www.l-orizzont.com  
It-Tlieta 7 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Għat-tieni logħba kontra l-Latvja llum:
Irridu ninżlu konċentrati u motivati
– John Buttigieg, kowċ nazzjonali.....

Malta v Latvja tal-passat:
Il-Maltin b’żewġ rebħiet minn tliet logħbiet.....

Valletta FC jippreżentaw lill-istaff
tekniku u lill-plejers ġodda:
Għandna skwadra kompetittiva
biex nisfidaw għall-kampjonat
– Jesmond Zerafa, kowċ ta’ Valletta FC.....

Table Football:
Malta ċampjins tad-dinja għall-ewwel darba.....

Illum isir programm ieħor ta’ logħob
ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2012:
Capello u Hitzfeld fl-ewwel konfront dirett.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

L-istejjer fil-PBS donnhom li ma jieqfu qatt...:
Ta’ Paula kienu nsewh?
minn Charles Flores

Kull min, l-għada tal-ħatra tal-President ġdid tal-Partit Nazzjonalista, segwa l-aħbarijiet tal-PBS biex ikun jista’ jikseb it-tagħrif meħtieġ żgur li ħareġ xi ftit diżap­puntat. Dan għaliex mat-tħabbira tal-għażla tal-kunsillieri Nazzjonalisti ma kienx hemm il-‘feature’ li kulħadd ikun jistenna b’ċerta ħerqa dwar il-persuna magħżula.

F’dan il-każ kienet Paula Mifsud Bonnici li għelbet l-isfida tal-kandidat l-ieħor u, skont ħafna, iż-żiemel favorit tal-amministrazzjoni fil-partit, Ian Castaldi Paris. Il-ħatra tal-President ta’ partit ewlieni fil-pajjiż hija avveniment importanti, speċjalment fiċ-ċirkostanzi ta’ dan l-aħħar meta kien qed jimtela’ l-post ta’ eks-President li ħtieġlu jirriżenja fid-dell tal-kwistjoni taħraq dwar permessi għal żvilupp insensat fil-Wied tal-Baħrija.

Għala ma kienx hemm il-‘feature’ mistenni dwar Paula Mifsud Bonnici? Minn informazzjoni li kisbet din il-paġna sar magruf li fil-fatt it-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS sa dakinhar u sal-ħin tal-ewwel aħbarijiet kienet laħqet ħejjiet biss ‘feature’ dwar Castaldi Paris. Daqstant kien hemm min assigurahom li kien se jkun dan il-kandidat li jikseb il-kariga ta’ President.

Xi ħaġa kienet marret żmerċ sew fil-linja bejn Gwardamanġa u l-Pietà.



Aktar mingħand il-qarrejja tagħna

Bankier fortunat, inkella…



Fost l-ittri interessanti li waslulna matul il-jiem li għaddew kien hemm din tas-Sur Tarcisio Mifsud dwar differenzi li nnota fil-pro­gramm “Deal or no Deal” fuq Television Malta meta mqab­bel mal-istess programm fuq stazzjonijiet oħrajn barra minn pajjiżna. Hija osser­vazzjoni valida u ta’ min iressaqha għall-attenzjoni tal-qarrejja ta’ din il-paġna…

“Għażiż Sur Flores,

“Naħseb li l-bankier tal-programm fuq TVM “Deal or no Deal”, jew huwa veru fortunat jew inkella kif jit­qassmu l-kaxxi hemm sistema totalment differenti minn tal-Italja u anke l-Ingilterra. Ftit ilu kont l-Ingilterra u f’perjodu ta’ ġimgħa darbtejn il-konkorrent kellu s-som­ma l-kbira ta’ GBP250,000.00 fil-kaxxa tiegħu.

“Forsi tgħidli biex ġej. Ilni ninnota li filwaqt li kemm fl-Italja kif ukoll fl-Ingilterra sikwit jiġri li l-konkorrent li jintagħżel ikollu xi ammont tajjeb (dawk li jgħidulhom, il-premjijiet il-kbar jew ħomor), fil-programm ta’ Malta rari ħafna ħafna li jkollhom xi wieħed minn dawk il-premji­jiet.

“F’Malta biex jirbaħ somma mhux ħażin konkorrent irid ma jiftaħx il-kaxxa li jkollha premju mill-kbar u mbagħad allura l-bankier ikollu jgħolli s-somma biex jixtri l-kaxxa, imma veru rari ħafna li huwa jkollu l-premju fil-kaxxa tiegħu jew tagħha.

“Allura jkolli bilfors naħseb li s-sistema tat-tqassim tal-kaxxi hija differenti minn tal-Italja u l-Ingilterra.

