www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Neqirdu l-faqar… Nagħtu d-dinjità
minn Sammy Sammut

Il-faqar jisraq lill-foqra mid-dinjità umana tagħhom. Għalhekk kien bix-xieraq li t-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għall-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar — li jitfakkar fis-17 ta’ Ottubru — tenfasizza ħafna fuq il-ħarsien tad-drittijiet umani u d-dinjità ta’ dawk li qegħdin jgħixu fil-faqar. Għax minkejja li għaddew 60 sena mid-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet Umani, li tafferma li kulħadd għandu d-dritt għal livell adekwat ta’ għixien u saħħa għalih u għal familtu, mijiet ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja għadhom imċaħħdin mid-drittijiet umani l-aktar bażiċi. Fost oħrajn, dawn huma neqsin mill-ikel, minn djar li joffru kenn, mill-edukazzjoni u minn kundizzjonijiet diċenti ta’ xogħol, kif ukoll huma diskriminati u soċjalment esklużi.

Huwa għalhekk importanti li fl-isforzi tagħna biex neqirdu l-faqar irridu nagħtu attenzjoni partikolari għar-rispett tad-drittijiet umani u d-dinjità ta’ kulħadd. Ħidmitna trid tmur aktar lil hinn mill-ħtiġijiet materjali bażiċi billi nindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza. Dan ifisser li għandna nassiguraw li dawk kollha foqra jkollhom aċċess għar-riżorsi li huma għandhom bżonn biex joħorġu mill-faqar. Ifisser ukoll li rridu nagħtu lil dawk foqra l-ħiliet meħtieġa biex dawn jipparteċipaw b’mod effettiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet u dak kollu li jaffettwa ħajjithom b’mod dirett.

L-inċertezzi ekonomiċi preżenti jagħmlu din il-ħidma ferm aktar diffiċli, iżda wkoll aktar importanti. L-għoli fil-prezzijiet tal-ikel u l-fjuwil, flimkien mal-kriżi finanzjarja globali, qegħdin jheddu l-progress li sar biex jitnaqqas il-ġuħ u l-faqar f’ħafna nħawi tad-dinja. Hu stmat li 100 miljun persuna oħra jinsabu f’riskju li jaqgħu fil-faqar. Għalhekk wieħed b’sodisfazzjon jinnota li diversi Gvernijiet ikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, waqt li ħafna wegħdu wkoll riżorsi oħrajn.

Iżda importanti li mir-retorika ngħaddu għall-fatti għax dawn l-impenji mhumiex xi forma ta’ karità, iżda obbligu li nassiguraw lil kulħadd mid-drittijiet umani tagħhom. Jekk nfallu mill-wiegħda tagħna li nilħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, allura nkunu qegħdin noħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għal miżerja umana akbar u nsigurtà globali. Il-faqar ma jistax jinqered mingħajr rispett adegwat għad-drittijiet umani.

Għalhekk f’dan il-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar għandna niggarantixxu tassew id-dinjità u drittijiet indaqs lill-membri kollha tal-familja umana, waqt li nħabirku għal dinja ħielsa mill-faqar u l-inġustizzji.



“Ċeda l-Imbatt”

Fil-bidu tas-seklu 21, il-problema tal-faqar spikkat ferm bħala waħda mill-akbar sfidi soċjo-ekonomiċi diffiċli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Fil-preżent, aktar minn 20 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija jgħixu f’faqar estrem bi dħul li jammonta għal inqas minn dollaru kuljum. Statistika aggregata tat-tkabbir ekonomiku ħafna drabi jaħbi l-fatt li għadu jikber l-għadd ta’ persuni li qegħdin jgħixu f’faqar assolut. Li tgħix b’inqas minn żewġ dollari kuljum hija realtà għal kważi nofs il-popolazzjoni tad-dinja.

Dawn in-nies ġew esklużi minn ħafna mill-benefiċċji tal-iżvilupp ekonomiku u l-avvanzi fis-saħħa umana li seħħew matul is-seklu li għadda. U waqt li bħal donnu dan ma kienx biżżejjed, dawn kienu l-agħar li ntlaqtu b’riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, bir-riżultat li t-tbatija u l-miżerja li jinsabu fiha qiegħda tkompli tnaqqar mid-dinjità umana tagħhom.

