|
Waqt il-Kungress tal-GWU iktar kmieni l-ġimgħa l-oħra, tkellimt dwar dak li naħseb għandu jkun wieħed mill-għanijiet tal-unjin għaż-żmien liġej, dak li jiġu mħarsin aktar id-drittijiet tal-istudenti ħaddiema li s’issa ftit li xejn jingħad dwarhom.
Il-GWU trid twassal messaġġ u tkun minn wara l-Kungress tkun determinata li terġa’ tqajjem dak l-ispirtu u l-anima li dejjem ikkaratterizzaw il-GWU. Dan għaliex it-tiġdid huwa importanti daqs kemm wieħed ibiddel ħwejġu kull filgħodu għax-xogħol. Qegħdin ngħixu f’dinja li qiegħda tinbidel minn xahar għal xahar u ma nistgħux inkunu aħna li nwaqqfu dan il-kambjament.
Li wieħed jaġġorna, jinbidel, jaġġusta mhuwiex dgħufija, anzi l-oppost, turija ta’ saħħa li l-union kapaċi timxi maż-żminijiet.
Anke dwar dan il-punt, waqt il-Kungress il-GWU Youths ressqet mozzjoni li tagħti lok għal tiġdid sħiħ biex il-unjin tagħti aktar spazju lil żgħażagħ studenti u apprentisti biex jissieħbu ma’ din il-familja.
Numru kbir ta’ żgħażagħ studenti llum il-ġurnata huma wkoll ħaddiema – ħafna drabi każwali. Jaħdmu matul ix-xhur tas-sajf, fil-weekends jew par-tajm filgħaxijiet, ftit huma dawk l-istudenti li ma missewx mad-dinja lavorattiva. Statistikament hija faxxa ta’ ħaddiema l-inqas organizzata f’unjin, koinċidentalment hija l-istess faxxa li l-iktar tinsab vulnerabbli sia minħabba n-natura tax-xogħol u anke ċertu nuqqas ta’ esperjenza li tinkiseb maż-żmien.
Għandna sitwazzjonijiet fejn ħaddiema żgħażagħ ma jingħatawx drittijiet li huma garantiti bil-liġi tax-xogħol; drittijiet pro-rata huma ineżistenti ħafna drabi. Pagi miżeri nsibu wkoll, mhux lanqas it-theddid versu dawk li jithajru jissieħbu f’unjin.
Ta’ min jenfasizza l-idea li employer fl-interess tiegħu jkollu unjin responsabbli fuq il-post tax-xogħol. Il-biża’ li unjin ixxekkel il-progress u toħloq kwistjonijiet bla bżonn hija mentalità tal-passat. Fid-diskors tiegħi tkellimt ukoll dwar il-kuntratti definiti ta’ ftit xhur: xahar, tliet xhur, sitt xhur. Mil-lat oġġettiv, ma rridux nitilqu mill-punt li f’soċjetà bħal-lum dawn it-tip ta’ kuntratti mhumiex f’lokhom. Jekk nieħdu l-qasam tat-turiżmu, ħafna drabi jkun jeħtieġ compliment ta’ iktar ħaddiema fit-tliet xhur tas-sajf milli fix-xitwa. Żgħażagħ studenti li jkunu qegħdin jistudjaw, isibuha konvenjenti wkoll jaħdmu tliet xhur biss. F’oqsma oħrajn din it-tendenza jista’ jkun qiegħda tieħu post xogħol li qabel kien jingħata b’overtajm. Veru. Però b’hekk ikunu qegħdin jitħaddmu anqas nies fis-soċjetà, filwaqt li l-flessibbiltà hija importanti wkoll.
Il-problema tiġi meta dan ix-xogħol kuntrattwali għal ftit xhur isir rutina. Jekk azjenda toffri kuntratti definiti u qosra anke fejn mhemmx bżonn, tkun qiegħda tinħoloq kriċi soċjali għax ħadd ma jibqagħlu serħan u wisq anqas lok biex wieħed jippjana fit-tul u jgħajjex familja.
Fuq dawn it-temi u aktar il-GWU Youths se tkun qiegħda torganizza diskussjonijiet fiż-żmien li ġej. Il-GWU Youths se tkun qiegħda tidħol aktar f’temi li jolqtu liż-żgħażagħ bħal dawk li semmejt aktar qabel, u dan se jkun aktar possibbli għall-fatt li d-delegati approvaw mozzjoni li tħeġġeġ lit-taqsimiet tal-GWU jinnominaw persuna f’kull taqsima li tħares l-interessi taż-żgħażagħ u tkun f’liaison mal-GWU Youths li min-naħa tagħha tkun tista’ tasal aħjar fil-varji oqsma tax-xogħol.
Biex nilħqu dawn l-għanijiet, u kif aċċennajt anke matul l-istess Kungress, il-GWU trid tħares ’l barra mill-kwadru li mdorrija fih. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr ma nieħdu in konjizzjoni ta’ xinhu jiġri fl-Ewropa u f’pajjiżna. Jeħtieġ li jiġu attirati aktar membri ta’ età iżgħar li jkunu l-garanzija tal-futur.
Il-GWU trid tfassal strateġija flessibbli li tkun taġġusta skont il-bżonnijiet u li tagħti s-suċċess. Jeħtieġ li lkoll kemm aħna naħdmu aktar b’moħħna u mhux b’qalbna. Għx bħal dik il-parachute li taħdem biss jekk tinfetaħ, hekk ukoll il-ħsieb tagħna.
|