Naraw ukoll kif episodji li jiġru f’Malta jkunu mitqiesa mill-Gvern bħala “normali”, filwaqt li f’pajjiżi oħrajn Ewropej ikunu l-kawża ta’ riżenji u skandli.
Naraw ukoll kif programmi fuq it-televisjoni, u gazzetti lokali, segwiti minn bosta, ma jitrattawx temi tal-akbar importanza, iżda minn flok jagħżlu temi bil-ħsieb li jitfgħu l-lenti tagħna ’l bogħod minn suġġetti ta’ priorità u b’hekk joħolqu diverġent. Barra minn hekk għandna wkoll il-ħtieġa li naħdmu sigħat twal biex nlaħħqu mal-ħajja.
Din ukoll tħallilna ftit ħin biex naħsbu dwar il-mod li bih qed ngħixu, u b’liema mod nistgħu ntejbu l-kundizzjoni tagħna.
Ma titqassamx
L-iżball ta’ ħafna minna huwa dak li naħsbu li l-libertà hija xi ħaġa li tingħata lilna, minn flok xi ħaġa li hemm bżonn li niksbuha. Fid-diskors tal-inawgurazzjoni tal-ħatra tiegħu bħala President tal-Istati Uniti tal-Amerika, John F. Kennedy, b’mod kien qal li wieħed m’għandux jistaqsi x’jista’ jagħmel il-pajjiż għalih, iżda x’għandu jagħmel hu għall-pajjiżu.
Dan kien ipoġġi d-dawl fuq il-fatt li aħna għandna nipparteċipaw fit-titjib li nkunu nixtiequ.
Giorgio Gaber, kantawtur Taljan, kien irnexxielu jagħti definizzjoni tal-kelma libertà permezz ta’ kelma oħra. Fil-kanzunetta tiegħu La Libertà huwa jgħid li l-libertà hija propju parteċipazzjoni. Infatti l-aljenazzjoni li semmejt qabel, iżżomna lura milli nipparteċipaw għax naħsbu li qatt ma nistgħu nkunu effettivi f’dak li nagħmlu. Għalhekk hija l-parteċipazzjoni tagħna ċ-ċittadini f’kull sfera tas-soċjetà tagħna li ġġib lilna stess aktar ħielsa. Il-Ħelsien ma jitqassamx fil-kaxxi!
chriscut@onvol.net
www.xellugi.blogspot.com
Il-Baġit 2010 se jkompli jnaqqas il-fiduċja tal-poplu
IL-BAĠIT li ppreżenta l-Gvern, l-istess kif għamlu Baġits preċedenti komplew itellfu l-fiduċja tan-nies f’dan l-eżerċizzju. Dan għax flok ingħatat stampa ċara u realistika ta’ kif inhi s-sitwazzjoni u ta’ x’se jkunu l-ispejjeż żejda li se jkollhom jiffaċċaw in-nies, ħalla ħafna mistoqsijiet mhux mwieġba u injora ħafna mit-tħassib li qegħdin jaħkmu lin-nies.
Kif innota l-Kap tal-Oppożizzjoni, għal kuntrarju tal-Gvern, iċ-ċittadini ma jistgħux jagħmlu baġit għalihom personali u għall-familji tagħhom. Dan għax għadhom fil-għama dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li se jkunu qegħdin iħallsu minn Jannar li ġej.
Din is-sitwazzjoni kif qalu l-imsieħba soċjali qiegħda tkompli tnissel inċertezza fi żmien meta l-konsumatur jeħtieġ jerġa jrabbi l-kunfidenza neċessarja biex ir-rotta terġa tibda ddur, speċjalment fi żminijiet ta’ festi fejn in-negozji ż-żgħar qegħdin iħarsu lejh b’tama.
M’humiex biss il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qegħdin joħolqu din l-inċertezza imma wkoll spejjeż oħrajn li jinqagħlu minn żmien għal żmien bħat-tariffi tal-MEPA. Għalkemm uħud jafu jargumentaw li dawn se jkollhom jagħmlu tajjeb għalihom l-iżviluppaturi, fl-aħħar mill-aħħar iż-żieda fl-ispejjeż se jbagħtiha l-konsumatur. F’dan il-każ bosta żgħażagħ li b’tant sagrifiċċji se jkunu qegħdin jidħlu għall-piż tal-propjetà biex jibnu familja.
Fattur ieħor li qiegħed ikompli jtellef il-fiduċja tal-poplu fl-eżerċizzju tal-baġit hu l-prestazzjoni tal-Gvern stess minn sena għall-oħra. Il-baġit trid tieħdu f’kuntest tal-baġits ta’ qablu, tevalwa x’sar minn dak li kien mwiegħed u kemm nżammew il-miri li l-Gvern ikun poġġa. Ikolli ninnota, li la l-prestazzjoni tal-Gvern matul l-aħħar 12-il xahar u wisq anqas il-miri, ma jawguraw tajjeb għall-Baġit 2010.
Apparti l-elenku sħiħ ta’ wegħdi ripetuti minn baġi għall-ieħor, il-Gvern prattikament mar żmerċ f’kull mira li poġġa għal din is-sena. Per eżempju kif wieħed jista’ jieħu bis-serjetà n-nefqa li proġetta l-Gvern għall-edukazzjoni għas-sena d-dieħla, meta din is-sena nefaq biss 41% ta’ dak li kien ħabbar.
Fid-diskors li għamel b’risposta l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat, mhux biss ressaq kritika ibbażata fuq fatti u figuri, imma wkoll xejjen għal darba oħra kull spekulazzjoni li setet inqalet dwar il-Partit Laburista u l-istipendji.
Fid-diskors tiegħu, Joseph Muscat mhux talli kkonferma li hu favur is-sistema tal-istipendji, imma esprima wkoll it-tħassib tiegħu għal fatt li dawn tilfu s-saħħa tagħhom bil-livell ta’ għoli tal-ħajja li esperjenzajna fl-aħħar snin. Jekk il-Gvern verament jemmen fis-sistema tal-istipendji u mhux biss iqishom bħala ‘gimmick’ politiku biex jattira liż-żgħażagħ u jispekola fuq il-Partit Laburista, jrid jirrevedihom. Kif proponiet il-GWU jiem qabel ma tressaq il-baġit, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja kellha tingħata pro rata liż-żgħażagħ kollha li bħalissa huma ntitolati għall-istipendju biex ikomplu bl-istudji tagħhom.
Irrid iżda nfaħħar l-inizjattivi li tħabbru biex iħajjru studenti li ma jkunux jaħdmu jew jistudjaw f’livell post sekondarju, biex ifittxu li jingħataw rikonoxximent mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiċi u jingħataw ukoll stipendju.
L-istess kif kif nfaħħar l-allokazzjoni ta’ €6.2 miljun biex ikun implimentat programm estensiv ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ. Wieħed jawgura li dawn il-flus ikunu utilizzati bl-aħjar mod possibli biex nindirizzaw il-qagħad fost iż-żgħażagħ, li aktar ma jmur aktar qiegħed jerfa rasu.
jonathan.attard@live.com
|