www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Kunċerti u riskji
minn Lorna Vassallo

Huwa veru li Malta dan l-aħħar saret mekka żgħira ta’ kunċerti ta’ kull tip. Bejn minn tqanżiħa tal-Gvern biex jaljena lill-poplu u bejn min-nuqqas ta’ suċċess minn dawk li qegħdin jipprovawli jagħmlu lil Malta destinazzjoni turistika li tittratta lit-turisti minnha nfisha, qed joħroġ il-punt li matul dawn l-aħħar tlett snin jew sentejn saru ħafna kunċerti ta’ livell f’pajjiżna.

U aħna l-Maltin ma jmissniex noqogħdu lura milli nattendu għal dawn il-kunċerti u naħtfu l-opportunità. Prosit żgur li tmur ukoll għall-organizzaturi privati li qegħdin jorganizzaw dawn il-kunċerti.

Bħal bosta jien attendejt għal dawk il-kunċerti li deherli li setgħu jolqtuni l-iktar. Iżda huwa b’dispjaċir li ninnota li għalkemm hemm ħafna tajjeb x’wieħed jista’ jfaħħar hemm ukoll ċerti aspetti li wieħed jista’ jikkritika kostruttivament.

Huwa għalhekk li qed nikteb illum. Għax wara li attendejt għall-kunċert ta’ Joseph Ċalleja u Michael Bolton, għall-kunċert ta’ Laura Pausini u għal dak ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Għawdex fejn kien imħabbar li se jkantaw il-grupp Smokie kif ukoll il-Boney M, ma stajtx ma nagħmilx ċertu osservazzjonijiet.

Nibda b’dak ta’ Joseph Calleja u Michael Bolton. Dan il-kunċert sar eżattament fil-bidu tal-influwenza tal-ħnieżer. Ovvjament, postijiet fejn tiltaqa’ massa kbira ta’ nies huma forsi iktar riskjużi. Imma ma kienx dan li verament ġiegħlni ninkwieta. Kienu pjuttost il-‘mobile toilets’ li kien hemm installati fil-post li ma kinux armati bis-sinkijiet u bi provvista tal-ilma. Safejn rajt jien, u fittixt sewwa, la kien hemm fejn wieħed jaħsel idu fit-toilet innifsu ġewwa u lanqas barra t-toilets. U dan fi żmien l-influwenza tal-ħnieżer! Jiena assumejt li biex l-organizzaturi jiffrankaw xi ftit mill-ispejjeż għamlu toilets mingħajr ilma.

Però ċ-ċirasa fuq il-kejk kienet għadha ġejja! Ma laħqux għaddew ħmistax meta kont liebsa kappell ieħor u jien stess kelli nistħarreġ dwar il-prezzijiet tal-‘mobile toilets’. Oħroġ il-għaġeb, sirt naf li almenu ċerti kumpaniji joffru t-toilets bla sinkijiet u bis-sinkijiet bl-istess prezz! U għalhekk jekk l-organizzaturi ordnaw toilets mingħajr ilma, lanqas flus ma kienu ffrankaw!

Nuqqas ieħor kien l-obbligu li l-inqas ammont ta’ ‘tokens’ li setgħu jinxtraw (jekk niftakar sew), kien ta’ €5. Jekk bniedem ried jixtri ilma biss li kien jiswa €1, ma setax jagħmel dan. Personalment jien spiċċajt biex armejt €3.50ċ għax ma xtaqtx nixtri iktar xorb u billi kont waħdi ma stajtx nagħtihom lil ħaddieħor.

Waqt il-kunċert ta’ Laura Pausini s-sitwazzjoni kienet pjuttost simili. Iżda l-istess difetti, u oħrajn ferm ikbar, reġgħu ħarġu fil-Gozo Music Festival nhar is-Sibt li għadda.

L-ewwelnett, meta tkellimt ma’ ħbieb differenti, li wieħed minnhom kien għadu ġej minn kunċert tal-U2, qaluli kemm kienu għoljin il-biljetti. Iktar minn hekk ma kien hemm l-ebda roħs fuq it-tariffi tal-karozzi jew tan-nies Maltin li jinżlu apposta Għawdex għall-kunċert – l-ebda inċentiv.

Iktar u iktar, bla avviż ta’ xejn, biljetti maqtugħin minn mal-bieb kienu €5 ogħla minn dawk mixtrija qabel. Għalkemm jidher li din hija pjuttost id-drawwa, u jekk mhix, hekk qiegħda ssir, il-klijenti setgħu faċilment ġew avżati permezz tal-mezzi tax-xandir li jekk jaqtgħu l-biljetti mal-bieb se jeħlu iktar flus. Persuna li kellimt qaltli nies fil-bieb ilmentaw li ma ngħatawx riċevuti fiskali mal-biljetti.

Problema oħra li dehret li kien hemm huma dawk li kienu ħallsu VIP. Dawn kienu bil-wieqfa bħall-oħrajn u ngħataw tazza xampanja li skond ma smajt ma kinitx ta’ kwalità.

