħajjir… diskors ta’ siegħa li fih il-Prim Ministru Gonzi ma ssemma xejn… diskors tajjeb li fih inkluda miż-żgħażagħ sal-anzjani, mill-persuni b’diżabilità sal-‘gays’, mill-fqar sal-persuni tal-klassi tan-nofs, minn konsul­tazzjoni mal-unjins sa stat lajk, separat mill-Knisja.” Dawn kie­nu xi kummenti li għaddew lil l-orizzont għadd ta’ delegati li lbieraħ kienu qegħdin isegwu d-diskors tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat fi tmiem il-Laq­għa Ġenerali Ann­wali deskritta bħala speċjali u li se tibqa’ mniżżla fl-istorja bħala li welldet il-Moviment tal-Progressivi u Moderati.

F’dan id-diskors ta’ Dr Muscat spikkaw diversi punti li s’issa f’pajjiżna ftit li xejn qamet diskussjoni dwarhom. Fost dawn kien hemm dik tal-bżonn ta’ aktar pieni ħorox għal min jattakka persuni anzjani, rego­lamen­tazz­joni biex persuni anzjani u vulnerabbli ma jispiċċawx mormijin fi sptarijiet u abbandu­nati.

Dikjarazzjoni oħra importanti kienet dik li l-unjins kollha u għalhekk anke l-FORUM, għandhom ikunu fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Joseph Muscat iddikjara wkoll li l-prinċipju tan-newtralità – li għalih tant ħadem il-Partit Laburista, għandu jibqa’ jkun inkluż fil-Kostituzzjoni. Il-Mex­xej tal-Moviment, semma’ punt ieħor kruċjali – dak li verament id-demokrazija tkun mgħożża u kulħadd ikollu d-dritt li jsemma’ leħnu mingħajr intimidazzjoni. Waqt li għal darb’oħra reġa’ ddikjara li l-moviment hu kontra l-abort, saħaq li l-moviment se jkun qed jaspira għal stat lajk, li jkun ħabib mal-Knisja imma mhux ħaġa waħda mal-Knisja Kattolika.

Semma’ wkoll il-liġi opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilità u l-mira li l-postijiet tax-xogħol ikollhom tnejn fil-mija tal-ħaddiema b’diżabilità. Spjega li din hi xi ħaġa li trid tkun ittrattata, biex verament tirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum u tkun ta’ benefiċ­ċju għall-persuni b’diżabilità. Saħaq fuq l-im­portanza li s-suq tax-xogħol u l-edukaz­zjoni jkunu miftuħin beraħ għall-persuni b’diżabilità.



Konferenza ghal kollox differenti

Il-konferenza ġenerali tal-bieraħ mhux biss kienet waħda storika għall-Partit Labu­rista għax rat il-bidla minn partit għall-Mo­viment ta’ Progressivi u Moderati iżda fiha wieħed seta’ jinnota għadd ta’ bidliet sinifikanti – sinjal tal-ħidma li saret fl-aħħar xhur biex isiru l-bidliet neċessarji li jirrif­lettu ż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom. Kienet konferenza li fiha ma spikkawx l-attakki fid-diskors tal-Mexxej. Il-konferenza ma ntemmitx bis-soltu innu tal-Partit Labu­ris­ta, imma bl-Innu Malti. Mhux hekk biss, iżda fil-konferenza tal-bieraħ spikka in-nuq­­qas ta’ tixjir ta’ imkatar mad-diskors tal-Mexxej – li minflok intlaqa’ bl-applawsi.

F’sala ippakkjata bid-delegati, Joseph Muscat intlaqa’ bi preżentazzjoni viżwali fuq skrin kbir bid-diska “We Weren’t Born to Follow” tal-kantant Bon Jovi. Diska li nħar­ġet fl-aħħar ġimgħat u li l-lirika tagħha hi simili sew tal-għanijiet tal-Moviment tal-Progressivi u l-Moderati. Id-diska li tgħid li għa­da se jisbaħ jum aħjar u biex finalment kulħadd iqum fuq saqajh u jżomm ma’ dak li jemmen, kienet ukoll parti mill-messaġġ tal-Mexxej Joseph Muscat.



