www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Aħna ta’ din n-naħa
minn GWU Youths

minn christopher cutajar, ass. segretarju, GWU Youths

Fid-dinja kollox għandu tendenza jinqasam fi tnejn. Jew tħoss il-bard jew tħoss is-sħana. Jew tkun rebbieħ jew tkun tellief. Jew tkun għaqli nkella mħarbat. Hekk ukoll fil-qasam trejdun­jonistiku u politiku. Hemm dawk li lesti jbiddlu u hemm dawk li jaħilfu li l-ebda bidla m’għandha ssir. Hemm dawk li lesti jisfidaw lil min għandu l-poter u hemm dawk li għaliex huma lagħqa jew beżgħana jżommu rashom baxxa quddiem kull awtorità, anke quddiem dawk li ma jixirqilhom l-ebda rispett.

Dan jgħodd ukoll għall-għaqdiet taż-żgħażagħ. Ħasra li għandna biżibilju ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ li mhumiex lesti jċaqalqu l-ebda ilmijiet f’pajjiż­na. Ħasra li għandna żgħażagħ mimlijin enerġija u għerf li flok jużawhom biex jaraw kif itejbu l-kundizzjonijiet ta’ dawk ta’ madwarhom barra dawk tagħ­hom, jiffokaw biss fuqhom infushom biex ipaxxu biss l-alla tal-“jien”.

La għidna li kollox nistgħu nsibulu żewġt itruf, fl-għaqdiet politiċi u trejdunjonistiċi nsibu lil dawk tax-Xellug u dawk tal-Lemin. Tax-Xellug ikunu dawk li l-progress iridu jiksbuh aktar malajr minn ħaddieħor. Tax-Xellug ikunu dawk li jqisu bħala priorità tagħhom il-kundiz­zjo­nijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u l-kwalità tal-għixien tal-familji u qatt ma jġerrħu l-fatt li mad­warhom ikun hawn min ikun mejjet għal qatra u min mejjet fis-sakra. B’hekk min hu Xellugi jara l-Ġustizzja Soċjali u l-Ug­waljanza bħala valuri u prinċipji li ħadd qatt ma jista’ jneħħilu minn rasu.

Tal-Lemin mill-banda l-oħra jemmnu li kulħadd għandu jkollu ċ-ċans jitħalla jitlaq jaqdef għal rasu u mhux importanti għalih jekk dak li telaq jiġri ’l quddiem ħalliex xi erbgħa b’saqajhom miksurin warajh. Jemmnu li l-Gvern m’għandux joqgħod ipoġġi ħafna regoli fuq min iħaddem jew jagħmel il-kummerċ jew in-negozju. Ma jemminx li min m’għandux għandu jaqsam ma’ min għan­du. Tal-Lemin ma jinteressaħx jekk kulħadd ikunx jista’ jasal, għalih l-aqwa li jiftaħ it-triq biex kulħadd jiġri kemm jiflaħ fiha.

Aħna ż-żgħażagħ tal-GWU kburin li nifformaw parti minn trejdunjin Xellugija, li l-progress trid tarah mill-aktar fiss u li għalkemm ħasbet biex tiġġed­ded bil-qawwa, il-prinċipji tagħha għarfet tindukrahom. Għalina tal-GWU Youths huwa importanti ħafna li aħna l-għaqdiet taż-żgħażagħ Xellugin u Progressivi nservu ta’ spalla għal xulxin kull meta jinħass il-bżonn. M’hemmx bżonn strut­turi formali u dojoq jew rego­lamenti kontra oħrajn. Li hemm bżonn huwa kuntatt kontinwu u effettiv u kull meta xi ħadd jazzarda jagħtas fuq wieħed minna nkunu hemm għal xulxin biex naraw x’għajnuna nistgħu noffru lil xulxin.

Irridu nkunu bħal ħamest iswaba’ f’ponn. Dik hi s-soli­darjetà li aħna tal-GWU Youths barra li nippridkawha lesti li ngħixuha u nħaddmuha. Hekk għamilna l-ġimgħa l-oħra meta ħeġġiġna lil għaqdiet Xellugin u Progressivi oħrajn biex ningħaq­du f’solidarjetà mall-Moviment Graffitti biex il-Kunsill Studenti Universitarji ma jkunx arroganti u viljakk u jhedded lill-Graffitti li se joħodlu l-kamra tal-Uni­versità.

Il-Graffitti hija l-aktar għaqda attiva fl-Università u llum ma jmissniex niddiskutu jekk għandhiex tittiħdilhom il-kamra tagħhom, imma minn flok imis­sna naraw jekk għandux jin­bniel­hom palazz biex ikoll­hom fejn jimirhu aktar fil-ħidma tajba li jagħmlu.

Aħna napprezzaw li l-Forum Żgħazagħ Laburisti, l-Alter­nattiva Demokratika Żgħażagħ, u Żminijietna Żgħażagħ tax-Xellug ingħaqdu magħna biex nappoggjaw lil dan il-Movi­ment. Ċert li ma’ kull sejħa li se nkunu qegħdin nagħmlu, se jkunu aktar dawk l-għaqdiet tan-naħa tagħna li jilqgħu sejħiet bħal dawn. Lil dak li jmexxi l-KSU minn hawn ngħidlu li min jagħti bis-sejf, bis-sejf jaqla’. Ħafna kienu dawk li nħarqu bl-istess ħuġġieġa li qabdu huma stess.