Jekk il-bankier jagħżel huwa l-kaxxi li se jagħti lill-kompetitur li jkun fin-nofs, allura l-logħba mhijiex qiegħda ssir bil-fair.

“Imbagad xi ngħidu għad-differenza tal-preżentaturi? Filwaqt li l-preżentaturi barranin tgżidx kemm tara­hom jifirħu meta l- konkor- rent ikun jidher li se jirbħa, il-preżentatur ta’ Malta, il-body language tiegħu jinbidel, b’wiċċu kważi jisfar bil-qatgħa li l-kompetitur jista’ jirbaħ xi somma mhux ħażin, dejjem fil-limitazzjoni ta’ Malta.

“Tgħid il-familja tagħna biss tinnota dawn id-dif­ferenzi? Possibbli l-Awtorità tax-Xandir ma tidħolx f’dawn l-affarijiet biex tiżgura li kollox isir b’ġustizzja? Tarcisio Mif­sud.”



“Xarabank” u l-programmi sħabu



Dawk kollha konnessi mal-programm “Xara­bank” bir-raġun kollu kienu ferħanin bir-riżultati miksuba fl-istħarriġ tal-Media Warehouse fejn fost l-oħrajn ikkonfermaw il-pro­gramm bħala l-aktar popolari.

Ħafna iżda qegħdin jistaqsu jekk il-PBS għandhiex tibqa’ tħallas dawk l-eluf kollha fuq programm wieħed meta tista’ tqassam aħjar il-flus fuq pro­grammi oħrajn, inkluż xi pro­gramm ġdid mill-istess kum­panija.

U hawn tidħol il-kwistjoni tal-udjenzi u r-reklamar li jġibu magħhom.

Il-PBS tista’ tgħid li taqla’ minn fuq “Xarabank” meta tqis kemm qed jiswiha? Ma rridux ninsew li l-programm huwa parti minn pakkett sħiħ li ta’ kull sena jingħata, qisu bi dritt, lill-“Wheres’ Everybody”, allavolja jkun materjal ogħla minn pro­g­rammi oħrajn tal-istess ġeneru.

Ħafna jistaqsu wkoll jekk dan il-pakkett għandux jinkludi reklami b’xejn saħansitra qabel l-aħbarijiet u jekk jinkludix reklami biex jitpatta l-ispon­sorship, u jekk “Deal or no Deal” u “Ħadd Għalik” humiex b’xejn għall-WE kif kienu sa ftit ilu.

Dan għaliex għalkemm jitħallsu mir-reklami, xorta waħda ħerġin minn stazzjon pubbliku.

Dwar il-promozzjoni tkellim­na diversi drabi f’din il-paġna. Kif jista’ jkun li ma jinżammx livell kostanti ta’ telespettaturi meta, kif wieħed faċilment jinnota mid-dar, ikunu ħerġin xejn inqas minn 20 promozzjoni kuljum?

Sadanittant, l-għajta li l-programm “Deal or no Deal” qala’ mingħand l-Awtorità tax-Xandir dwar il-pubbliċità għal-logħba tal-azzard tal-Poker ma tfissirx li tiskolpa lill-PBS jew li din tista’ tfarfar mir-respon­sabbiltà li ġġorr.

Il-fatt li l-programm ikun irrekordjat jagħmilha aktar importanti li l-kumpanija nazzjonali tax-xan-dir tkun taf x’qed isir u li ma tħallix ħwejjeġ bħal dawn joħorġu.



Baġit 2010

Taħwid bil-konferenzi



Jidher li l-Konferenzi Stampa li jsiru wara d-diskorsi ewlenin tal-Baġit – il-Prim Ministru f’Jum il-Baġit u l-Kap tal-Oppożizzjoni f’Jum ir-Risposta – qegħdin iqanqlu ċertu taħwid fil-PBS… speċ­jalment din is-sena. Minn tagħrif li kisbet din il-paġna jidher li l-istazzjon nazzjonali sab ruħu f’pożizzjoni diffiċli minħabba nuqqas ta’ tħejjija inkella xi forma ta’ ndħil politiku minn x’imkien.

Kollox beda meta ftit wara li bdew il-mistoqsijiet fil-kon­ferenza tal-Prim Ministru, l-ewwel in-NET TV, imbagħad il-PBS qatgħu x-xandira. Din id-deċiżjoni bir-raġun kollu wasslet għal diversi protesti u akkużi li dan sar għax “il-Prim Ministru kien qed iħossu skomdu jwieġeb id-domandi.” B’danakollu dan ġie miċħud kemm mill-uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll mill-kap tat-taqsima tal-Aħbarijiet li sostna li t-trasmissjoni twaqqfet “għax kienet twalet wisq”. Kif isir dej­jem, il-konferenza kienet parti mill-aħbarijiet u kon­segwenza tat-tul, qal, kellhom jitħallew barra aħbarijiet oħ-rajn.