Iżda l-ikbar problema li kien hemm fil-kunċert ta’ nhar is-Sibt kienet id-dewmien. Il-kunċert kien maħsub li jibda fid-9.00 p.m. u fil-fatt hekk beda. Iżda ħafna min-nies preżenti, għalkemm kienu jafu li kien hemm għadd ta’ artisti li se jieħdu sehem, qatt ma basru kemm kien se jdum. Il-kunċert spiċċa fl-4.00 a.m. u ħafna nies ma kellhomx fejn ipoġġu, inklużi fil-VIP stand. Ħafna nisa kienu bi żraben tat-takkuna u dbielet u kull ma kien forsi fuq in-naħa ta’ wara xi ċnut vera baxxi li mhux kulħadd seta’ joqgħod bilqiegħda fuqhom biex iserraħ.

Jagħmel sens li kunċert idum seba’ sigħat meta ħafna nies kellhom saqajhom bdew juġgħuhom għax ma basrux li se jdum daqshekk? Fejn hi s-sigurtà f’sitwazzjonijiet bħal dawn? Medikalment huwa rakkomandabbli li jsiru dawn it-tip ta’ kunċerti ta’ daqshekk tul?

It-toilets ta’ din id-darba kellhom xi ilma, iżda kien diffiċli ferm li ddawwar it-tapp biex tiftaħ il-vit. Almenu f’żewġ każijiet partikolari hekk deher li kien, sakemm dak li kien qisu tapp kien fil-fatt tapp. Għal darb’oħra nemmen li speċjalment fiż-żminijiet ta’ bħalissa l-Ispetturi tas-Sanità u l-awtoritajiet għandhom jiskrutinjaw dawn il-faċilitajiet iġeniċi ħafna iktar speċjalment fil-każ ta’ attivitajiet li qegħdin jiġu organizzati barra.

Għal darb’oħra, anzi agħar minn qabel, l-inqas ammont ta’ ‘tokens’ li setgħu jinxtraw kien ta’ €10, meta birra waħda kienet tiswa €2. Dan jiġifieri persuna li tattendi waħedha (kif kien hemm ħafna) jew tiġi mġiegħla tixrob mill-inqas ħamsa birra jew tħallas ħafna iktar minn dak li fil-fatt tixrob.

Ovvjament, kritika oħra li tista’ ssir hija kif ma ġiex organizzat trasport apposta għal dawk li xtaqu jinżlu mingħajr il-karozza tagħhom. Sa fejn deherli jien dan it-tip ta’ trasport speċjali ma kienx provdut.

Ilment ieħor gravi kien il-livell tal-kantanti li nterpretaw lil Boney M. Il-livell kien pjuttost tad-dilettanti u ħafna ddeludew ruħhom bil-kbir minħabba li kellhom aspettazzjonijiet tal-Boney M proprja! Mhux talli hekk talli qabel il-kunċert ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ċara li dawn fil-fatt ma kinux il-Boney M oriġinali. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-kantanti Maltin u s-Smokie li offrew spettaklu formidabbli. Tant kien baxx il-livell tal-kantanti li nterpretaw il-Boney M li l-pubbliku lanqas biss għajjat għall-‘encore’ u telaq jiġri ‘l barra.

Insomma, kollox ma’ kollox, meta nżilna tlett iħbieb Għawdex f’karozza waħda u qsamna l-kont tal-karozza u tal-persuni, mawra sa Għawdex għall-Gozo Music Festival minn €25 spiċċat xi €60. Ma naħsibx li dak kien il-mod kif tinċentiva Maltin jinżlu Għawdex.

U wara kollox, Għawdex u mhux Għawdex, huwa ġust li persuni jiġu kostretti jonfqu ammont stabbilit minn qabel fuq xorb jew ikel, u li jkunu kostretti jħallsu biljetti ogħla mal-bieb bla avviz? Jaf l-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Konsumatur b’dan kollu? U jaf l-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Konsumatur li ħafna mill-udjenza ħasbet li b’dak il-prezz se tara l-Boney M proprja u mhux imitazzjoni stunata? U taf Charmaine Gauci li fl-eqqel tal-battalja kontra l-influwenza tal-ħnieżer qegħdin jiġu pprovduti toilets mingħajr ilma aħseb u ara sapun fejn jiltaqgħu mijiet u eluf ta’ nies?

Filwaqt li napprezza għal darb’oħra l-isforzi tal-organizzaturi nispera li l-kummenti tiegħi jirriżultaw f’ammeljoramenti fil-ġejjieni, speċjalment fejn tidħol sigurtà, sanità u iġene kif ukoll fedeltà lejn dawk li jkunu ħallsu tant flus biex jattendu għall-kunċerti tali.

N.B. Nirringrazzja lil dawk il-qlub muġugħa li kitbuli dwar l-artiklu tal-ġimgħa l-oħra “Ġenji mormijin, mgħallmin minsijin”. Ħadt pjaċir li kont il-vuċi u serħan il-qlub ta’ ħafna minnkom.

www.lornavassallo.info

lornav@maltanet.net

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.