|
Wieħed mis-suġġetti favoriti li nħobb nitkellem dwaru jien hu dak tat-trasport. Dan għax huwa pjaga nazzjonali. U nemmen li dwar pjagi kbar għandi nikteb u nerġa’ nikteb ħalli forsi xi darba jirtabu xi ftit minn x’imkien.
Iżda l-angolu li xtaqt nikteb dwaru llum huwa pjuttost differenti.
Huma proprju x-xufiera nfushom. U hawnhekk kulħadd jaqbel li l-immaġni tax-xufier Malti li għandhom il-Maltin mhix l-immaġni mhix dik li għandha tkun. Fi kliem ieħor, qajla nistgħu nsejħu lix-xufier ‘chauffeur’ la għax jilbes l-ingwanti bojod u lanqas għax isellem lin-nies billi jgħawweġ dahru meta jinżlu mill-karozza.
Iżda meta wieħed jevalwa sitwazzjoni jew kriżi, irid bilfors jiżen iż-żewġ naħat tal-istorja. Ix-xufiera Maltin huma wkoll dawk li ġew ittraduti mis-sistema politika Maltija. Ħallsu flejjes li spiċċaw ma ħadu xejn tagħhom, tilfu sussidji minkejja wegħdi elettorali u meta pprotestaw ġew interpretati mill-Ministru konċernat daqs li kieku kienu qegħdin jiksru l-ordni pubblika fil-pajjiż. Żgur li kienu l-iktar settur tas-soċjetà li pprotesta b’qawwa kontra l-Gvern preżenti u jien waħda minn dawk li nemmen li għamlu sew.
Iżda hemm xi ħaġa għaddejja li qatt ma smajt lil min jitkellem jew jilmenta dwarha. Ironikament lanqas lix-xufiera nfushom.
Mid-dlam sad-dlam
Tkellimt ma’ għadd ta’ xufiera fis-snin li għaddew għax ħdimt magħhom. Għadd minnhom jgħidulek: “jien taf fi xħin qomt dal-għodu hux? U taf fi xħin ħa norqod hux?” Meta jibdew jispjegawlek jgħidulek li ġieli jkunu qamu fis-siegħa ta’ filgħodu biex jagħmlu l-ewwel vjaġġ mill-mitjar ta’ Ħal Luqa u l-aħħar vjaġġ tagħhom ikun se jkun f’nofs il-lejl. Qiegħed nitkellem fuq xufiera tal-‘coaches’ fis-sajf. Is-sitwazzjoni tista’ tkun ftit differenti għal xufiera tal-karozzi tal-linja kif ukoll fix-xhur tax-xitwa.
Regolament tas-sigħat tax-xufiera tal-UE
Ta’ min jgħid li din il-ġimgħa ħarist ħarsa lejn id-Regolament tas-Sigħat tax-Xufiera tal-Unjoni Ewropea (EC561/2006) kif reveduta fil-11 ta’ April, 2007. F’dan ir-regolament il-ħin ta’ sewqan ma jista’ qatt ikun ta’ aktar minn disa’ sigħat kuljum, 56 siegħa f’ġimgħa jew 90 siegħa fi ħmistax.
Minkejja dan, il-ħin ta’ sewqan f’ġurnata waħda jista’ jiġi estiż sa għaxar sigħat għal darbtejn f’ġimgħa u ta’ min jgħid li l-‘ħin ta’ sewqan’ flimkien ma’ ‘xogħol ieħor’ konness ma jistax jeċċedi s-60 siegħa.
Ħin ta’ pawsa stabbilit
Iżda forsi aktar mill-ħin ta’ sewqan minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna bħala Maltin jinteressana iktar il-ħin ta’ pawsa (‘break’) li suppost huma ntitolati għalihom ix-xufiera kif ukoll il-ħinijiet ta’ mistrieħ li suppost jagħmlu.
Ir-regolament jistipula li kull erba’ sigħat u nofs xufier għandu jagħmel pawsa ta’ tliet kwarti u jekk tittieħed iktar minn pawsa waħda, l-ewwel waħda għandha tkun ta’ mhux inqas minn 15-il minuta u t-tieni waħda ta’ mill-inqas 30 minuta. Ma jistgħux jittieħdu tliet pawsi ta’ 15-il minuta l-wieħed.
Perjodu ta’ mistrieħ
Ir-regolament jistipula wkoll li kull perjodu ta’ 24 siegħa xufier irid jistrieħ għal mini- mu ta’ 11-il siegħa. Dan il-perjodu ta’ mistrieħ jista’ jitqassar għal disa’ sigħat għal mhux aktar minn darbtejn f’ġimgħatejn.
Fir-rigward ta’ ħin ta’ mistrieħ dan il-perjodu jista’ jinqasam f’żewġ biċċiet, izda jekk jiġri hekk ix-xufier ikun intitolat għal siegħa iktar – dan għaliex l-ewwel perjodu ta’ mistrieħ m’għandux ikun ta’ inqas minn tliet sigħat, u t-tieni ta’ mhux aktar minn inqas minn disa’ sigħat.
U hawnhekk, qabel ma nagħlaq il-kolonna tiegħi tal-lum, nixtieq nistaqsi lil dawk kollha konċernati, jekk dan ir-regolament japplikax għal pajjiżna? Nixtieq nistaqsi wkoll jekk f’pajjiżna hawnx biżżejjed xufiera kieku dan ir-regolament jigi applikat kif suppost? Jew jekk hawnx biżżejjed ‘coaches’ u karozzi tal-linja biex jiġi applikat? U barra minn hekk, nixtieq nistaqsi lil kull sewwieq ta’ vettura żgħira, jew lil kull min jimxi fit-triq, jekk jemminx li verament ix-xufiera tagħna qegħdin ikunu mistrieħa biżżejjed meta jsuqu l-vettura tagħhom?
Napprezza ħafna kummenti mingħand il-qarrejja sal-artiklu tal-ġimgħa d-dieħla fejn se nagħti aktar dettal dwar dan ir-regolament.
www.lornavassallo.info
|