F’dinja globalizzata, il-problema tal-faqar ma tistax tkun sempliċiment trattata bħala problema nazzjonali. Dan huwa l-każ fir-Reġjun tal-Mediterran, fejn id-differenzi ekonomiċi, politiċi u kulturali dejjem jikbru bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran — it-Tramuntana u n-Nofsinhar — huma rikonoxxuti minkejja li d-differenza bejn dak li jingħad u dak li jsir mhix qiegħda tiċkien. Il-verità hija li l-faqar huwa sfida kritika għal ħafna mill-pajjiżi fir-Reġjun tal-Mediterran, fosthom għax huwa l-għerq ta’ ħafna mill-problemi soċjali li qegħdin jolqtu ferm ħażin lil ħafna nies fl-istrati kollha tal-ħajja.

F’dan ix-xenarju kollu, għalkemm ikunu ħafna dawk li jitqanqlu jew taqbadhom die­qa kbira meta fuq it-televisjoni jaraw xi xena ta’ nies li qegħdin ibatu kawża tal-faqar u l-miżerja li jgħixu fiha, ftit ħafna huma dawk li jintebħu li permezz tal-azzjonijiet u tad-deċiżjonijiet li nieħdu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna nistgħu ntejbu l-qagħda tal-faqar fid-dinja. Dan huwa l-għan tal-Ġimgħa Kontra l-Faqar organizzata minn SKOP, il-pjattaforma tal-NGOs lokali li jiffokaw il-ħidma tagħhom fuq l-iżvilupp u l-faqar.

U biex tqanqal kuxjenza dwar il-qagħda mwiegħra li jinsabu fiha persuni foqra fir-reġjun tal-Mediterran, SKOP ħasbet biex, b’kollaborazzjoni sħiħa mal-kumpanija teatrali theatrencore, tidħol għal proġett ambizzjuż li se jieħu l-forma ta’ forum teatrali li se jitratta t-tbatijiet li jgħaddu minnhom is-sajjieda ż-żgħar fil-pajjiżi tal-Mediterran.

Id-dramm “Ċeda l-Imbatt”, li se jkun ippreżentat bl-ilsien Malti hija l-ħames produzzjoni ta’ theatrencore wara li f’April li għadda kisbu suċċess kbir bid-dramm oriġinali ‘Michel’. B’ideat ta’ Elaine Falzon u direzzjoni ta’ Tyrone Grima, din il-plej oriġinali tesplora r-rabta li hemm bejn il-baħar Mediterran u l-faqar. Permezz tal-karattri li sejra tiltaqa’ magħhom, l-udjenza se tkun mistiedna tiskopri s-sigrieti li dan il-baħar fil-verità qiegħed jostor, u x’nistgħu nagħmlu aħna lkoll biex bis-sehem tagħna niġġieldu kontra l-faqar u l-miżerja.

Imma, liema karattru f’dan id-dramm qiegħed tassew jirrappreżenta l-verità? Tgħid hija l-mara Palestinjana (Nadine Genovese) li m’għandhiex ħajta f’ilsienha u ma toqgħodx iddur wisq mal-lewża? Jew huwa l-maniġer tar-ristorant (Marco Calleja) li jagħmel minn kollox biex in-negozju tiegħu jibqa’ għaddej? Tgħid huwa s-sajjied (Mark Schembri) li jaf sew kemm jaf ikun kiefer il-baħar? Jew, forsi, huma Sonja (Elaine Falzon) u Pierre (Keith Borg) li spiss jilletikaw u jiġġieldu għax jafu sew is-sigrieti li hemm moħbijin taħt it-tapit? Jew jewwilla huma l-ħlejjaq tal-baħar (Sarah Camilleri u Kurt Castillo) li forsi qegħdin jaraw l-affarijiet minn perspettiva differenti mill-oħrajn?

It-tfittxija għall-verità tista’ tidher diffiċli u kumplessa, iżda permezz tan-narrattiva, taż-żfin u l-mużika, id-dramm “Ċeda l-Imbatt” se jurina li kull wieħed u waħda minna jista’ tassew jagħmel differenza.

