|
Ilni ħafna biex nikteb dwar dan is-suġġett. Dalwaqt wasalna għal festa nazzjonali oħra. Dik tal-Indipendenza. Il-pajjiż li konna, u li għadna: pajjiż li l-eżistenza stess tiegħu tiddependi fuq l-influwenza tal-Knisja u tal-partiti politiċi.
U fil-fatt, huwa proprju minn dawn li joħorġu l-festi nazzjonali u pubbliċi tagħna. Il-Knisja, l-ewwel u qabel kollox, għandha l-akbar ammont ta’ festi, ovvjament festi reliġjuzi. Imbagħad insibu battalja sħiħa bejn iż-żewġ partiti politiċi l-kbar li l-ħin kollu jiġġieldu bejniethom għall-festa nazzjonali tagħhom aktar milli tal-pajjiż. Gwerra sabiħa u qaddisa meta tidher mill-bogħod.
Is-sitwazzjoni fejn partit politiku wieħed jiċċelebra b’pompa festa partikolari li suppost hija nazzjonali, mentri l-partit l-ieħor jiċċelebraha b’girlanda waħda hija pjuttost unika. Rivalità politika bħal din qajla teżisti f’pajjiżi oħrajn. U l-pressjoni qiegħda titla’.
Aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin isiru rapporti fuq kif il-partit l-ieħor iċċelebra l-festa tiegħu. Però, bil-pubblikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, fejn kisbiet sħaħ li għamel l-Partit Laburista għal Malta ngħataw il-ġenb fir-rakkont tal-istorja ta’ Malta , u b’hekk nistgħu ngħidu li nħoloq preċedent ieħor.
U hekk hu, fil-fatt għandna biss tliet festi politiċi; l-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru; ir-Repubblika li taħbat fit-13 ta’ Diċembru; u Jum il-Ħelsien li jaħbat fil-31 ta’ Marzu.
Bħala partiti politiċi jidher li l-festi li għandu jedd għalihom il-Partit Laburista huma aktar minn dawk li jista’ jgħid li ffirmahom il-Partit Nazzjonalista. Hemm tnejn tal-Partit Laburista u waħda tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda mhux darba qiegħda tinqala’ l-kwistjoni dwar għandux ikollna festa waħda nazzjonali biex tgħaqqad lill-poplu meta jiċċelebra l-kisbiet politiċi riċenti ta’ pajjiżna. Mod kif titkellem dwar l-għaqda waqt li tipprattika l-firda!
U kulħadd jgħid tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista jiġi minn tal-ewwel biex jeskludi nofs il-fatti kif ġraw biex jieħu l-mertu hu. U dik li jien insejjaħ il-“pulitezza” eċċessiva tal-Partit Laburista, biex taparsi jkun ekwu, tispiċċa biex il-Partit Laburista qatt ma jiġġieled għal dak li bi dritt hu tiegħu.
Però jien, bħal kulħadd, ukoll għandi l-fehmiet tiegħi. U l-fehma tiegħi f’dan ir-rigward hija sempliċi. Il-festa nazzjonali tagħna m’għandhiex tmur biex tonora lil min qabad pinna u ffirma xi trattat.
Għandha tonora lil dawk li niżlu fuq it-toroq u ġġieldu lill-ħakkiem. Għandha tonora lil dawk li ssograw ħajjithom u lill-mexxejja qalbiena tagħhom li mexxewhom biex jagħmlu dan.
U għalhekk li jiena nemmen li l-vera festa nazzjonali ta’ pajjiżna mhix il-ġurnata meta ġie ffirmat jew skada xi trattat. Imma meta twettqu rvellijiet jew azzjonijiet politiċi li wasslu għad-deċiżjonijiet tal-imperu Ingliż li jitlaq verament minn Malta.
U għalhekk, nemmen li dawk in-nies, kbar u żgħar li ħarġu fit-toroq ta’ pajjiżna nhar it-28 ta’ April, 1958 jixirqilhom il-Jum Nazzjonali, u l-ebda data oħra fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.
Wieħed lanqas ma jista’ jeskludi għalhekk il-kontribut tal-eks-Prim Ministru Malti Duminku Mintoff li għandu jieħu l-mertu li jistħoqqlu bħala l-mexxej li għamel dawn l-irvellijiet realtà u li ta l-kuraġġ lil dawk kollha li ħarġu fit-toroq u kebbes fihom xrara li ma tmutx.
Dawn l-avvenimenti tal-1958 ħafna drabi jingħataw il-ġenb. Jien nagħtihom l-akbar importanza.
Wara kollox qegħdin niċċelebraw is-7 ta’ Ġunju li kienet ferm simili u li ġrat fl-1919, iżda m’aħniex niċċelebraw dak li ġara fi żmien ferm aktar riċenti.
Nistgħu ngħidu wkoll li qegħdin niċċelebraw irvellijiet li ma wasslux għall-Indipendenza ta’ pajjiżna. Iżda m’aħniex niċċelebraw irvellijiet li fil-fatt wasslu għall-Indipendenza. U d-diskussjoni tkompli.
Teorija oħra li tipponta lejn din l-għażla hija dik li tissuġġerixxi li nagħżlu jew l-ewwel festa jew l-aħħar waħda. Però anke f’dan nemmen li għandha tintagħżel l-ewwel festa. Iżda mhux l-ewwel trattat. Iżda l-ewwel taqbida. Dik li qabbdet ix-xrara. U f’dan il-każ għalhekk, ukoll, għandha tintagħżel it-28 ta’ April.
Meta niġi biex nagħti l-mertu nagħti ħafna aktar importanza lil min stinka bis-saħħa ta’ jdejh u ssogra ħajtu milli lil min sab sodda mifruxa u daħal jorqod fiha.
U għalhekk, kieku l-Gvern kellu jimxi mat-teorija tiegħi, il-kwistjoni ta’ festa waħda nazzjonali, malajr tinqata’; festa waħda speċjali lill-eroj li ħadd ma jaf x’jisimhom, it-28 ta’ April.
www.lornavassallo.info
|