|
Filwaqt li l-istress qed isir dejjem iżjed parti preżenti fil-ħajja tagħna, il-post tax-xogħol jew aħjar fatturi relatati mal-impjieg tagħna huma meqjusin bħala wħud mill-iżjed fatturi li jiġġeneraw stress fost iż-żgħażagħ. L-istress huwa identifikat meta l-ħtiġijiet tal-impjieg ikunu ikbar minn dawk li nifilhu għalihom.
Matul dawn l-aħħar snin l-istress ġie identifikat bħala wieħed mill-akbar spiżi azjendali fir-Renju Unit fejn huwa estimat li, madwar 10% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) qegħdin jissarfu fi problemi ta’ stress iġġenerati mill-impjiegi fuq il-post tax-xogħol li qegħdin iwasslu għal mard u assentazzjonijiet mill-impjieg.
F’kuntest azjendali nsibu diversi fatturi fosthom il-kundizzjonijiet tax-xogħol, fejn il-ħaddiema jkollhom jaħdmu għal siegħat twal b’‘deadlines’ stretti ħafna li awtomatikament iqanqlu mumenti ta’ tensjoni fost il-ħaddiema.
Fost dawn l-elementi li nstabu li huma ferm sinjifikanti nsibu l-mod ta’ tmexxija fil-kumpanija, kif ukoll l-irwol tal-ħaddiem fil-kumpanija u kemm dan iwassal għal sodisfazzjon.
Fatturi oħrajn huma r-rispett lejn il-ħaddiem u kemm dan jitħalla jipparteċipa fl-għażliet u deċiżjonijiet tal-kumpanija, kif ukoll is-siegħat li jaħdem fihom il-ħaddiem flimkien mal-livell tax-xogħol u ‘deadlines’ li jingħata l-ħaddiem. Filwaqt li l-istress jaffetwana b’modi differenti skont il-personalità tagħna, kemm ninkwetaw malajr jew kemm aħna persuni kalmi u pożittivi; kif ukoll skont il-mod kif naddattaw u niġġieldu kontra l-stress fejn iżjed ma’ naddottaw metodi effikaċi ta’ rilassament u nieħdu kontrol fuq is-sitwazzjoni tagħna iżjed inkunu effettivi fil-mekkaniżmu biex inbaxxu l-ansjetà, l-istress huwa meqjus li jħalli mpatt detrimentali saħħitna.
Dan minħabba li waqt mumenti ta’ stress nkunu qegħdin nattivaw is-sistema bioloġika tagħna, għalhekk iżjed ma’ ngħaddu min mumenti stres-santi iżjed nkunu qegħdin npoġġu piż fuq saħħitna.
Filfatt f’riċerka kurrenti li ġiet ippublikata fil-ġurnal ‘Psychosomatic Medicine’ nstab li ħaddiema li huma esposti għal livelli kbar ta’ stress minħabba natura u li l-kundizzjonijiet tal-impjiegi kellhom il-pressjoni ta’ demm ferm għola meta ikkumparata ma’ dik ta’ ħaddiema li kellhom impjiegi iżjed kalmi b’inqas piżijiet.
Riċerka oħra li investigat l-impatt tal-istress fuq is-saħħa tal-ħaddiema tindika li l-istress jħalli impatt negattiv fuq is-sistema mmunitarja tagħna, tant li f’mumenti ta’ stress nħossuna iżjed dgħajfa u nimirdu iżjed mis-soltu min-ħabba li ċ-ċelloli li jgħinuna niġġieldu l-mard ikunu baxxi iżjed minn normal u minħabba f’hekk nimirdu iżjed malajr.
Meta wieħed jikkonsidra l-effetti tal-istress fuq is-saħħa tal-ħaddiema kif ukoll ir-riperkussjonijiet finanzjarji fuq l-azjendi li qiegħed ihalli l-stress. Diversi kumpaniji internazzjonali qegħdin jinvestu f’programmi kontra l-istress biex inaqssu l-astenzjonijiet relatati ma’ stress kif ukoll problemi ta’ saħħa ikkaġunati minn stress prologat.
Fost il-programmi l-iżjed effikaċi kontra l-istress nsibu dawk li jinkorporaw aspetti relatati ma’ komunikazzjoni fejn kemm-il ħaddiema kif ukoll il-maniġers jinagħtaw taħriġ biex itejjbu l-mod kif jidjalogaw aħjar u jkunu iżjed effetivi fuq xogħlhom. Dan it-taħriġ jgħin biex jitnaqqsu l-problemi ikkaġunati min nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-ħaddiema.
Aspetti oħrajn inkorporati huma taħriġ ta’ ‘problem solving skills’ fejn il-ħaddiema jinagħtaw taħrig dwar kif ikunu iżjed effettivi meta jaffaċjaw iżjed domandi, kif ukoll metodi ta’ rilassament li jinkludu modi biex dak li jkun jikkontrolla l-ħsibijiet kif ukoll eżerċizzji oħrajn li ħaddiem juża f’mu-menti meta jħossu tenzjonat. Dan biex ibaxxi t-tensjoni u jġib il-fiżjoloġija tiegħu lura għan-normal biex kemm jista’ jkun inaqqas mill-impatt negattiv fuq is-saħħa.
Bħala parti mill-iskemi li qiegħda tneddi l-GWU għall-membri tagħha se tkun qiegħda toffri wkoll servizzi ta’ għajnuna kontra l-istress bi prezz ridott. Iżjed informazzjoni dwar dawn is-servizzi, tista’ tinġieb direttament mill-GWU billi ċċemplu fuq 21222559.
|