Il-produzzjoni ta’ theatrencore - “Ċeda l-Imbatt” – se tittella’ nhar is-Sibt, 17 ta’ Ottubru, fit-8.00 p.m., fit-teatru tal-MITP, Triq San Kristofru, il-Belt Valletta. Id-dħul se jkun mingħajr l-ebda ħlas u mabagħad, wara r-rappreżentazzjoni, l-udjenza preżenti se tkun mistiedna tieħu sehem f’diskussjoni dwar il-faqar, l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u r-Reġjun tal-Mediterran.



In-nisa, il-ġuħ u l-faqar

Aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja huma nisa, iżda d-dħul finanzjarju tagħhom jammonta għal wieħed minn kull għaxra tad-dħul totali. Żewġ terzi mis-sigħat tax-xogħol jinħadmu min-nisa li, iżda, dawn huma sidien ta’ wieħed fil-mija biss tal-proprjetà kollha.

Sebgħin fil-mija ta’ dawk foqra fid-dinja huma nisa li, però, għandhom aċċess limitat ħafna għas-suq tax-xogħol. Dawn huma fatti li jkomplu jsostnu l-ħtieġa li jkun mtejjeb l-istatus tan-nisa għax dan huwa essenzjali jekk tassew irridu nilħqu d-dimensjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-iżvilupp.

F’ħafna mill-pajjiżi fid-dinja, in-nisa ma jistgħux jipparteċipaw f’livell ugwali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jeffettwaw ħajjithom u saħħithom. Minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xorta tas-sess tagħhom, in-nisa huma mċaħħdin mill-aċċess għal servizzi tas-saħħa, opportunitajiet edukattivi, drittijiet legali u opportunitajiet oħrajn li l-irġiel igawdu. Barriera oħra hija l-inugwaljanza fost in-nisa f’reġjuni ġeografiċi, klassijiet soċjali u gruppi ettniċi differenti.

Konxja sew minn dawn il-fatti u bil-għan li tqanqal kuxjenza dwar id-diskriminazzjoni doppja li ħafna nisa qegħdin ibatu f’ħafna nħawi tad-dinja, speċjalment dawk mifluġin bil-faqar, il-koalizzjoni nazzjonali STOPoverty! Neqirdu l-Faqar! ħasbet biex ittella’ wirja fotografika bit-tema “Hunger Free Women Speak Out”.

Din il-wirja, li qiegħda ssir bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, ActionAid (UK), SKOP u KOPIN, tagħmel parti mill-attivitajiet li se jkunu organizzati biex ifakkru l-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar.

Il-wirja se tkun inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr Tonio Borg, nhar il-Ħamis, 15 ta’ Ottubru, fl-4.00 p.m. fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Palazzo Parisio, Triq il-Merkanti, il-Belt. Din se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sal-Ħamis, 22 ta’ Ottubru, mid-9.00 a.m. sal-4.00 p.m. Id-dħul se jkun mingħajr ħlas.

Inizjattiva oħra li għandha tkun waħda mill-aktar interessanti se jkun ‘workshop’ dwar l-użu tal-arti f’kampanji diversi. Il-‘workshop’, bit-tema ‘Art Campaigning Management’ se jkun ikkordinat mill-Koperattiva Kummerċ Ġust – I SHOP Fair u għandu jsir nhar it-Tnejn, 19 ta’ Ottubru, mis-6.00 sat-8.00 p.m. L-attendenza se tkun mingħajr ħlas iżda peress li n-numru ta’ parteċipanti se jkun wieħed limitat, dawk kollha interessati huma mħeġġin jiktbu lil Mahira Sheikh permezz ta’ imejl fuq: mahira0129@gmail.com.



Qum bil-wieqfa u ħu AZZJONI

L-osservanza tal-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar tmur lura għas-17 ta’ Ottubru, 1987. Dakinhar, aktar minn mitt elf ruħ inġabru f’Trocadèro, Pariġi, fejn id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani kienet iffirmata fl-1948, biex jonoraw lill-vittmi tal-faqar estrem, tal-vjolenza u l-ġuħ. Iddikjaraw ukoll li l-faqar huwa vjolazzjoni tad-drittijiet umani u affermaw il-ħtieġa li jingħaqdu flimkien biex jassiguraw li dawn id-drittijiet ikunu mħarsin. Dan l-impenn kien imġedded b’ċerimonja annwali li baqgħet issir fl-is­tess data.