Il-mozzjoni approvata

F’din il-konferenza li damet għaxart ijiem, ġiet approvata b’mod unanimu l-moz­­zjoni programmatika. F’din il-mozzjoni tfasslu l-prinċipji li fuqhom se tkun imfassla l-politika, il-manifest elettorali u l-pjan għal pajjiżna.

Il-Mexxej tal-Moviment tal-Progressivi u l-Moderati, Joseph Muscat qal li b’dak li qed isir qiegħda tinkiteb l-istorja ta’ pajjiż­na. Spjega li l-Partit Laburista kien f’salib it-toroq, imma għażel it-triq ambizzjuża, għa­żel it-triq għall-futur – it-triq għat-twaq­qif ta’ moviment.

Joseph Muscat qal li “stajna għażilna l-kumdità li ma niddiskutux. Li ma nistaqux. Li nħallu kollox l-istess. Li ma nkomplux inbiddlu. Minflok għażilna t-triq l-iebsa, għa­żilna moviment ġdid li se jwassalna għal pajjiż aħjar.”



Minn Kostituzzjoni ghal ugwaljanza, drittijiet civili u Stat lajk

Il-Mexxej tal-Moviment elenka l-politika li biha se jimxi dan il-moviment, li l-għan tiegħu hu li jiġbor fi ħdanu lill-prog­ressivi u l-moderati.

Dr Muscat qal li “il-moviment se jkun jemmen f’Kostituzzjoni li jkun id-dokument li jgħaqqadna. Kostituzzjoni li l-movi­ment ma jiddejjaq xejn li tiġġedded biex tir­rifletti l-aspirazzjonijiet tan-nies waqt li żżomm il-prinċipji ewlenin fosthom in-new­­tralità.

Prinċipju ieħor tal-moviment se jkun dak li “jgħożż id-demokrazija. Issemma’ leħ­nek mingħajr intimidazzjoni. Wieħed mill-impenji tal-moviment hu li anke min ma jaqbilx magħna se jkollu l-libertà kollha li jgħid dak li jħoss.”

Il-Mexxej tal-moviment kompla jgħid li “l-moviment se jkun jemmen fil-konsultaz­zjoni vera qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. Mhux limitat għal ċerti nies imma li jinkludi lill-unjins kollha ta’ pajjiżna fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) ħa jsemmgħu leħinhom bħall-għaqdiet ta’ min iħaddem.”

“Il-moviment se jkun jirrispetta l-valuri ta’ pajjiżna. Kull bidla se tirrispetta s-sisien tagħna bħala soċjetà. Valur fundamentali tal-ħajja. Moviment totalment kontra l-in­tro­duzzjoni tal-abort f’pajjiżna. Moviment li se jixpruna d-drittijiet ċivili għal soċjetà denja fid-diċennju l-ġdid”, kompla jgħid Dr Muscat.

“Il-moviment se jaspira għal Stat lajk, li jkun ħabib tal-Knisja – imma mhux ħaġa waħ­da mal-Knisja. Stat li ma jindaħalx lill- in­dividwi fl-għażliet tagħhom. Stat li jħobb il-familja u li ma jkomplix jabdika mid-dmi­rijiet tiegħu għat-tisħiħ tal-familja. Ma tgħab­bix piżijiet fuq il-familji u li tgħin fil-preparazzjoni ta’ familji ġodda.”

Dr Muscat saħaq li “moviment li ma jiddejjaqx li jiddiskuti l-bżonnijiet il-ġodda tas-soċjetà. Mhux lest li jitfa’ l-affarijiet taħt it-tapit. Se nintroduċi personalment abbozz ta’ liġi dwar id-divorzju, b’vot ħieles lill-Mem­bri Parlamentari. Ma rrid niġġudika l-ħajja privata ta’ ħadd. Kulħadd għandu jin­għata ċ-ċans għat-tieni opportunià fil-ħaj­ja. Nistenna li n-naħa l-oħra, ukoll tagħti vot ħieles lill-membri Parlamentari tagħ­ha.”

