|
Kull sena tibda bi speranza. Min kellu 2009 ħażina jispera li r-rota ddur u l-fortuna tidħaqlu ftit aktar. Min mar tajjeb jaspira li tal-inqas iżomm l-istess livell jew itejbu. Iżda bejn taspira u tispera hemm differenza li tiddependi ħafna mill-attitudni tagħna stess.
Huma x’inhuma x-xejriet fl-ekonomija jew fil-ħajjiet personali tagħna, bidu pessimist ixekkilna milli nagħrfu l-opportunitajiet li jistgħu qegħdin hemm u mhux konxji tagħhom. Jekk nagħmlu hekk, is-sena tkun diġà bdiet b’gowl minn taħt.
B’differenza naraw li min jibda s-sena bi spirtu pożittiv aktar għandu ċans jasal. Sabiħ li wieħed jispera li l-bajtra taqa’ f’ħalqu, imma naspiraw li l-bajtra nsibuha aħna nassigurakom li r-riżultat ikun produċenti. Il-bajtra wkoll miksija bix-xewk b’qalbha ħelwa u hekk se tkun l-2010. Sena ta’ tlugħ u nżul.
Tiġi f’moħħi l-parabbola tat-talenti. X’jiswa li jkollna talent u ma nużawħx? Kulħadd kapaċi għal xi ħaġa jew oħra. Kultant niltaqa’ ma’ persuni li jħossu li m’huma kapaċi għal xejn.
Dan m’għandux ikun. Probabbli dik il-persuna mhux nieqsa mit-talent, iżda jew m’għandhiex opportunità tiskoprih inkella teħtieġ aktar motivazzjoni. Għalhekk ukoll irridu nħarsu lejn l-2010 bħala s-sena tal-opportunità. Tal-inqas inwiegħdu lilna nfusna li nippruvaw niskopru aspett ġdid fina nfusna.
Veru li għadda l-Ewwel tas-Sena, iżda għadna fil-ħin inżidu riżoluzzjoni ma’ dawk li forsi għamilna!
Imbgħad ta’ min jgħid li jekk għandna nagħmlu pjanijiet, iridu jkunu fattibbli. Li noħolmu sabiħ għax noħorġu l-kreattività u ftit immaġinazzjoni li ttina ferħa imqar għal ftit sekondi. Però meta ma nilħqux dak il-ħolm inħossuna diżappuntati.
B’hekk l-aħjar soluzzjoni hi li nfasslu pjanijiet realistiċi, b’hekk il-possibilità li nilħquhom tkun akbar u s-sodisfazzjoni jintlaħaq qabel u aktar spiss. Ħaġa ġġib lil oħra u forsi għaliex le, il-ħolm finalment isir realtà wkoll.
Fi ftit kliem, il-messaġġ hu wieħed sempliċi – ħarsu lejn l-2010 bħala sena ta’ opportunità, sew fuq ix-xogħol, fil-familja, fil-ħajja personali u ħbiberiji ġodda; niskopru talenti moħbijin filwaqt li naspiraw għal ħajja aħjar. Jekk ma nippruvawx ma naslux!
•Nawgura s-sena t-tajba lill-Editur, lill-ħaddiema u lill-qarrejja ta’ dan il-ġurnal.
|