|
Kull kultura fid-dinja ddiskutiet l-etika jew il-prinċipju tar-rispett. Id-definizzjoni li tista’ tagħti lil din il-kwalità astratta hija ta’ stima, apprezzament ta’ persuna jew kwalità ta’xi ħadd. Li turi rispett lejn l-oħrajn f’ħafna filosofiji li joħorġu minn diversi kulturi huma msejħin ukoll bħala l-‘etika ta’ reċiproċità’.
Fil-filosofija Griega antika Thales, filosfu li ġie qabel Sokrate u li għex bejn is-seba’ seklu u s-sitt seklu Qabel Kristu, saħaq fuq dan il-prinċipju permezz tal-frażi bil-kliem “warrab milli tagħmel dak li tikkundanna lil ħaddieħor li jagħmel”.
Sextus, dixxiplu ta’ Phytagoras jgħid “dak li tixtieq lill-ġirien tiegħek jagħmlu lilek, kun int lilhom”.
Anke fil-Buddiżmu nsibu l-istess filosofija fil-kliem “poġġi lilek innifsek fil-post ta’ ħaddieħor, ħadd m’għandu joqtol jew iġiegħel lil ħaddieħor joqtol”.
Ovvjament, fil-filosofija Kristjana, li magħha aħna l-aktar familjari nsibu diversi siltiet mill-Bibbja speċjalment is-siltà Luqa 10:25-28 “…ħobb lil għajrek bħalek innifsek” li warajha Kristu jirrakkonta l-parabbola tar-Ragħaj it-Tajjeb.
Aktar ma bniedem jimmatura aktar jagħmel l-evalwazzjonijiet tiegħu.
U aktar kemm għadda żmien, aktar irrealizzajt personalment li l-aktar virtù, prinċipju, kwalità importanti fil-ħajja huwa r-rispett.
U dan, għalija, jissupera wkoll l-imħabba u saħansitra, f’waqtiet, il-kuntentizza. Raġel, per eżempju, jista’ jħobb il-mara iżda jwettaq vjolenza fuqha bħalma omm tista’ tħobb lil binha iżda ssawtu għax taħseb li hekk hu l-aħjar.
Bl-istess mod bniedem jista’ jkun kuntent għax għandu l-flus u għandu kollox sejjer tajjeb f’ħajtu iżda jekk m’għandux rispett minn dawk ta’ madwaru, xorta għandu xi ħaġa nieqsa.
Min-naħa l-oħra persuna li mhix kuntenta minħabba mard jew sitwazzjoni finanzjarja, ir-rispett ta’ madwarha jista’ jtaffilha l-problemi tagħha.
U r-rispett huwa ħafna drabi reċiproku u wieħed irid jaħdem għalih fir-relazzjonijiet kollha li għandu mal-oħrajn.
U huwa proprju għalhekk li nemmen li Gvern Nazzjonalista qiegħed jaqbeż kull limitu.
Għalija personalment qie-għed jikser l-akbar prinċipju li jeżisti – ir-rispett.
Ir-rispett lejn mhux biss il-votanti tiegħu u setturi sħaħ minnhom, bħall-każ tal-kaċċaturi, iżda wkoll lejn il-liġijiet kollha tal-pajjiż u issa, il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
Ma rridx ninftiehem ħażin. Nemmen li l-inqas li ġew irrispettati minn Gvern Nazzjonalista kienu l-kaċċaturi fil-kwistjoni tal-kaċċa.
Iżda nemmen ukoll li anke l-Unjoni Ewropea, kif intqal fis-sentenza ta’ din il-ġimgħa fejn għandha x’taqsam il-kaċċa, ma ġietx rispettata.
L-intenzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista kienet waħda. Li jikseb il-vot tal-kaċċaturi għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2008.
Malli tgħaddi dik l-elezzjoni la jirrispetta l-wegħda tal-kaċċaturi u lanqas ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea.
U b’hekk ir-rispett fil-vokabularju ta’ Gvern Nazzjonalista spiċċa għal kollox. Miegħu nqerdu virtujiet oħrajn bħall-irġulija u kredibbiltà. Illum kulħadd jaf li Gvern Nazzjonalista lest li juża saħansitra mezzi bħal kawżi fl-Unjoni Ewropea biex jirbaħ elezzjoni jew ma jieħux it-tort fi kwistjonijiet bħal tal-kaċċa.
Jagħmel kawżi bi spejjeż tal-poplu, mhux għax jemmen li xi darba ċ-ċittadin Malti jista’ jieħu xi dritt, iżda biex jidħak bl-istess ċittadin li fdalu l-poter f’idejh.
Għalkemm il-kawża nfetħet mill-Kummissjoni Ewropea u spiċċat biex Malta ma weħlet l-ebda multa, Gvern Nazzjonalista kapaċi, għall-fini partiġġjani tiegħu, saħansitra jiftaħ kawżi mitlufa hu minn bwiet il-poplu u jħallas multi mill-istess fond sempliċement biex jirbaħ voti.
Dan hu nuqqas ta’ rispett fejn Gvern nazzjonali jispiċċa jabbuża mill-awtoritajiet saħansitra Ewropej biex jidħak biċ-ċittadin bla saħħa li telgħu fil-Parlament.
Jekk spiċċa r-rispett lejn kollox, allura spiċċa kollox – għax wara kollox – ir-rispett kollox – kemm rispett uman lejn il-votanti kif ukoll rispett lejn awtoritajiet u liġijiet.
Kondoljanzi
Nibgħat il-kondoljanzi tiegħi lill-familja kollha ta’ Lawrence Mintoff, kandidat Laburista, li miegħu tkellimt kemm-il darba speċjalment waqt attivitajiet politiċi. Jalla l-ispirtu hieni u tajjeb tiegħu, flimkien mal-valuri tajbin li ħaddan jibqgħu jgħixu għal dejjem mhux biss fil-familja tiegħu imma fil-persuni kollha li kienu jafuh matul ħajtu.
www.lornavassallo.com
|