Il-Mexxej tal-Moviment tal-Progressivi u l-Moderati qal ukoll li “l-moviment mhux se jiġġudika l-orjentazzjoni sesswali tal-per­suni differenti. Ma jħarisx lejn persuni ‘gay’ bħala marda. Mhux imaqdar u jiġġudika imma li jirrispetta lil kulħadd. Moviment tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala dritt u mhux pjaċir lin-nisa. Miżuri li jibbilanċjaw bejn il-ħajja u x-xogħol. Moviment li se jkun minn ta’ quddiem biex jimbotta lin-nisa fil-politika”.



"Qed nipprovaw ninghogbu...min ma jemminx mhux postu maghna"

Fid-diskors tiegħu, Dr Joseph Muscat wieġeb għall-kritika li kienet qiegħda ssir b’mod kostanti – dik li kien qed jipprova jingħoġob ma’ kulħadd. Qal li “hawn min qed jgħidilna li qegħdin nipprovaw nin­għoġbu ma’ kulħadd. Le, xejn minn dan. Jekk ma temminx f’dawn il-prinċipji li semmejt, mhux postok fil-moviment tal-prog­ressivi u l-moderati.”

“Irridu nkunu moviment tax-xogħol. Aħna jinteressawna l-kontijiet għax hemm punt aktar fundamentali – ix-xogħol. Dik id-deċiżjoni qiegħda timmina l-ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna. Ix-xogħol ikisser il-faqar u jgħolli l-livell tal-għixien tal-klassi tan-nofs. Il-moviment irid Stat li ma jżidx il-piżijiet, ma jżidx it-toqol fuq il-familji. Irridu nagħmlu s-servizzi tas-saħħa pubblika u l-edukazzjoni pubblika l-aqwa fil-pajjiż, fl-istess waqt li nħallu lill-Knisja u lill-pri­vat ikomplu jaħdmu bl-aqwa mod possibbli.”



Min jabbuza mill-haddiema... ma jihux kuntratti tal-Gvern

Il-kwistjoni tal-abbużi fuq il-ħaddiema u l-iskjavitù modern ukoll kien trattat mill-Mexxej tal-Progressivi u l-Moderati. B’re­ferenza ċara għall-kuntratti li ngħataw mill-Gvern lill-kumpaniji li kienu qegħdin jabbużaw mill-ħaddiema billi anke jagħtuhom paga inqas mill-paga minima, hu qal li “l-moviment se jara li min jabbuża mill-ħaddiema ma jiħux aktar kuntratti mill-Gvern”.

“Il-moviment se jkun tal-edukazzjoni u tal-innovazzjoni, bit-tfal fiċ-ċentru u l-ġeni­turi u l-għalliema imseħbin fil-proġett. Irridu nkissru l-figura ta’ erba’ minn kull għaxart itfal li ma jkomplux bl-edukazzjoni wara s-16-il sena. Nemmnu fir-riċerkaturi Maltin li huma fost l-aqwa fl-Ewropa. Dan se jkun moviment tas-solidarjetà soċjali fejn il-viżjoni tagħna ta’ Stat hu ta’ Stat li ma jindaħalx imma li ssibu meta jkollok bżonn. Mhux Stat ta’ burokrazija imma Stat li permezz ta’ servizzi soċjali flessibbli issibhom hemm meta taħseb li inti waħdek – meta taħseb li ħadd ma jista’ jgħinek. Appell lill-ħaddiema taċ-ċivil biex jissieħbu f’dan il-proġett. Mhux il-klijent għandu tort imma s-sistema – u allura ejjew nirranġaw is-sistema. Għandna l-eżempju tas-16,000 persuna li ma kinux jafu li min­ħabba l-ftit żieda tal-għoli tal-ħajja suppost bħala kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet, se jitilfu l-għajnuna supplementari li għandhom bżonn biex jgħixu. Servizzi soċjali li jirrispettaw lill-anzjani li taw snin twal ta’ ħidma għal pajjiżna. L-anzjan mhux toqol fuq is-soċjetà imma esperjenza vasta. Inħarrxu l-liġijiet kontra l-vjolenza fuq l-anzjani. Nassiguraw li l-persuni b’diżabilità jkollhom opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol. Niftħu diskussjoni dwar x’jagħmlu l-persuni b’diżabilità meta l-ġenituri tagħ­hom jiġu neqsin.”



