|
|
| In Vitro du Bourg jikkonferma l-potenzjal tiegħu |
|
Wara li l-Ħadd ta’ qabel kien sar l-ewwel programm mill-waqfa twila fejn sar xogħol kbir fuq wiċċ il-korsa, u bħalma jafu d-dilettanti dak in-nhar assistejna għal ħinijiet verament medjokri, lbieraħ nistgħu ngħidu li dawn tjiebu xi ftit, naturalment wara ħidma ma taqta’ xejn li saret matul il-ġimgħa li għaddiet.
Kif kien mistenni l-aqwa ħin kellu jiġi rrekordjat fi Klassi Premier u fil-fatt hekk seħħ, meta r-rebbieħ, In Vitro du Bourg waqqaf l-arloġġ fil-ħin ta’ 1’21”3 (2140m). Huwa ħin ħafna l-bogħod mir-rekords lokali, iżda almenu lbieraħ assistejna għal numru ta’ tiġrijiet li kienu eċċitanti ħafna.
Il-Klassi Premier kompliet tikkonferma l-potenzjal tal-Franċiż, nistgħu ngħidu veteran, In Vitro du Bourg li issa għandu 13-il sena. Ilbieraħ misjuq minn Ivan Bilocca, minkejja li għal ħinijiet twal ġera ħafna fuq barra, xorta kien kapaċi jirbaħ quddiem żwiemel oħra ta’ kalibru bħal Joker de Choisel, Kamis de l’Eveche u Arnie Sensation li kollha spiċċaw f’dik l-ordni.
Il-programm kien jikkonsisti fost oħrajn bi tliet tiġrijiet miftuħa għal tal-galopp fejn sfortunatament, ittappnu fl-aħħar waħda fejn seħħ inċident meta s-sewwieqa, Paul Abela u Ramon Grima, waqgħu minn fuq iż-żwiemel rispettivi tagħhom b’dan ta’ l-aħħar ikollu jittieħed l-isptar għal osservazzjoni. Minn dawn il-kolonni nawgura lil Ramon li ma jdumx ma jerġa’ jkun fl-azzjoni.
|
Għal dawk li huma tiġrijiet kien hemm ukoll bħal tat-trott il-konferma tal-potenzjal qawwi li jgawdi l-veteran ta’ 11-il sena, Managing Director misjuq minn Micheal Sultana li rebaħ fi Klassi A quddiem Kharsak.
F’tiġrija miftuħa għad-dwieb biss kien hemm trijonf ta’ Maria La Perfida li nsaqet minn Ramon Grima fejn din spiċċat quddiem Lady Perla.
Fl-aħħar tiġrija minn dawn it-tlieta msemmija, li kif għidna ttappnet bl-inċident li seħħ fiha, assistejna għal wirja mill-aqwa tad-debuttant ta’ tliet snin biss, Mean Mr Mustard li ġie mpurtat mill-Irlanda. Dan insaq minn Demis Zammit u l-bieraħ rebaħ quddiem Prince Solor.
Il-programm fetaħ b’tiġrija miftuħa għal Klassi Copper fejn f’din kien hemm rebħa sabiħa ta’ King TDI misjuq minn David Ellul. Ta’ min jgħid li l-ħin akkwistat mir-rebbieħ kien ta’ 1’23”5 fuq 2140 metru, almenu ferm aħjar mill-ħin miksub il-ġimgħa l-oħra meta dak in-nhar fl-ewwel tiġrija kien ġie rrekordjat ħin medjokri ta’ 1’29”5.
It-tieni tiġrija wkoll kienet riżervata għal Klassi Copper bir-rebbieħ f’din ikun Vasterbo Lymmell. Dan kien misjuq minn veteran ieħor, Raymond Clifton li minkejja issa dan is-sewwieq ilu għal ħafna snin igawdi popolaritŕ fix-xena tat-tiġrijiet, xorta lbieraħ wera li għadu kapaċi ħafna kif jirbaħ.
Fuq laqta internazzjoni saret tiġrija li fiha pparteċipaw tliet sewwieqa li waslu mill-korsa Svediża ta’ Eskilstuna fejn ħadu sehem kontra sewwieqa Maltin.
Appuntu kien il-Malti, Carl Caruana li permezz ta’ Lac Megantic rebaħ dan il-konfront. Wara dan daħlet id-debba Olga Streamline misjuqa minn Alan Agius filwaqt li l-ewwel Svediż li daħal, kien Sven Olof Faberberg biż-żiemel Poppsson fejn dan spiċċa fit-tielet post. Wara t-tiġrija fil-preżenza tac-Chairman tal-MRC, Dr. Matthew Brincat ir-rebbieħ ingħata trofew u għata ta’ l-okkażjoni.
Ilbieraħ minbarra r-rebħa tad-debuttant Mean Mr Mustard f’tal-galopp, aktar debuttanti kel-lhom ix-xorti li jirbħu mill-ewwel f’pajjżna.
L-ewwel minn dawn ħa se-hem waqt tiġrija ta’ Klassi Bronze u kien il-Ġermaniż, Dark Oman. Misjuq minn Mark Desira huwa għaraf jikkontrolla t-triq kważi l-ħin kollu quddiem u kien biss Lancaster li tah x’jagħmel iżda b’dan ta’ l-aħħar kellu jikkuntenta bit-tieni post.
Debuttant ieħor li beda l-avventura fostna b’rebħa kien l-Isvediż, Nolan Streamline b’dan ikun misjuq minn Andy Mifsud. Huwa ħa sehem fi Klassi Gold fejn kien involut f’taqtiegħa kontinwa flimkien ma’ Kaki du Vivier. Dawn it-tnejn flimkien taw final drammatiku, fejn iżda kif għidna d-debuttant, Nolan Streamline ħareġ rebbieħ bi ftit.
Fl-aħħar tiġrija fil-programm, miftuħa għal Klassi Silver, kien hemm l-ewwel rebħa fostna li ġie mpurtat aktar kmieni din is-sena, l-Franċiż, Monticello. Dan insaq minn Wayne Farrugia u nistgħu ngħidu li verament kien strumentali b’rebħa quddiem id-debuttant Furey.
|
|
Artikli oħrajn fis-sezzjoni Sports
|
|
|
|
|