Bl-istess mod mara qiegħda tgħid li dak kollu li se takkwista hi matul iż-żwieġ se jkun nofsu ta’ żewġha u viċi versa.
Saħansitra akkwisti bħal karozza jew dgħajsa, anke jekk il-konjugi għandhom il-flus, ma jistgħux jixtruhom waħedhom. Iktar ma jgħaddi ż-żmien mid-data taż-żwieġ iktar il-kobba tkun imħabbla. Ovvjament huma dawn it-torturi li jiġu diskussi f’każijiet ta’ separazzjoni. Ta’ min hu l-vażun Ċiniż u ta’ min huma l-ġiżirajjen u kemm jiswew.
U din is-sistema ta’ kull mhu tagħha hu tiegħu u l-kontra hija s-sistema li inqas kemm ikun hemm preparazzjoni għaż-żwieġ iktar tapplika.
Bidla fis-sistema tal-beni fiz-zwieg
Jista’ jkun li wasal iż-żmien li tinbidel din is-sistema. Hemm żewġ sistemi oħrajn possibbli. Dik fejn il-bżonn tal-firma u r-responsabbiltà tal-konjugi l-ieħor jew l-oħra tidħol biss f’każijiet ta’ djun, u hemm l-oħra fejn il-miżżewġin, għalkemm rikonoxxuti legalment miżżewġin għall-fini ta’ status u fejn jidħol, per eżempju manteniment ta’ tfal jew liġijiet ta’ wirt, jibqgħu totalment indipendenti finanzjarjament – daqslikieku hu għadu waħdu u hi għadha waħedha.
Dan ifisser ukoll li jekk hu jagħmel id-dejn, hi mhix responsabbli tiegħu. Mentri jekk hi trid tiffirma kuntratt m’għandhiex bżonn il-kunsens tiegħu.
Li kieku l-liġijiet taż-żwieġ f’Malta jagħżlu bejn żwieġ bħala sagrament u bħala status u żwieġ bħala rabta finanzjarja kieku ħajjitna kienet tkun ferm iktar faċli. Minflok il-koppji tagħna qegħdin imorru għand avukat jieħdu parir qabel ma jiżżewġu, hemm biss ħrafa li tidher li qabdet sewwa – dik li ma tiżżewwiġx bil-Knisja forsi xi darba jidħol id-divorzju!
Finanzjarjament separati
Imissu jkun l-istat – Gvern u Oppożizzjoni – li jbiddlu t-tendenza taż-żgħażagħ tagħna li jiżżewġu u f’daqqa waħda jsibu ruħhom f’baħar ta’ problemi finanzjarji u jġorru l-problemi ta’ xulxin. Ir-regola għandha tkun li jekk ma jsirx kuntratt iż-żewġ konjugi jibqgħu separati totalment u ko-propjetarji tad-dar komuni – daqslikieku d-dar kienet bejn żewġt aħwa, jew żewġt isħab fin-negozji. Anke din tista’ tkun ikkomplikata biżżejjed, aħseb u ara ż-żwieġ!
Jekk is-sistema titbiddel, il-miżżewġin prospettivi żgur li jistħarrġu dwar id-drittijiet tagħhom qabel ma jidħlu għall-kuntratt taż-żwieġ. Il-fatt li jkunu jafu li jekk ma jistħarrġux se jibqgħu donnhom qatt ma żżewġu mill-aspett finanzjarju żgur li jġiegħelhom jistaqsu. Kif inhi s-sistema s’issa jispiċċaw jagħmlu kuntratt bla ma jaqraw il-kundizzjonijiet.
Jista’ jkun li qabel ma niddiskutu d-divorzju wasal iż-żmien li nerġgħu naraw jekk għandhiex tapplika l-komunjoni tal-akkwisti awtomatikament jew inkella l-komunjoni taħt amministrazzjoni separata jew is-separazzjoni tal-assi?
Accidenti fit-toroq Maltin?
Nibgħat il-kondoljanzi tiegħi lill-familji Żwieten kif ukoll dawk il-familji kollha li sofrew minn diżgrazzja fil-familja matul il-ġimgħa li għaddiet. Sfortunatament f’pajjiżna rajna aċċident li ma naħsibx li qatt konna rajna bħalu qabel.
Iżda rigward is-sigurtà fit-toroq tagħna, fejn jidħlu vetturi kbar, xtaqt niġbed l-attenzjoni li ċertu vetturi kbar qegħdin jitħallew jgħaddu minn toroq żgħar, eżempju, kemm Maltin jafu li d-‘double-deckers’ tat-turisti jgħaddu mit-trejqa dejqa ta’ Binġemma, fl-Imġarr (fejn hemm il-kappella), regolarment.
Din tinsab mgħottija sewwa bil-ħaxix twil u li ħafna drabi ma jindenjawx ruħhom lanqas idoqqu l-ħorn biex iwissu lil min ġej kontra li ġejja karozza daqstant kbira mid-direzzjoni opposta?
Iktar minn hekk, f’partijiet minn din it-triq mhemmx ilqugħ u jekk jiġri aċċident jista’ jkun li l-karozza ż-żgħira taqa’ għal isfel mit-triq. Għandhom jgħaddu minn toroq bħal dawn karozzi daqstant kbar?
www.lornavassallo.info
lornav@maltanet.net
|