|
|
| Tkompli s-serje pożittiva tal-Qriema |
|
Qormi telgħu temporanjament waħidhom fil-quċċata tal-klassifika grazzi għal rebħa ta’ 2-0 fuq il-ġirien u rivali Ħamrun Spartans, f’logħba li fiha l-Qriema, għalkemm ma kellhomx xi wirja eċċellenti, taw prova li fil-logħba tal-futbol l-aktar li huwa effettiv huwa dak it-tim li jirnexxielu jsib ix-xibka avversarja u jkollu difiża soda.
Iż-żewġ kowċis, Steve D’Amato għall-Ispartans u Jesmond Zerafa għall-Qriema rispettivament, setgħu jagħmlu użu mill-plejers kollha fl-iskwadra tagħhom għajr għal Jonathan Holland li kien nieqes għal Ħamrun.
D’Amato għażel li jibda din il-logħba b’sistema tattika ta’ 4-2-3-1 b’Marcelo Periera, Gaetan Spiteri u Manolito Micallef jgħinu lil Joao Batista Mauete fl-attakk filwaqt li dik magħżula minn Zerafa kienet 4-4-2 b’Alfred Effiong u Camillo Da Silva Salvezzo jmexxu l-attakk tagħhom. Ta’ min jirrimarka li Joseph Chetcuti sab postu fuq il-bank tas-sostituti.
Bħal ma kien mistenni, sa mis-suffara inizjali tar-referi, is-sur Andrè Arciola, il-logħob kien wieħed ferm bilanċjat bl-ebda naħa ma tieħu l-logħba f’idejha, anki għal fatt li ż-żewġ timijiet kienu kawti biex ma jsibux ruħhom fi żvantaġġ.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fl-għaxar minuta meta minn kross mil-lemin ta’ Ryan Deguara, Alfred Effiong antiċipa lil Martin Hrusba iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu minn pożizzjoni ideali spiċċat tgħaddi fuq il-lasta difiża minn Ivan Casha. Żgur li f’din l-azzjoni l-attakkant Niġerjan seta’ kkonkluda ferm aħjar minn kif għamel fil-verità.
Żewġ minuti wara kienu l-Ispartans li resqu qrib meta Spiteri fetaħ tajjeb fuq il-lemin lejn Micallef li avvanza fuq il-lemin u hekk kif daħal fil-kaxxa tefa’ għan-nofs iżda pront daħal Jonathan Bondin li rnexxielu jilħaq qabel Mauete u kklerja l-ballun f’korner.
|
Mill-istess korner, mogħti minn Rupert Mangion mil-lemin, l-istess Mauete għola tajjeb u d-daqqa ta’ ras tiegħu dehret destinata għal ġewwa, iżda l-ballun stampa mal-mimduda b’Matthew Farrugia megħlub għal kollox.
Fl-20 minuta reġa’ kien Effiong li resaq qrib meta rċieva l-ballun mingħand Joseph Farrugia iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin kienet salvata tajjeb minn Casha.
Wara din l-azzjoni ż-żewġ timijiet naqqsu mir-ritmu bil-logħob jiżvolġi f’nofs il-grawnd bl-Ispartans igawdu aktar mill-inizjattiva filwaqt li Qormi jibbaħaw fuq il-kontrattakk, sakemm fis-37 minuta, dawn tal-aħħar rebħu frikik li minnu huma fetħu l-iskor.
Mill-kross ta’ Farrugia mix-xellug, kien hemm ħarġa ħażina ta’ Casha bil-ballun jispiċċa f’saqajn MASSIMO GRIMA li minn żewġ passi bogħod ma kellux diffikultà jixħet f’xibka vojta.
Din kienet l-aħħar azzjoni ta’ din it-taqsima li l-bilanċ li kien hemm fil-logħob ma kienx rifless fir-riżultat.
Iż-żewġ naħat ħarġu għat-tieni taqsima bl-istess plejers li bdew bihom din il-logħba għalkemm fil-50 minuta, l-Ispartans kellhom iwettqu sostituzzjoni sfurzata meta Neville Galea kellu jinħareġ mill-grawnd wara li weġġa’ bi Clyde Camoin jeħodlu postu.
Fl-ewwel minuti ta’ din it-taqsima l-Ispartans ħarġu aggressivi jfittxu li jagħmlu l-iskor indaqs iżda l-attakki tagħhom kienu wisq konfużi li ma tantx ħolqu periklu lid-difiża Qormija.
Wara xutt ta’ Camoin li li Farrugia salva bla tbatija, fil-61 minuta Qormi rduppjaw b’gowl ferm sabiħ.
F’kontrattakk veloċi, Farrugia qassam ‘il quddiem lejn CAMILLO DA SILVA SANVEZZO li bi’ Hrubsa quddiemu, ikkontrolla l-ballun u żbilanċja lill-istess Hrubsa, u b’xutt bid-dawra mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka minkejja li Casha pprova jsalva.
Dan il-gowl tefa’ f’dellirju ta’ ferħ lil partitarji Qriema fl-istess waqt li dawk Ħamruniżi, biex juru d-diżappunt tagħhom, bdew jinsultaw lil plejers tal-Ispartans.
Dan il-mument ta’ nervo-żiżmu deher jaffettwa l-wirja tal-plejers tal-Ispartans tant li ftit minuti wara dan il-gowl, indeċiżjoni bejn Casha u Attard waslet biex Camillo Da Silva jkun qrib li jiskorja t-tielet gowl iżda Hrusba wettaq fawl tattikuk ftit passi ‘l barra mill-kaxxa.
B’vantaġġ doppju u bl-għejja tibda tinħass miż-żewġ naħat, Qormi ppreferew li għall-aħħar 20 minuta jikkontrollaw l-attakki tal-avversarji tagħhom fl-istess waqt li jittantaw ikunu perikolużi bil-ħarbiet tipiċi tad-duo Effiong - Camillo Da Silva.
L-aħjar ċans tal-Ispartans ta’ din it-taqsima wasal fis-77 minuta meta wara azzjoni personali max-xellug, Pereira xeħet għan-nofs fejn kien hemm Micallef f’pożizzjoni mill-aktar ideali iżda l-attakkant Ħamruniż ma laqatx il-ballun fost id-diżappunt tal-partitarji Ħamruniżi.
L-aħħar 15-il minuta raw lill-Ispartans jippruvaw jitfgħu taħt pressjoni lid-difiża ta’ Qormi b’Pereira u Micallef jingħaqdu ma’ Mauete fl-attakk bi Spiteri rtirat warajhom.
Iżda Ramon Dos Santos u Stephen Wellman mexxew ferm tajjeb lil sħabhom biex sat-tmiem ma kellniex azzjoni denja ta’ nota għajr għal kontrattakk ta’ Effiong mil-lemin li x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angolata kien imdawwar f’korner minn Casha.
Is-suffara finali tar-referi ntkaqgħet b’ċapċip kbir mill-partitarji Qriema li issa għandhom jumejn f’ras il-klassifika tal-kampjonat Premier u jittamaw li Valletta ma jiksbux it-tliet punti fil-konfront tagħhom kontra Tarxien Rainboiws ħalli b’hekk ikunu waħidhom fil-quċċata tal-klassifika.
|
|
Artikli oħrajn fis-sezzjoni Sports
|
|
|
|
|