|
Apprezzajt ħafna d-diskors li għamel l-eks-President ta’ Malta Guido de Marco fil-każin ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun fl-okkazjoni tal-festa. F’erba’ kelmiet imqanqlin, spjega l-veru sinifikat tal-festa. Il-kelliem dehrlu li kellu jispjega li l-festi tagħna għandu jkollhom żewġ aspetti.
L-aspett reliġjuż tal-festa tal-lokal, għandu jiġi rispettat u jingħata prominenza. Wara kollox, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma fl-essenza tagħhom, ta’ natura reliġjuża u jsiru taħt il-kappa tal-Knisja Kattolika f’pajjiżna b’turija ta’ reverenza lejn qaddis partikolari. Spjega għalhekk, li jekk jitneħħa l-aspett u s-sinifikat reliġjuż mill-festa, din tispiċċa bla sustanza u bla skop. Kien f’dan l-ispirtu li huwa ħeġġeġ liċ-ċittadini tal-lokal li ma jabbandunawx iċ-ċerimonji spiritwali, dawk li aħna nirreferu għalihom bħala l-festa ta’ ġewwa.
Filfatt, sfortunatament, mal-milja tas-snin, l-enfasi dejjem aktar qiegħda tkun fuq il-festa ta’ barra u n-nies li jattendu għall-funzjonijiet tal-Knisja qegħdin dejjem jonqsu. L-eks-President, għalhekk sab l-okkazjoni biex iħeġġeġ lill-miġemgħa tagħraf iżżomm bilanċ.
Fl-istess nifs però, il-kelliem ma żammx lura milli jafferma l-importanza u l-bżonn ukoll li jkun hemm il-festa ta’ barra bil-marċi u l-briju kollu. Din hija drawwa folkloristika Maltija li ġġib il-ferħ u li għalhekk għandha tippersisti.
F’dan ir-rigward jidher li ċerti awtoritajiet ekleżjastiċi qegħdin iqajmu polemika fuq polemika li m’għandux ikun hemm. Qiegħed jingħad, u din qed tikkrea vervent sħiħ, li jista’ jkun li fl-istagun li jmiss, il-marċi ta’ filgħodu ma jibqgħux isiru, u dan biex ma jfixklux l-attivitajiet ekleżjastiċi u spiritwali. Jien ma naqbilx, u anzi naqbel ma’ dak li qal Guido de Marco, li għandna nagħrfu inżommu l-bilanċ. Ninnota b’sodisfazzjon li għalmenu fid-distrett tiegħi, li fil-festi ewlenin bħal dawk ta’ San Duminku u San Gejtanu, irrenjat il-prudenza u ma kien hemm ebda diżgwid ta’ xejn. Id-diriġenti tal-festa tal-attivitajiet ta’ barra qagħdu attenti li ma jgerfxux attivitajiet tal-Knisja.
Filfatt, il-kumitati tal-baned, b’maturità kbira, waslu f’arranġament mal-Kappillani rispettivi biex il-marċ ta’ filgħodu ma jibdiex sakemm ma jispiċċax il-pontifikal.
Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tal-Knisja qagħdu attenti li jillimitaw il-ħin tal-paniġierku u tal-funzjoni biex dawn ma jittardjawx iżżejjed il-bidu tal-marċ. Minħabba dan l-arranġament ma nqala’ l-ebda diżgwid, u kollox mexa ħarir.
Minħabba dan għalhekk ma nistax nifhem kif qed jerġgħu jitqajjmu l-intoppi li qiegħed insemmi. Naħseb li ma jkunx pass għaqli għall-awtoritajiet ekkelżjastiċi jekk dawn jieħdu pożizzjoni riġida żżejjed f’dawn iż-żminijiet. Anzi ngħid li jkun żball kbir jekk l-Arċisqof tagħna jimponi fuq l-awtoritajiet ċivili biex ma jippermettux il-marċi ta’ filgħodu. Jekk tittieħed pożizzjoni simili se tinħoloq tensjoni nutli fil-parroċċa u l-effett jista’ jkun l-oppost ta’ dak mixtieq.
L-ewwelnett għandu jiġi enfasizzat li għad li hu minnu li l-festi tagħna huma fid-dehra tagħhom reliġjużi, u marbuta mal-qaddis tar-raħal, m’għandniex ninsew li f’pajjiż lajk bħalma hu tagħna għandu jkun hemm separazzjoni ċara bejn l-istat u l-Knisja. Minħabba f’dan kif il-Gvern m’għandu jkollu l-ebda jedd li jindaħal fi kwistjonijiet ta’ natura purament reliġjuża, l-istess il-Knisja għandha tagħraf li ma tindaħalx fi kwistjonijiet għaż-żamma tal-bon ordni li huma l-prerogattiva tal-istat.
Indubbjament, il-parteċipazzjoni jew le fil-funzjonijiet reliġjużi, hija ħaġa volontarja. Huwa ideali, kif tenna jgħid il-Professur Guido de Marco, li f’pajjiż Kattoliku bħalma hu tagħna, li n-nies tipparteċipa bi ħġarha. Ġeneralment filfatt hekk naraw li jiġri fejn in-nies, l-ewwel jattendu kemm għall-funzjonijiet reliġjużi kif ukoll għad-divertiment u l-briju ta’ barra. Din il-parteċipazzjoni però, bl-ebda mod ma tista’ tiġi sfurzata fuq in-nies.
Ikolli ngħid li jekk jitneħħew il-marci ta’ filgħodu, bl-ebda mod mhu se jfisser li b’daqshekk, in-nies se tattendi bi ħġarha fil-knejjes. Nazzarda ngħid li nemmen li jekk tittieħed din il-pożizzjoni, iċ-ċittadini jeħduha bħala nsult għall-libertà tagħhom, jieħdu għalihom u bħala protesta lanqas ma jattendu, u għalhekk il-miżura tkun tabilħaqq waħda kontro produċenti.
Fl-isfond ta’ dan il-ħsieb għalhekk nemmen li l-awtoritajiet ekleżjastiċi għandhom jimxu b’aktar sensittività u kawtela f’din il-kwistjoni u forsi jerġa’ jkollhom ripensament. L-istess għandu jingħad għal dak li jikkonċerna l-Gvern. Ma nemminx li l-Gvern għandu jieħu miżuri daqstant drastiċi meta jaf li tali miżuri jistgħu jipprovokaw diżgwid serju.
Fl-istess nifs ikolli ngħid li naqbel mal-Knisja li f’ċerti ċirkostanzi, bil-mod ta’ kif qed jiġu kondotti l-festi tagħna, qed isiru esagerazzjonijiet. Jista’ jkun li min imexxi l-festi għandu wkoll juża l-prudenza u jmexxi b’ċertu galbu biex ma nattirawx l-anitpatija bla bżonn.
L-esaġerazzjonijiet f’kollox huma ħżiena, u fil-festi dawn jistgħu jwasslu biex jittieħdu ċerti miżuri bla bżonn. Madankollu, b’ċerta rieda tajba mill-partijiet interessati kollha, m’għandux ikun hemm problemi biex il-festi sbieħ tagħna jibqgħu jippersistu fl-ambjent u bl-istil li drajna bihom.
|