|
Il-General Workers’ Union Youths għada s-Sibt, 7 ta’ Novembru, 2009, se torganizza fil-Workers Memorial Building, il-Belt, seminar ta’ nofstanhar bit-tema “Edukazzjoni rikonoxxuta?”. Il-GWU Youths ħadet din l-inizjattiva wara li saru diversi allegazzjonijiet f’pajjiżna dwar istituzzjonijiet edukattivi privati li qegħdin joffru korsijiet universitarji mhux rikonoxxuti.
Permezz ta’ dan is-seminar, li se jipparteċipaw fih kelliema mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiċi, mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni, il-GWU Youths se tkun qiegħda tfittex risposta għal diversi mistoqsijiet li tqajmu fuq is-suġġett.
Fost dawn hemm jekk iċ-ċertifikati li qegħdin jingħataw minn istituzzjonijiet edukattivi privati f’pajjiżna huma kollha rikonuxxuti, jekk l-istat qed jassigura li ż-żgħażagħ Maltin, li b’tant sagrifiċċju jħallsu flejjes kbar biex itejbu l-prospetti futuri tagħhom, mhux qegħdin jiġu ngannati jew jekk hemmx hawn informazzjoni disponibbli għaż-żgħażagħ biex jagħmlu l-aħjar għażla.
Għal dan is-seminar huma mistiedna dawk kollha konċernati fil-qasam, mhux l-inqas l-għaqdiet taż-żgħażagħ, għaqdiet studenteski u l-istituzzjonijiet edukattivi privati.
Dawk kollha li jixtiequ jattendu ghal dan is-seminar għandhom jirriservaw post billi jibgħatu imejl lill-kordinatur, is-Sur Chrisopher Cutajar, fuq chriscut@ onvol.net jew permezz tal-mowbijl 9923 3900
|