|
|
| Sigurtà fit-toroq |
|
Ġimagħtejn ilu tkellimt dwar il-ħinijiet ta’ mistrieħ li huma meħtieġa mix-xufieri, skont regolament tal-Unjoni Ewropea. Fost affarijiet oħrajn, bażikament, xufieri ma jistgħux isuqu għal ħin itwal minn disa’ sigħat kuljum u huma obbligati li jieħdu pawsa ta’ 45 minuta jekk idumu jsuqu jew jagħmlu attivitajiet konnessi mas-sewqan għal aktar minn erba’ sigħat u nofs infila.
Regoli Ewropej
Huwa veru li dan ir-regolament dan l-aħħar ġie attakkat għax issemma li jrid ikun inqas strett fi żmien ir-riċessjoni, iżda ta’ min jgħid li fil-pajjiżi Ewropej kull xufier iżomm miegħu apparat li jirrekordja kemm-il siegħa jaħdem.
Fil-fatt, ix-xufieri kollha fl-UE huma obbligati wkoll iġorru magħhom ir-rekords ta’ kemm-il siegħa saqu għal 28 ġurnata u huwa proprju dan li jiġi rikjest minnhom f’każ ta’ ‘road-checks’ li jsiru apposta. Ir-regoli huma tant stretti li x-xufieri mhumiex eżentati mill-obbligu tagħhom li jżommu r-rekords jekk il-‘card’ diġitali tagħhom tintilef jew jiġrilha l-ħsara u f’każi bħal dawn għandhom jniżżlu notamenti fi ktejjeb apposta.
"Wild West"?
Il-mistoqsija fundamentali li staqsejt fl-artiklu ta’ ġimagħtejn ilu kienet jekk ix-xufieri tal-karozzi tal-linja u tax-xarabaks tagħna humiex qegħdin jieħdu biżżejjed mistrieħ. Dan il-mistrieħ huma intitolati għalih biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema.
|
Iżda aktar minn hekk hija l-istess soċjetà li teħtieġ li x-xufieri ta’ vetturi kbar ikunu ħadu l-mistrieħ tagħhom meta jkunu fuq it-toroq fuq xogħol.
Qabel ma ktibt dawn l-artikli ma staqsejt l-ebda xufier jekk iżommx rekord ta’ kemm-il siegħa jaħdem u jekk jiħux pawsi li jissodisfaw dawn il-kriterji Ewropej. Iżda jidhirli li qatt ma rajthom iħażżu s-sigħat f’xi ktejjeb jew rajtilhom xi apparat jew ‘cards’ apposta.
Nemmen li f’dan il-każ pjuttost qisna l-“Wild West” tal-UE fejn kollox għadu miexi bis-sistema ta’ fejn ħabat ħabat u fejn laqat laqat. U t-tort ma nagħtihx lix-xufieri. Nagħtih aktar lill-awtoritajiet u lis-sistema.
Xoghol dicenti
U għalhekk min-naħa l-oħra wieħed jistaqsi dwar faċilitajiet oħrajn li għandhom ix-xufieri Maltin. Fil-każ ta’ xufieri ma’ kumpaniji privati jiddependi ħafna mill-kumpanija partikolari li jaħdmu magħha.
Fil-każ tax-xufieri tal-karozzi tal-linja kulħadd jista’ jara x’faċilitajiet għandhom fil-venda prinċipali tal-Belt Valletta.
U hawnhekk nistaqsi jekk fil-vened ta’ Buġibba, Birkirkara jew il-Belt teżistix kamra fejn ix-xufieri jistgħu jirrilassaw fil-privat, jaħslu wiċċhom u idejhom, ibiddlu u jistrieħu lil hemm mill-pubbliku?
Nistaqsi jekk għandhomx post fejn ipoġġu ‘lockers’ fejn jistgħu jhallu affarijiet privati tagħhom u jkollhom il-faċilità ta’ telefon minn fejn jistgħu jikkomunikaw mal-familji tagħhom?
Aktar minn hekk, f’pajjiż sħun bħalmu tagħna, għandu saħansitra jkollhom il-possibbiltà li jieħdu doxxa ħalli jiffriskaw ruħhom, l-aktar fl-istaġun tas-sajf.
Jista’ jkun li dawn il-faċilitajiet huma tant remoti u mhumiex immaġinabbli fix-xenarju Malti tant li xi wħud minna jibdew jidħku meta jisimgħu bihom. Iżda l-verità hi li dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu ħaġa naturali għax-xufieri lokali.
Nittama li dawn l-artikli ġibdu l-attenzjoni għal aspetti oħrajn tat-trasport pubbliku li ftit nitkellmu dwarhom. Kulħadd jaf li f’dan il-qasam il-kwistjoni f’pajjiżna hija kobbla mħabbla wisq.
Ħaġa waħda hija pożittiva għall-inqas f’dan kollu – li kull meta ktibt artikli dwar titjib fi ħdan l-Awtorità Dwar it-Trasport (ADT) dejjem rajt xi titjib iseħħ. Żgur li ma kinux biss l-artikli tiegħi li ġabu dan it-titjib, iżda nemmen li l-Awtorità Dwar it-Trasport mhix awtorità li tinjora l-kritika, iżda pjuttost waħda li dejjem tat kasha.
www.lornavassallo.info
|
|
Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
|
|
|
|
|