|
Dan l-aħħar ġie f’idejja menu ta’ restorant Malti f’Buġibba ta’ tliet stilel. Meta ħarist lejn il-prezzijiet tal-ikel, sewwa l-irħas ‘starter’ (Garlic Bread), li dan iqum €2.80ċ, filwaqt li l-ogħla wieħed (Deep Fried Crab Claws) iqum €6.80ċ. L-irħas insalata (Maltese Salad) €6.70ċ u l-ogħla insalata (Seafood Salad) €7.60ċ. F’kull każ trid thallas 0.85ċ għad-dressing.
L-irħas għaġin (Bolognaise) hija €6.00ċ u l-ogħla platt (Seafood Pasta) €8.00ċ. Pizza Margherita tqum €5.45ċ, Pizza ai Funghi €6.90ċ u Quattro Formaggi Pizza €7.45ċ. L-irħas tiġieġ (Chicken Curry) hija €9.20ċ u l-ogħla (Chicken Supreme) hija €10.80ċ. L-irħas platt tal-baħar (Breaded Scampi) huwa €8.80c u l-ogħla (Shellfish Platter) huwa €16.80ċ. Il-ġelati – Banana Split u Knicker Bocker Glory huwa €4.55ċ. Irish Coffee huwa €4.30ċ. Flixkun ilma minerali (75cl) iqum €1.90ċ. Dawn il-prezzijiet kollha jinkludu t-taxxa tal-VAT.
L-ewwel għażilt li ma nqabbilx il-menu ma’ wieħed ta’ restorant fi bliet bħal Ruma, Pariġi u Londra. Iżda għażilt belt kbira li mhix kapitali. Ir-restorant li għażilt huwa f’Toulouse. Dan jismu ‘le Guili-Guili’, 230 av. De Grande Bretagne, Toulouse. Mhux talli l-prezzijiet jidhru irħas, talli ġew imraħħsa riċentament.
L-ewwel prezz huwa kif kien oriġinarjament u t-tieni prezz huwa dak imraħħas.
Antipasto €4 €3.50
Menu tal-ġurnata €9 €7.90
Deżerta tal-ġurnata €4 €3.50
Menu antipasto –
menu tal-ġurnata €12 €10.50
Menu tal-ġurnata –
deżerta €12 €10.50
Menu tat-tfal €12 €10,50
Kafé €1,50 €1,30
Té €2,60 €2,30
Dan ir-restorant huwa wieħed li jidher li jista’ jiġi mqabbel ma’ restorant ta’ tliet stilel f’Malta. L-istess huwa ‘Le Napoleon’ Restaurant li qiegħed Place de la Gare f’Lille, fi Franza. Dan jagħti l-prezz ta’ €24 bħala l-prezz medju tiegħu.
Xorta waħda nistgħu nqabblu dan ir-restorant ma’ oħrajn itjeb minnu jew f’inħawi aktar rinomati. Per eżempju River Café Restaurant li qiegħed fuq Thames Wharf, Rainville Road, Londra fejn dan joffri wkoll kċina Taljana. Joffri menu ta’ €44 f’nofsinhar u €66 filgħaxija mingħajr xorb, taxxi u tips. Au Lyonnais, bistro f’Pariġi (Rue Saint-Marc) joffri prezzijiet ta’ ikla sħiħa minn €35 sa €50. Filwaqt li ‘Café Sud’ li jinsab f’Rue de Castellan, Pariġi, l-ogħla starter tiegħu jibda minn €10,50 (avocado mqatta’) bl-ogħla wieħed (fwied tal-papri) ikun €19. Bħala platt prinċipali wieħed iħallas €24 għall-fwied tal-għoġol (l-irħas) bl-ogħla platt ikun ta’ €30 li huwa l-ħaruf. Id-deżerta hija kollha bejn €9 u €10.
Café Oliver f’Calle Almirante, Mardid, joffri dixx ‘main course’ għall-prezz ta’ €18 bħala prezz medju, filwaqt li ikla bi tliet platti hija tal-prezz medju ta’ €35.
Restorant Taljan f’Napoli – 8km minn Sorrento – bl-isem ta’ ‘Pietro a Metrano’ li jinsab f’Via Nicola Pacifico, joffri Pizza Margherita €4,20, Pizza Marinara €3, Pizza ai Funghi u Pizza Quattro Stagioni għal €6.
Il-lista ta’ restoranti li wieħed jista’ jsib fuq l-Internet li jagħtu mhux biss il-menu iżda wkoll il-prezzijiet, hija waħda twila. L-informazzjoni tiegħi dwar il-prezzijiet f’Malta ġibtha mill-menu tar-restorant. Il-paga li tiġi mogħtija lil min iservi l-ikel hija ta’ €3.50ċ kull siegħa u minn dan l-ammont trid tinqata’ t-taxxa. Ħafna mill-ħaddiema tkeċċew malli bdiet ix-xitwa. Il-paga minima skont il-Federazzjoni Ewropea ta’ min iħaddem (Fedee) fi Franza hija ta’ €1,337, dik fi Spanja hija €624 u l-Ingilterra hija €1,110. F’Malta hija €634. Żgur li mhumiex il-ħaddiema li qegħdin jgħollu l-prezzijiet Maltin. Mela min? Min iħaddem? Il-Gvern? Il-prezzijiet tal-ħxejjex jew tal-laħam?
Għalhekk meta tisimgħu lill-barranin jgħidu li Malta hija għolja aħjar temmnuhom. Għax verament ikollhom raġun meta jgħidu ‘bormot il-ġar tqum aktar minn tad-dar’.
www.lornavassallo.com
|