Moviment ta' sahha ta' kwalita'

Joseph Muscat emfasizza li “dan se jkun moviment tas-saħħa ta’ kwalità, saħħa fil-ħin u saħħa b’xejn. Mhux saħħa ta’ imwiet fuq l-istreċer. Irridu ninvestu aktar biex ikollna ħinijiet determinati minn qabel ta’ kemm persuna tista’ tistenna għal operazzjoni fuq il-lista ta’ stennija. Bħal m’għamel il-Gvern Laburista Ingliż, aħna se ndawru s-servizz għal wieħed mill-aqwa fl-Ewropa. Irridu nkunu moviment tal-klassi tan-nofs. Din se tkun id-dar għal dawn in-nies. Il-klassi medja kienet drat taħdem aktar biex imexxu l-familja tagħhom ’il quddiem. Imma illum qegħdin jaħdmu aktar u jaqilgħu ferm inqas. Klassi li qiegħda taqla’ fuq rasha. Il-klassi tan-nofs hi ċ-ċavetta tas-suċ­ċess. Se nkunu moviment tal-ekonomija u se noħorġu lill-pajjiżna mir-riċessjoni. Ekonomija li tikber għax tagħti l-flus fil-bwiet tal-ħaddiema, tas-‘self employed’ u tal-is­tudenti. Viżjoni ekonomika ta’ xogħol u ġid. Il-moviment mhu se jaċċetta qatt li jkun hemm id-daqqa tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Tnaqqis sostenibbli ta’ taxxi. Nem­mnu fit-turiżmu bħala ċ-ċavetta mill-ġdid għas-suċċess tal-ekonomija. Il-ħaddiema kol­lha fis-settur jingħataw il-motivazzjoni. Moviment li joħloq il-‘green jobs’. Moviment li jassigura li Għawdex joħloq ix-xogħol għall-Għawdxin imma wkoll għall-Maltin”.



"Min ge maghna mhux se jintrabat ma' partit imma ma' hsieb"

Dr Muscat qal ukoll li “dan se jkun mo­viment tal-prinċipji li dejjem kienu f’qalbna. Dan hu l-moviment tal-ġustizzja soċjali. Mhux biżżejjed jinħoloq il-ġid imma jrid jin­qasam ġustament. Min miexi ‘l quddiem jibqa’ miexi ‘l quddiem, imma rridu ngħinu lill-batut. Dan il-partit irid ikun l-partit li jaqbeż għall-foqra. Se jkun moviment li jem­men fit-trasparenza politika. Jemmen f’paj­jiż li jimxi skont x’taf u mhux skont lil min taf. Il-korruzzjoni hi taxxa oħra fuq il-fa­milji. Stat li jibża’ għall-assi tiegħu. Stat li ma jkollu xejn kontra l-privatizazzjoni imma assi kruċjali u strateġiċi ma jistgħu jinbiegħu qatt. Nerġa’ ntenni t-twissija, li l-Air Malta mhix għall-bejgħ”.

“Dan se jkun moviment tal-konsumaturi bi drittijiet Ewropej, kemm tal-prodotti u servizzi tal-Istat kif ukoll tal-privat. Movi­ment taż-żgħażagħ li se jkunu l-mutur li jix­prunaw il-bidla. Moviment għall-ambjent. Wieħed mill-akbar sfidi ta’ din il-ġe­ne­razzjoni hi l-isfida tal-ambjent. Irridu nku­nu kreattivi. Irridu li jkun hemm reklamar ta’ art mill-baħar. Fuq in-nifs u l-arja, inkwetati bil-livell ta’ arja li qegħdin jieħdu t-tfal Maltin. Aħna m’aħniex komdi li ngħi­xu f’din is-sitwazzjoni”.



