|
Fis-17 ta’ Settembru li għadda ġie rrapportat fuq dan il-ġurnal li “l-għadd ta’ Maltin li siefru matul ix-xahar ta’ Lulju li għadda kien stmat li ammonta għal 35,313 persuna, li jfisser tnaqqis ta’ 2.4 fil-mija minn dawk li kienu siefru fl-istess xahar tas-sena l-oħra. Minn dawn kien hemm 84.9 fil-mija li għażlu li jsiefru bl-ajru.” Kien ġie rrapportat ukoll li “Jekk wieħed jieħu flimkien l-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena jsib li t-tnaqqis fl-għadd ta’ passiġġieri Maltin li siefru kien wieħed marġinali biex b’kol-lox dawn ammontaw għal 163,109. Minn fost dawn, kien hemm aktar passiġġieri rġiel – 58.5 fil-mija – milli kien hemm nisa – 41.5 fil-mija.”
Aspett ieħor li jista’ jinteressana minn din l-istatistika kien il-fatt li l-akbar għadd ta’ passiġġieri – 46.6 fil-mija – kellhom bejn 25 u 44 sena, segwiti minn dawk ta’ bejn 45 u 64 sena, b’37.4 fil-mija.
Iżda għalkemm statistika bħal din innifisha tista’ raġonevolment tnissel dubji dwar il-qawwa ta’ nfiq tal-Maltin bħala turisti, nieħu l-libertà mmur lil hemm minn kwalunkwe implikazzjoni diretta ta’ din l-istatistika u naqbeż għall-implikazzjoni indiretta tagħha.
B’implikazzjoni indiretta rrid infisser, dak li huwa moħbi iktar sottilment bejn il-linji tagħha.
In-numri huma numri. Iżda wieħed ma jridx jinsa li jekk erba’ persuni siefru darba kull wieħed dawn jirreġistraw bħala erba’ passiġġieri. Iżda jekk żewġ persuni jsiefru darbtejn kull wieħed dawn ukoll jirreġistraw daqslikieku kienu erba’ persuni. Daqstant ieħor, jekk persuna waħda siefret erba’ darbiet u tlett persuni ma kellhomx flus biex isiefru mqar darba f’sena, dak il-wieħed ukoll jgħodd daqs erbgħa.
U huwa proprju dan li nixtieq nitkellem dwaru llum. In-numri mhumiex uċuh. U l-ammont ta’ passiġġieri li għandhom flus biżżejjed biex isiefru u jmorru jirrilassaw ruħhom f’art barranija li tipprovdielna l-istatistika, jista’ jissarraf f’wisq inqas nies kieku kellna naraw l-uċuh.
Minn dawn l-eluf ta’ persuni kemm minnhom kienu l-istess nies? Huwa fatt magħruf, per eżempju, li l-Membri Parlamentari Ewropej isiefru kontinwament u jista’ jkun li MEP isiefer mat-52 darba f’sena waħdu. Allura dak fuq l-istatistika (sakemm ma jitlax b’xi ajruplan privat jew isalpa b’xi jott privat) se jirreġistra ruħu daqslikieku 52 ruħ, le? L-istess nies li jaħdmu fl-istituzzjonijiet Ewropej isiefru ħafna iktar min-normal u nies oħra li jitilgħu ma’ delegazzjonijiet tal-Gvern, nies tan-negozju u nies li jaħdmu fl-ivvjaġġar, ngħidu aħna.
Iżda apparti każijiet daqstant ovvji, hemm diversi nies li jsiefru iktar minn darba f’sena għax il-but tagħhom jippermettilhom. U hemm diversi oħrajn li jsiefru ma’ baned, ma’ grupp jew timijiet sportivi jew ma’ skejjel u li jsiefru b’mod sussidjat u li jistgħu jtellgħu n-numru ta’ passiġġieri b’mod artifiċjali u jagħtu l-impressjoni li l-Mal- tin kollha għandhom biex isiefru.
Iżda fir-realtà wisq nibża’ li ħafna minn dawn il-163,000 li siefru matul Lulju 2009 huma l-istess nies u li kieku l-istatistika kellha tgħid eżatt kemm nies differenti filfatt siefru l-ammont jonqos b’mod notevoli.
Ovvjament m’għandniex għalxiex nidħlu fil-mertu tal-fatt li llum jeżistu rati ferm baxxi biex wieħed isiefer bi ftit flus. Għal dan, għalkemm Gvern Nazzjonalista ma setax jagħmel mod ieħor, jista’ anke jingħata kredtu.
Iżda l-argument xorta jibqa’ – l-istampa li toħroġ mill-istatistika qiegħda turina b’mod ġenwin id-distribuzzjoni b’mod ekwu tal-ġid fost il-Maltin? Jew qiegħda tirrifletti pjuttost il-firda bejn il-klassijiet? Jew hawn min għandu biex isiefer darba fix-xahar u min lanqas darba f’sentejn minkejja l-‘low cost’ air²lines?
Ta’ min jgħid li d-distribuzzjoni tal-ġid m’għandhiex tkun biss fejn jidħlu bżonnijiet tal-ħajja ta’ kuljum, iżda wkoll f’’lussi’ żgħar bħal dawn. Wara kollox nemmen li kulħadd għandu dritt għal btala biex taqta’ r-rutina ta’ kuljum u tnessih it-tensjoni tal-impjieg jekk huwa/hija hekk j/tix- tieq.
L-ekonomija ma tistax tkun ibbażata biss fuq in-numri iżda wkoll fuq l-uċuh.
www.lornavassallo.com
|