www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

“Dnubiet” li ma jinħafrux
minn Lorna Vassallo

Il-gimgha li għaddiet l-Isqof ta’ Għawdex, Dun Mario Grech, tkellem dwar id-dover ta’ kull ċittadin li jħallas it-taxxi u dak kollu li hu dovut minnu lill-istat. Tkellem ukoll biex l-istat jaqdi d-dmirijiet tiegħu f’dan il-qasam. Iżda naħseb li fejn jidħol l-istat seta’ kien iktar kategoriku u għamel iktar emfasi fuq dik li jien nagħżel li nsejħilha ‘krudeltà’ amministrattiva ta’ l-istat maċ-ċittadin.

Dejjem kont waħda minn dawk li emmint li l-istat, bil-mezzi, il-mekkaniżmi u l-informazzjoni kollha li għandu, ipoġġi immedjatament liċ-ċittadin fi żvantaġġ fi kwistjonijiet amministrattivi, proċedurali u fiskali. Ta’ min jgħid ukoll li fejn jidħlu entitajiet governattivi l-proċedura hija waħda ferm iktar diffiċli li tappella minnha. Jekk wieħed kellu jqabbel il-Qrati tal-Ġustizzja fis-Sede Kriminali nsibu li dawn fil-fatt huma ferm iktar umani u ħanina.

Fil-Qorti Kriminali u l-Liġi Penali, reati bħal omiċidji, serq, frodi eċċ. jistgħu jiġu maħfura jew is-sentenzi tagħhom sospiżi. Jittieħed inkonsiderazzjoni jekk min wettaq ir-reat għamilx dan għall-ewwel darba u r-raġunijiet veri għalxiex wettaq ir-reat. Pieni ta’ ħabs jistgħu jinbidlu f’multi u jekk dawn jiġu maħdumin wieħed isib li ċerti reati jissarfu f’multi ta’ mijiet jew eluf ta’ ewro skond il-gravità tar-reat meta l-akkużat jingħata il-libertà proviżorja jew iħallas multa flok jiskonta sentenza ta’ ħabs. U anke fejn tkun diġà ngħatat sentenza, wieħed jista’ saħansitra jitlob għal maħfra presidenzjali.

L-atroċità ta’ deċiżjonijiet meħuda minn diversi bordijiet, multi imposti minn dipartimenti tal-gvern jew saħansitra awtoritajiet parastatali, taxxi mposti arbitrarjament minn uffiċċji li jippenalizzaw liċ-ċittadin ħafna drabi sempliċiment għal traskuraġni tiegħu, inħosshom ferm inġusti. U konsegwentement, inqabbilhom ukoll ma’ sentenzi tal-qorti kriminali u multi tagħha.

Hawn nies li għax ma mlewx formoli fiskali kif suppost, qed jeħlu multi fenomenali li jiżbqu bil-bosta lil dak li weħlu nies li fil-fatt wettqu reati kriminali. L-istess jista’ jingħad għall-interessi fuq ċertu multi u għal tipi ta’ taxxi oħrajn li jistgħu jiġu mposti arbitrarjament, mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Daqstant ieħor huma deplorabbli deċiżjonijiet li jittieħdu tard minn awtoritajiet u bordijiet u li jissottomettu liċ-ċittadin għal interessi bla qies li jispiċċaw kollha likwidi u dovuti, mhux tort taċ-ċittadin iżda tort tal-awtorità li tkun waqqfet il-proċess jew m’għaġġlitux kif mistħoqq.

Każ partikolari li kont iltqajt miegħu kien dak ta’ koppja anzjana fejn il-mara kienet qed tbati minn uġigħ kbir f’irkobbtejha. Billi d-dar matrimonjali tagħhom kienet bit-taraġ, marru joqogħdu għand it-tifla tagħhom. Wara xi xhur il-mara siefret u għamlet operazzjoni barra minn Malta u ħallsitha minn butha. Meta ġiet Malta xtrat appartament ġdid. Wara xi sentejn minn mindu kienet telqet mid-dar oriġinali, saret taf li ma kinitx issottomettiet formola tal-VAT li kienet irċeviet fid-dar oriġinali u li kellha tħallas mijiet u eluf ta’ ewro li oriġinarjament kienu ammont stupidu. Meta l-koppja marret id-dipartiment ingħatat konċessjoni biex tħallas l-ammont dovut bin-nifs. L-unika problema kienet li l-ammont li kellha tħallas kull xahar kien iktar minn kemm kellha pensjoni!