Moviment tal-Gustizzja Socjali u l-konsumaturi

Fid-diskors tiegħu l-Mexxej tal-Moviment tal-Progressivi u l-Moderati qal li “ap­prezzajna lil dawk li dejjem kienu magħna. Smajna lil dawk l-eluf li jħossuhom maqtugħin mill-politika u lil dawk li emmnu fl-elezzjoni li għaddiet li l-Partit Laburista ma kienx l-aħjar għażla.

Din il-konferenza poġġietna f’salib it-toroq fi żmien meta spiċċaw il-monopolji eko­nomiċi u politiċi. Spiċċa ż-żmien meta bilfors trid tintrabat ma’ partit jew ieħor. M’hemmx voti tagħna u voti tagħhom. Il-voti huma tan-nies li jieħdu d-deċiżjoni minn darba għal oħra. Ħerġin minn era tal-partiti tal-bieraħ. Min ġej fostna mhux se jintrabat ma’ partit imma ma’ idea ta’ Malta bħala l-aqwa fl-Ewropa. Qegħdin naraw nies minn kull oqsma, ta’ kull età, li qegħdin jaqsmu magħna l-ideal. Dan il-proġett mhux se jintemm mal-ġurnata tal-elezzjoni. Din hi viżjoni għal pajjiżna. Biex jgħix dan il-moviment, dan irid jibqa’ użat mill-partit.”

Spjega li “għamilna għażla f’din il-konferenza favur ħelsien ta’ għada. Li nkunu l-aq­wa fl-Ewropa. Għandna l-isfida tal-2017, meta Malta jkollha l-Presidenza tal-UE. Din mhux sfida ta’ gvern imma sfi­da ta’ poplu. Mhix se tkun sfida ta’ nofs pop­lu. Biex nilqgħu għal din l-isfida, ma nis­tgħux inkunu kuntenti bil-medjokrità. Ir­ri­du niffokaw biex nagħtu tmexxija lill-Ew­ro­pa, biex nuru li l-iżgħar pajjiż kapaċi daqs l-akbar pajjiż tal-UE. Irridu nuru rieda enormi biex turi li l-poplu hu akbar mid-daqs tagħna. Għalhekk il-PL qed jagħ­żel it-triq ta’ moviment. Nistieden lil kul­ħadd biex jingħaqad magħna f’dan il-movi­ment jekk temmenu li għada jisbaħ jum aħ­jar. L-aħjar snin għal pajjiżna għadhom ġej­jin”.

victorvella2002@yahoo.com


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Aħbarijiet
·  L-isplużjoni tal-kamra tan-nar fl-Għarb:
SITTA L-VITTMI
·  Jerġa’ jogħla l-prezz tad-dqiq…
u mistennija żieda oħra f’Ottubru:
Furnara msallbin bl-ispejjeż
·  Ġrieħi gravi wara aċċident fit-triq ta’ Ħal Luqa:
Jaħbat ma’ siġra
·  Aktar minn erba’ xhur jistenna d-dawl!
·  Aktar inkonvenjent fil-Marsa bi ġrieden li joħorġu billejl
·  Il-Monument tal-Assedju l-Kbir jitlesta mir-restawr
·  L-eżenzjoni mill-eko-kontribuzzjoni:
GreenPak tibgħat l-ewwel 53 applikazzjoni
·  Ftehim kollettiv għall-ħaddiema
tal-Malta Air Traffic Services Ltd
·  Taljan jinqabad wara overdose tal-‘liquid ecstasy’
·  Jiċħad storja tal-Maltatoday
·  Norman Lowell jiftaħ attakk kontra l-Qorti Kostituzzjonali:
Il-kawża tiegħu differita għar-raba’ darba
·  L-aħħar diskors tal-Prim Imħallef Vincent Degaetano
·  Miet missier il-Prim Ministru Lawrence Gonzi
·  Inkwiet mill-ġdid bejn sajjieda Tuneżini u Maltin:
L-“Aladdin” f’inkwiet ma’ sajjieda Maltin


IT-TEMP - 7/9/2010
Xemxi
Temperatura: 
L-ogħla: 27°C
L-inqas: 22°C

Riħ:  Xlokk 8-16 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.