www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Is-saga ta’ Ikarus:
Ġenji mormijin, mgħallmin minsijin
minn Lorna Vassallo

Din il-ġimgħa tkellimt ma’ persuna li kont ilni ma naraha żmien. Ħadt pjaċir ħafna li ltqajt magħha għax hija persuna li nammira bil-bosta. Iżda l-unika sogħba li kellha kienet eżattament għax qaltli li ilha żmien twil tfittex ix-xogħol u ma tistax issib. Din il-persuna hija persuna kkwalifikata bil-kbir, għandha talenti li jmorru oltre sempliċi kwalifiki akkademiċi u ta’ personalità kbira. Hija persuna li taf titkellem ħafna u li donnu l-Mulej għoġbu jagħtihom wisq talenti f’daqqa.

Huwa għalhekk li qed ngħid li sogħbieni ħafna mhux għax sirt naf li ma tistax issib xogħol, iżda wkoll għax sirt naf li minkejja l-fatt li għandha dawn it-talenti kollha kienet ukoll kandidata mal-Partit Laburista u tat kontribut siewi għal diversi snin.

Huwa għalhekk li llum se nirrakkonta l-istorja ta’ Ikarus - it-tfajjel tal-mitoloġija Griega li biex jaħrab waħħal ir-rix tal-għasafar bil-kolla u beda jtir. Missieru kien widdbu li la kellu jtir qrib wiċċ l-ilma u lanqas ’il fuq iżżejjed lejn ix-xemx għax idubulu l-gwienaħ u jispiċċa jaqa’ u jmut. Ġara li Ikarus resaq wisq lejn ix-xemx, inħallewlu l-ġwienaħ u waqa’ fil-baħar u miet.

Matul ħajti s’issa rajt ħafna mill-ħrejjef jiġru fir-realtà. U l-akbar sfortuna hija li fil-politika Maltija jeżistu ħafna Ikari. Dawn mhumiex ħlief nies mogħnijin bid-doni kollha li wieħed għandu jkollu biex isir politiku tajjeb u forsi b’talenti li jnisslu għira min-nies oħrajn interessati fl-istess qasam li jispiċċaw, għas-sempliċi raġuni li pprovaw itiru aktar ’il fuq lejn l-idea li jipprattikaw il-politika, jinqatlu u jintremew. Mhux hekk biss iżda ħafna minnhom ikunu taw ħinhom u nefqu flushom għall-partit u saħansitra tilfu l-impjieg tagħhom biex jaqgħu fin-nassa tal-kandidat. Il-biċċa l-kera hi li dawn in-nies jispiċċaw jiddependu mill-partit biex fl-istess ħin ikunu abbandunati wkoll minnu.

Għalkemm nista’ nkun faċilment qed inkun awtobijoġrafika, mhux qed nagħmel dan. Naf iktar minn eks-kandidat Laburista u kandidati preżenti li minkejja l-kontribut imprezzabbli u t-talenti ġenjali spiċċa ġenju mormi jew ġenja mormija jew mgħallem minsi jew mgħallma minsija. U l-unika raguni kienet li pprova jagħmel il-ħolma politika tiegħu realtà.

Minn barra l-votanti jaraw biss lil min irnexxa u ħafna drabi jinsew barra lil dawk li għalkemm taw ħinhom, flushom u l-enerġija tagħhom twarrbu. Dawn ikunu pjuttost nefqu flus u taw iktar ħin bla ma jafu humiex se jieħdu xi ħaġa lura u baqgħu b’idhom f’idhom. Ħaddieħor ikun nefaq għax jaf li se jdaħħal lura. Huma jkunu nefqu għall-‘amor proprju’ u jibqgħu biss bid-dejn fil-bank u s-sigħat li flok ħadmuhom għalihom infushom ikunu ħadmuhom għas-soċjetà bla ma ħadu lura lanqas grazzi.

Individwu jkun iddeċieda hu li joħroġ għall-elezzjoni, iżda kulħadd jaf li min jaħdem elezzjoni kif suppost ma jistax jagħmel xogħol biżżejjed biex imantni lilu nnifsu wkoll magħha. Saħansitra naf ukoll b’aktar minn każ wieħed ta’ nies tilfu x-xogħol għax ikkontestaw mal-partit u spiċċaw lampa stampa. Mhux aċċettabbli, fil-fehma tiegħi, li dan isir u mbagħad ma jiġux għallinqas rikonoxxuti mill-partit.