Il-jum tas-17 ta’ Ottubru, kien dikjarat bħala l-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar permezz ta’ riżoluzzjoni approvata fit-22 ta’ Diċembru, 1992, mill-Ġnus Magħquda li stiednet lill-istati kollha biex, f’kuntest nazzjonali adattat, iħarsu dan il-Jum permezz ta’ attivitajiet konkreti għall-qerda tal-faqar u l-miżerja. Fl-istess waqt, dan il-Jum joffri opportunità biex jingħata widen għat-tħassib li għandhom dawk li qegħdin jgħixu fil-faqar u jkunu wkoll rikonoxxuti l-isforzi li dawn qegħdin jagħmlu biex joħorġu mill-qagħda miżera li jinsabu fiha.

Is-17 ta’ Ottubru, hija wkoll waħda mid-dati l-aktar importanti fil-kalendarju tal-koalizzjoni nazzjonali ‘STOPoverty! Neqirdu l-Faqar!, li tifforma parti mis-Sejħa Globali għal Azzjoni kontra l-Faqar (GCAP), fil-ħidma sfiqa tagħha, mifruxa tul is-sena kollha, biex tqanqal kuxjenza akbar dwar il-qagħda li jinsabu fiha l-pajjiżi li qed jiżvluppaw u l-popli tagħhom, speċjalment f’dan iż-żmien ta’ kriżi finanzjarja.

Permezz tal-attivitajiet li torganizza biex tfakkar dan il-Jum, il-koalizzjoni nazzjonali STOPoverty! Neqirdu l-Faqar! tfakkar u tagħmel ukoll pressjoni biex jinżammu l-wegħdi u l-impenji skont il-miri stabbiliti mid-Dikjarazzjoni tal-Millennju billi jintlaħqu t-tmien Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, li wieħed minnhom hu li l-faqar estrem jonqos bin-nofs sas-sena 2015.

‘Qum bil-Wieqfa u Ħu Azzjoni’ kontra l-faqar hija waħda mill-attivitajiet annwali li jkunu organizzati. Minn meta bdiet tittieħed din l-azzjoni simbolika, ġew mobilizzati aktar minn 16,000 persuna f’Malta u Għawdex li mbagħad ġew magħduda mal-għadd globali ta’ dawk li ħadu sehem f’din il-kampanja li ssir f’kull rokna tad-dinja. Is-sena li għaddiet kien hemm 116-il miljun persuna f’aktar minn 131 pajjiż – li jammontaw għal 2% tal-popolazzjoni dinjija – li kissru r-rekord dinji għall-għadd ta’ nies li qamu bilwieqfa fl-istess ħin u ħadu azzjoni kontra l-faqar.

Din is-sena wkoll, l-attività ‘Qum bil-Wieqfa u Ħu Azzjoni’ se tkun organizzata f’Malta u Għawdex bejn is-16 u t-18 ta’ Ottubru. L-iskejjel, aġenziji governattivi, azjendi mis-settur privat u dawk kollha ta’ rieda tajba huma mħeġġin biex iqumu bil-wieqfa għal minuta b’turija ta’ solidarjetà lejn dawk li qegħdin isofru l-faqar jew li huma oppressi u li ma jistgħux isemmgħu leħinhom, waqt li simbolikament jħeġġu lill-gvernijiet tal-pajjiżi żviluppati biex iżommu l-wegħdiet li għamlu.

Dawk kollha li jieħdu parti f’din il-kampanja huma mitlubin biex jibgħatu permezz ta’ imejl l-għadd ta’ persuni li jkunu ħadu sehem fl-inizjattiva, flimkien mal-isem tal-organizzazzjoni, grupp, preferibbilment flimkien ma’ ritratt jew vidjo, fl-indirizz: standupmalta@gmail.com. Il-korrispondenza kollha mbagħad sejra tintbagħat lill-moviment internazzjonali – www.standagainstpoverty.org – u tingħaqad ma’ dik miġbura minn madwar id-dinja kollha.

Din l-attività qiegħda tkun ikkordinata mal-proġett Schools2Communities li qiegħed isir mill-għaqda mhux governattiva Maltija KOPIN flimkien ma’ għaqdiet non governattivi oħrajn fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Awstrija.



ssammut@unionprint.com.mt


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.