F’sitwazzjoni bħal din ma tistax ma tapprezzax il-prob­lema tal-kap tal-aħbarijiet, iżda fl-istess ħin nemmnu li l-PBS għandu jkollu l-kura u s-sens professjonali li f’okkaż­jonijiet bħal dawn jinsisti maż-żewġ naħat li għandu jkun hemm ħin fiss ta’ dik li hi durata biex ma jkunx preġudikat il-bul²le²tin tal-aħbarijiet.

Fil-fehma ta’ ħafna osser­vaturi tax-xandir nazzjonali, mhux sewwa li ssir din il-pressjoni kollha fuq l-istazzjon tal-Istat. Infatti hemm min jiddiskrivi dawn il-konferenzi bħala xejn inqas minn “mun­tatura” li ma tirrispettax l-intelliġenza tal-poplu.

Bla dubju li l-kwistjoni u t-taħwid li qam bejn il-PBS, ONE TV u Kastilja kienu jkunu evitati li kieku min hu responsabbli fil-PBS ma ħalliex ir-riedni jaħar­bulu minn idejh. Kollox kien jimxi bl-aktar mod normali li kieku xi ħadd fil-kumpanija nazzjonali ħa l-inkarigu li jagħti jew jiftiehem bil-quddiem dwar id-durata tal-konferenzi. Ironi­kament, ingħad li l-PL ngħata struzzjoni mill-PBS dwar dan, biex hekk inħolqot inġustizzja bla bżonn, apparti l-konfużjoni f’għajnejn it-tele­spettatur.

Kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi ta’ taħwid li nħoloq, żgur li l-politiċi tagħna għandhom jifhmu li wara d-diskorsi twal li jkunu għamlu fil-Parlament, il-kon­ferenzi ta’ wara għandhom ikunu qosra ferm biex mill-ewwel jgħaddu għall-mis­toqsijiet u hekk l-aħbarijiet tal-jum jibqgħu jagħmlu sens. Fl-istess ħin tkun qiegħda tiġi rispettata l-intelliġenza tan-nies li jkunu jridu jsegwu mhux ripetizzjoni tal-istess argumenti, iżda tweġibiet siewja.



Kap ġdid li diġà magħruf



Fil-jiem li gaddew fil-PBS kienu qegdin isiru l-intervisti lil dawk li ap­plikaw għall-post ta’ Kap tal-Programmi, liema kariga hija bħalissa meqjusa bħala impor­tanti ħafna biex l-istazzjon naz­zjonali, TVM, ikun jista’ jibqa’ jirranka hekk kif il-kompetiz­zjoni minn stazzjonijiet oħrajn qiegħda tiħrax ġmielha, b’One TV jerġa’ jibda jirbaħ lejh ud­jenzi dejjem akbar permezz tal-iskeda ġdida u avventurua tiegħu.

Fil-PBS stess hemm min qed isostni li l-għażla tal-persuna biex timla l-post “saret” proprju qabel beda l-proċess tal-inter­visti, tant li qed jissemma impje­gat mis-sezzjoni tat-televiżjoni u b’rabta mal-Eurovision li kien ingħaqad mal-kumpanija naz­zjonali tax-xandir meta ngħalaq Channel 12 u l-ħaddiema tiegħu kienu ġew assorbiti mill-PBS fi żmien Albert Marshall.

Nistennew u naraw.



Din is-sena bla ‘awards’?



GĦal min jaħdem fil-qasam tat-televiżjoni, ix-xahar ta’ Novembru kien ifisser iċ-ċerimonja tal-Malta Television Awards fejn jiġu ppremjati l-aħjar programm u l-aħjar persuna f’kategoriji differenti.

Din is-sena għadu ma nstema’ xejn dwar dan. Tgħid dan l-avveniment annwali se jispiċċa wara sentejn ta’ suċċess?


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Il-ħuta minn rasha tinten
·  L-ittra li messu bagħat PBO
·  Il-kunsilli bejn realtà u finzjoni
·  Mintoff… politiku leġġendarju
·  Suq minn hemm xbin!!
·  L-akwakultura


IT-TEMP - 7/9/2010
Xemxi
Temperatura: 
L-ogħla: 27°C
L-inqas: 22°C

Riħ:  Xlokk 8-16 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.