Nies li taw kontibut kbir lill-partit spiċċaw, għax ħarġu għall-elezzjoni, imwarrbin kompletament minnu. Naf b’każijiet li lanqas biss jiġu mistiednin fi programmi televiżivi jew aħseb u ara jingħataw sempliċiment xogħol fuq bażi ta’ sigħat mal-istess partit. Mentri l-istess xogħol li seta’ faċilment jingħata lilhom jingħata lil oħrajn.

Dejjem kont tal-fehma li jekk il-PN kellu n-nies intelliġenti ġewwa fih, il-PL kien mimli b’ġenji u dawk li jissejħu ‘all-rounders’. Donnu li mentri l-PN mimli b’nies li kapaċi jagħmlu ħaġa waħda, il-PL mimli b’nies li rnexxew f’diversi oqsma speċjalment dak letterarju u artistiku. U f’dan ir-rigward mhux nesaġera. Il-PL mimli b’nies studjużi, letterarji, drammaturgi u lingwistiċi ħafna aktar mill-PN. Fost dawn insemmu lil Anton Buttigieg, Alfred Sant, Lino Spiteri u Evarist Bartolo li ħarġu għall-elezzjonijiet ġenerali b’suċċess. Hemm dawk anqas attivi politikament iżda li qatt ma beżgħu jaħbu l-ideat politiċi tagħhom, fosthom Frans Sammut, Ray Mahoney u Charles Flores. Ovvjament, hemm persuni oħrajn li nemmen li huma nies li jistgħu jissejħu ‘all-rounders’ imma li b’dispjaċir ma nistax insemmi hawn għal ragunijiet ovvji. Dawn huma dawk li rnexxew u ġew, biex ngħidu hekk, aċċettati mill-partit fi żminijiet differenti.

Iżda naf daqstant ieħor nies li huma kapaċissimi u li qegħdin jitħallew barra l-partit. Fost dawn insemmi lill-persuni bħal Ray Mangion u Robert Micallef li għalkemm kienu kandidati, ma jidhirx li l-PL qed jagħtihom importanza. L-istess jista’ jingħad għal kif nies bħal Philip Borg m’għadhomx jinstemgħu mkien. Nies b’talenti u għerf li qajla tista’ tarmihom. U l-lista ta’ genji mormija nħoss li tibqa’ titwal ma’ kull elezzjoni li tgħaddi. Nies li juru interess f’iktar attività politika u minflok jispiċċaw emmarġinati.

Minbarra hekk hemm anke diversi nisa li flok ma ġew megħjunin jkomplu fil-ħajja politika, ġew imwarrbin. Fost dawn jidher li se jkun hemm Claudette Abela Baldacchino li jidher li mhix se tibqa’ ġurnalista. Magħha nisa oħrajn spiċċaw inagħtaw rwoli ferm inqas milli jisthoqqilhom bħal Simone Cini. Bla dubbju ta’ xejn, jien ukoll, ma nħossx li l-kontribut li qiegħda nitħalla nagħti lill-partit mhux qed iħeġġiġni nkompli l-karriera politika tiegħi.

U huwa għalhekk li nerġa’ nirreferi għal-letteratura hawn hekk. Bħalma teżisti l-istorja ta’ Ikarus, teżisti epika msemmija ‘Ramayana’ magħrufa mill-Induisti. F’din il-poeżija wieħed minn żewġt aħwa semi-allat f’forma ta’ għasafar kbar bl-isem ta’ Jatayu tar wisq ’il fuq u kien se jinħaraq mir-raġġi tax-xemx. Sampaati, ħuh, salvah billi firex ġwienħajħ biex idellu.

Huwa għalhekk li llum għażilt li nagħmel appell lill-Partit Laburista u lil dawk li jistgħu jsalvaw persuni bħal dawn li semmejt hawn fuq milli jinqatgħu kompletament minnu. Semmejt persuni li huma professjonali f’xogħlhom, persuni li qatt ma wrew juru lilhom infushom mal-Partit Laburista, li bagħtew diskriminazzjoni meta applikaw għal xogħlijiet li kieku ma kienx għall-fehma politika tagħhom kienu jkunu ideali biex jokkupawhom u nies li saħansitra tilfu ħafna xogħol, partajm jew fultajm, biex jiddedikaw irwieħhom għall-politika. M’huma ħadd ħlief ġenji mormijin u mgħallmin minsijin. J’Alla huma wkoll isibu min xi darba jsalvahom, mhux għall-benefiċċju tagħhom stess biss, iżda wkoll għall-benefiċċju tal-partit kollu.

www.lornavassallo.info

lornav@maltanet.net


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.