www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

“Book of Kells”
minn Lorna Vassallo

L-ikbar attrazzjoni fil-belt ta’ Dublin l-Irlanda tinsab fil-Kulleġġ tat-Trinità. Din hija bibbja miktuba u mżejna bl-idejn li bla ebda dubju hija wieħed mill-eqdem u l-isbaħ manuskritti tad-dinja. Filfatt dan il-ktieb imur lura għas-Seklu Disgħa. Huwa bir-raġun għalhekk li jingħata din l-importanza kollha. Ta’ min jgħid ukoll li apparti li mimli tiżjin, f’dan il-ktieb it-tiżjin, dekorazzjonijiet u pitturi huma ta’ livell għoli ħafna u ddettaljat. Miegħu nsibu wkoll esebiti żewġ kotba oħrajn simili “The Book of Armagh” u “The Book of Durrow”.

Ta’ min wiehed jinnota wkoll izda li dawk l-eluf ta’ viżitaturi li jżuru din l-attrazzjoni turistika kull sena ftit li xejn jaraw mill-ktieb innifsu. Fil-fatt kulma hemm esibiti mill-“Book of Kells” huma massimu ta’ tliet paġni.

Kulma wieħed jara fil-mużew huma immaġnijiet diġitali ta’ dettalji tal-ktieb, immaġnijiet ta’ paġni sħaħ minnu, informazzjoni storika ta’ madwar il-ktieb, informazzjoni ta’ kif inkiseb il-ktieb u flimkien magħhom informazzjoni dwar it-teknika ta’ kif kienu jsiru tali kotba. Tal-aħħar hija żgur waħda mill-iktar importanti. Speċjalment it-teknika ta’ kif kienet issir il-karta u jitħalltu l-kuluri.

F’parti oħra tal-mużew tara ż-żewġ kotba l-oħrajn kif ukoll nies li qed jippreservaw il-kotba. B’dan il-mod il-preservazzjoni tal-kotba tiġi elevata għall-istat ta’ arti mentri x-xogħol tal-preservazzjoni nnifsu fil-mużew jibqa’ għaddej bla interruzzjoni. Il-pubbliku saħansitra huwa mħajjar jagħti l-għotjiet tiegħu biex jgħin fil-proġett ta’ preservazzjoni.

Ovvjament, jien qatt ma ktibt artikli turistiċi fuq dan il-ġurnal. L-għan tiegħi huwa wieħed. Li nqabblu dak li jiġri barra minn Malta ma’ dak li qed jiġri f’Malta anke f’oqsma kemmxejn speċjalizzati.

Għalkemm hawn Malta l-manuskritti tagħna ma jmorrux lura għad-Disa’ Seklu, il-manuskritti li ħallew warajhom il-kavallieri jmorru lura mill-inqas għall-15-il seklu. Ta’ min wieħed isemmi l-manuskritt “Il-Ħajja ta’ Sant’ Antnin” li artistikament huwa ta’ livell għoli ħafna. Kotba oħrajn juru wkoll kitba Slavonika, Torka u mill-Magreb.

Hija ħasra li dawn id-dokumenti li huma preservati mhumiex murija lill-pubbliku – la huma u lanqas kopji diġitali jew mod ieħor tagħhom.

Iżda għalkemm dawn id-dokumenti prezzjużi mhumiex esebiti, għallinqas jista’ jingħad li qegħdin jingħataw l-attenzjoni meħtieġa. U l-istess jista’ jingħad għal diversi manuskritti oħrajn.

Il-problema hi ikbar fil-każ ta’ dawk id-dokumenti li litteralment qegħdin jitħallew jitmermru u jaqgħu litteralment biċċiet. Filfatt għalkemm ġieli rajt programmi li ġibdu l-attenzjoni għal dan, jeżistu diversi dokumenti li jmorru lura għal żmien il-kavallieri li m’humiex qegħdin fil-librerija nazzjonali, u li jistgħu jagħtu ħafna informazzjoni dwar il-ħajja ta’ kuljum f’Malta matul dawn iż-żminijiet.