Iltqajt ma’ aktar minn każ wieħed fil-fatt ta’ individwi li ddikjaraw kemm xtraw id-dar tagħhom kemm suppost. Il-perit tal-gvern iddikjaraha aktar għax hekk dehrlu u l-persuna weħlet €1,150 minħabba sempliċi fehma arbitrarja ta’ perit. Persuna oħra stenniet għal aktar minn sena għal deċiżjoni tal-MEPA u ovvjament, matul din is-sena, weħlet eluf ta’ ewro f’interessi mal-bank li sselfet mingħandu.

L-istess l-appuntament għal seduti ta’ appelli u bordijiet. Dawn jiġu ovvjament stabbiliti mid-Dipartimenti u mhux mill-individwi. Iżda fil-frattemp huma l-individwi, dawk li jħallsu t-taxxi u ċittadini, li jeħlu l-imgħaxijiet fuq l-ittardjar u mhux id-Dipartiment.

Terġa’ u tgħid f’dawn il-każijiet kollha l-multi stabbiliti jkunu fenomenali u l-imgħaxijiet kważi jieħdu l-forma ta’ użura statali.

U fl-ebda każ minn dawn ma hemm xi forma ta’ proċedura umanitarja fejn qed tinħoloq tbatija żejda. Il-koppja anzjana ma tistax titlob li r-raġunijiet wara t-“traskuraġni” tagħha jittieħdu in konsiderazzjoni. Lanqas l-individwu li jħallas l-imgħaxijiet tort tal-gvern ma jista’ jitlob xi maħfra minnhom jew dak li fil-fatt iddikjara l-valur veru jiddefendi ruħu u jġib il-provi li l-valur veru kien kif qal hu.

U sadanittant tibqa’ tinħoloq it-tbatija. Bħala persuna ċivili u li ninteressa ruħi iktar mil-lat ċivili u legali taċ-ċittadin, nagħmel hawnhekk ukoll l-appell tiegħi lill-Isqfijiet sabiex jisħqu huma wkoll fuq dawn it-tbatijiet b’iktar emfasi u ma jiddejqux jixirfu ftit ‘il barra mill-ambitu tagħhom. Għalkemm ‘dnubiet’ li jġibu l-istmerrija ta’ kulħadd teżisti l-maħfra għalihom, m’aħniex qed nindunaw li dnubiet oħra – dawk iffabbrikati minn sistema riġida tal-gvern – qegħdin jispiċċaw jitfgħu individwi innoċenti f’sitwazzjonijiet aktar ta’ ħruxija minn dawk li kkommettew reati tradizzjonali u immorali.

Ninsab żgura li l-qarrejja jafu b’diversi każijiet simili fil-ħajja ta’ kuljum ta’ persuni li nqabdu f’xibka proċedurali li amplifikaw difett żgħir f’somom kbar dovuti lil xi awtoritajiet jew dipartimenti tal-gvern. Mentri kulħadd jilgħabha tal-verġni politiku malli bdew il-proċeduri dwar il-każ ta’ frodi fid-Dipartiment tal-VAT. Jien nieqaf u nistaqsi: naf tant nies li ppruvaw jimxu sewwa ma’ Dipartimenti tal-gvern, u ma mxewx! U issa nisimgħu b’tant każijiet ta’ allegati frodi. Jista’ jkun li s-sistema u l-piż ta’ proċedura stess proprju qed irawmu ambjent ta’ frodi? Jista’ jkun li piżijiet, taxxi, multi u interessi qed irewħuhom? Jista’ jkun li għexieren ta’ ċittadini spiċċaw vittma doppjament? Ta’ sistema li tant fiha piżijiet li tirrikjedi frodi. Filwaqt li ovvjament nikkundanna kull każ ta’ frodi bla ebda kundizzjoni, bla ma nkun kontroversjali, nixtieq infakkar li inqas ma tkun oneruża s-sistema inqas hemm skop ta’ frodi. Iktar kemm tkun iebsa t-taqtigħa biex tiġġieled għall-interessi tiegħek, iktar nies se jagħżlu li jaqtgħu għad-dritt u jagħżlu t-triq il-ħażina flok it-tajba. U iktar ma jkun hemm multi u imgħaxijiet ingusti, iktar nies se jiġu mġiegħla jimxu skond l-inġustizzja milli skond il-ġustizzja. Bħal fil-każ tal-gwerer u ġuħ, is-serq isir inevitabbli.

Jista’ jkun li fid-Dipartimenti tagħna tant qed nimponu multi u imgħaxijiet irriversibbli li qed inġibu l-frodi bħala xi ħaġa inevitabbli?

www.lornavassallo.info

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.