Il-plejer tas-snooker Simon Zammit se jkun l-uniku Malti li se jkompli jxejjer il-bandiera Maltija fil-Kampjonati Mondjali tas-Snooker f’Hyderabad fl-Indja wara li rnexxielu jikkwalifika għas-semi finali tal-masters, filwaqt li ż-żewġ plejers Maltin l-oħra, Alex Borg u Duncan Bezzina, sfaw eliminati mill-kategorija maskili.
Fil-fażi tal-aħħar sittax Zammit lagħab kontra l-Indjan Devendra Joshi u rebaħ bl-iskor ta’ 4-0 biex fil-kwarti finali messu jilgħab kontra t-Tajlandiż Nappadon Nappachorn u bi prestazzjoni oħra mill-aqwa kkwalifika għas-semi finali meta ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 4-1.
Min-naħa l-oħra l-mixja taż-żewġ plejers Maltin fil-kategorija maskili ġiet imwaqqfa meta ċ-champion lokali Alex Borg ġie eli-minat fil-fażi tal-aħħar 32 u Duncan Bezzina tilef fil-fażi tal-aħħar 64.
Fl-aħħar 32 Borg lagħab kontra l-Indjan Kamal Chawla u tilef bl-iskor ta’ 5-4 f’logħba missielta u ndeċiża sal-aħħar. Min-naħa l-oħra Bezzina tilef fil-fażi tal-aħħar 64 kontra Philip Williams minn Wales bl-iskor ta’ 4-0.
|