Naf li grupp ta’ individwi ingħaqdu biex jippreservaw xi kotba mqattgħin li jinsabu mitfugħin fuq xulxin f’post il-belt. Dawn il-kotba tant huma diżorganizzati li saħansitra l-grupp li qed jipprova jippreservahom volontarjament kellu jieħu diversi injezzjonijiet biex ikun jista’ jagħmel xogħlu.

Minix qed insemmi l-isem tal-grupp jew tal-persuni għas-sempliċi raġuni li ma nafx min huma. Naf li huma involuti xi studenti tal-Università ta’ Malta kif ukoll storiċi. Jista’ jkun li l-grupp ta’ volontari m’għandux isem, iżda li hu żgur li qed jipprovaw jagħmlu l-impossibbli mingħajr ebda għajnuna mingħand l-awtoritajiet. Grupp bħal dan ta’ min ifaħħru bla qies u ta’ min jiddeplora wkoll in-nuqqas ta’ interess li għandna kemm bħala pubbliku kif ukoll bħala awtoritajiet f’dan il-qasam.

Nemmen li wasal iż-żmien ukoll li nies b’tali interessi jingħataw post minn fejn joperaw b’mod aktar organizzat. Jingħataw ukoll rikonoxximent u għajnuna finanzjarja u jingħataw il-fakultà li x-xogħol tagħhom isir parti minn mużew ta’ preservazzjoni ta’ dokumenti simili għal dak ta’ Trinity College f’Dublin.

Fih inkunu nistgħu naraw ukoll esebiti d-diversi kotba s’issa moħbija fil-Biblijoteka Nazzjonali u niftħu aktar possibiltajiet għat-turist li jiġi Malta.a

Nemmen li bi sforz, proprjetà abbandunata fil-Belt Valletta jew postijiet oħrajn f’Malta jistgħu jintużaw għal dan il-għan. Ħassejt li għandi nikteb dwar dan ħafna żmien ilu, qabel ma rajt il-“Book of Kells” fl-Irlanda. Meta mort l-Irlanda skoprejt kemm jista’ jkun interessanti mużew ta’ dan it-tip u kemm jistgħu jkunu interessanti spjegazzjonijiet tal-proċessi kif filfatt kienu jsiru l-manuskritti.

Bħala pajjiż li għandu konċentrazzjoni ma taqta’ qatt ta’ wirt storiku f’kull sens ma nistgħu qatt nieqfu u nikkuntentaw b’dak li għamilna u li qed nagħmlu. Irridu dejjem nibqgħu naħdmu bla heda ħalli ngħollu l-valur tad-diversi aspetti tal-wirt kulturali tagħna. Ħaddieħor bena imperu turistiku fuq tliet kotba sbieħ ħafna. Aħna nistgħu wkoll nibnu imperu, anke jekk iżgħar, fuq id-diversi kotba u manuskritti li għandna.

Nistgħu nimmobilizzaw fondi mill-Unjoni Ewropea biex jiġu allokati għal proġetti bħal dawn. U speċjalment fejn diġà jeżisti l-volontarjat li qed juri interess qawwi fil-qasam għandna naraw x’nagħmlu ħalli ngħinuh u niffaċilitawlu l-ħidma sfieqa tiegħu.

Filwaqt li nħeġġeġ lil dan il-grupp ta’ persuni li qed jaħdmu fil-konservazzjoni ta’ dawn id-dokumenti jiktibli fuq is-sit elettroniku tiegħi biex inkun nista’ nidentifikah aħjar anke f’artikli futuri, nagħmel jien ukoll appell lill-awtoritajiet biex ma jħallux rokna ta’ karta waħda tintilef mill-wirt storiku ta’ pajjiżna.

www.lornavassallo.info/lornav@maltanet.net


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.