Aħna ż-żgħażagħ Progressivi u Xellugin għandna nkunu dejjem lesti biex ngħinu lil xulxin b’kull mod. Dan nagħm­luh billi nżommu l-identitajiet tagħna dawk li huma biex kulħadd jibqa’ jiddistingwina, iżda fl-istess waqt nagħmluh għax nagħrfu li b’hekk nistgħu nsaħħu l-vuċijiet tagħna f’kull livell.

Għalhekk bħala pass ieħor f’din il-mixja fil-ġimgħa li ġejja aħna tal-GWU Youths se nkunu qegħdin nagħmlu sejħa liż-żgħażagħ tan-naħa tagħna biex flimkien nfasslu sett ta’ proposti lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jinħolqu soluzzjonijiet ħalli ma jkollniex studenti f’pajjiżna li jkunu minn għalihom li laħqu l-quċċata tal-muntanja u wara jin­dunaw li bil-kemm telgħu nofsha.

chriscut@onvol.net

www.xellugi.blogspot.com



Seminar effettiv

minn melissa farrugia, ufficjal edukattiv, GWU Youths

Is-Seminar li għamilna nhar is-Sibt li għadda bit-tema tal-“Edukazzjoni Rikonoxxuta”, bl-involviment tal-Ministru Dolores Cristina, ix-Shadow Minister Evarist Bartolo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (NCHE) s-Sur Jacques Sciberras u anke il-Kap tal-Kunsill Malti għall-Kwalifici Dr James Calleja. Dawn kollha rrikonoxxew li għandna realtà madwarna li jista’ jkun hawn min qed iġib kwa­lifiċi li fil-verità m’għand­homx valur akkademiku u re­la­vanza għall-postijiet tax-xogħol. Kollha tkellmu dwar x’jista’ jsir biex l-istudenti jkunu jistgħu ma jinqabdux f’nasses bħal dawn.

Matul is-seminar intweriet il-ħtieġa u l-urġenza li titwaq­qaf aġenzija li tiżgura l-kwalità biex tirregola u tidentifika isti­tuzzjonijiet u ċentri ta’ tagħlim li jipprovdu edukazzjoni ogħla u anke informali li hija riko­nox­xuta biex tieħu ħsieb l-inte­ressi tal-istudent li jkollu l-in­ten­zjoni jistudja aktar f’ċentri lokali jew permezz ta’ korsijiet li jsiru permezz tad-‘distance learning’.

Hemm bżonn qafas legali biex titwaqqaf din l-agenzija. B’hekk tkun tista’ taħdem sew. Ir-riżorsi finanzjarji huma ħtie­ġa kbira f’dan ir-rigward. Ma­dankollu wieħed għandu jifhem li r-riżultati u l-effetti ta’ aġen­zija bħal din mhux se jibdew jiġu mill-għada li titwaq­qaf. Il-kordinament bejn id-diparti­menti, il-kummissjonijiet u l-aġenzija huma imprezzabbli fl-iżvilupp ta’ din il-kultura li tagħ­­ti aktar kwalità u li wara kollox tagħti aktar riżul­tati.

L-istituzzjonijiet edukattivi jibda jkollhom jiżguraw il-kwa­lità fi ħdanhom u anke jużaw linji gwida fl-eventwalità li jkoll­­hom bżonn rikonoxximent jew reviżjoni minn barra. L-ir­wol tal-aġenzija jkun dak li jiċ­ċekkja kemm ikun għoli l-livell ta’ tagħlim mogħti meta mqab­bel mar-responsabbiltajiet tagħ­hom, billi jiddentifikaw il-prat­ti­ċi t-tajbin u jgħidu wkoll titjib.Wieħed ma jridx jinsa li pre­­­żentament għandna sitwaz­zjo­nijiet li neħtieġu nindirizzaw u għalhekk hemm bżonn jittieħ­du miżuri li għallinqas joffru ħars­ien fil-futur immedjat. Bl-as­sistenza tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiċi, id-Diparti­ment tal-Edukazzjoni u l-NCHE qed isir sforz biex jit­poġ­ġew fil-prattika dawn it-tip ta’ mekka­niżmi.

Sfortunatament, ma­dan­kol­lu, jidher ċar li teżisti nuqqas ta’ informazzjoni rigward kwa­­lifiċi miksubin fis-settur privat u xi kultant nistgħu ngħidu wkoll li jeżistu ċirkos­tanzi fejn studenti li jkunu nvestew flushom, ħinhom u l-enerġija tagħhom biex iġibu lawrija jew diploma mingħajr ma jkunu jafu li ’l quddiem din ma tkunx se tiġi rrikonoxxuta.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni tat importan­za lis-seminar, infatti kkonsid­rat is-seminar li għamilna aħna tal-GWU Youths bħala parti mill-proċess kkonsultattiv biex f’pajjiżna jirnexxilna nsibu soluzzjonijiet ġodda għal din il-kwistjoni. Il-GWU Youths se jkun qed jaħdem fuq sett ta’ proposti bil-ħsieb li nippre­żen­taw­hom quddiem il-Ministeru għal Frar li ġej.

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.