www.l-orizzont.com  
Il-Ħamis 2 ta' Settembru 2010
  L-orizzont  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati tal-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

It-tim Malti jibda l-kwalifikazzjoni
ta’ Euro 2012 illum f’Iżrael.....

Wara l-inċidenti tas-Sibt li għadda fil-Pixxina Nazzjonali:
San Ġiljan jitnaqqsulhom żewġ punti
– Sospensjonijiet u multi lil uffiċjali, plejers u klabbs.....

Schembri jiskorja.....

James Paris ma’ Sliema W. għal tliet snin.....

Il-UEFA tipprojbixxi l-użu tal-vuvuzela.....

 

 
 

 

Opinjoni
 

Gaġġa politika
minn Lorna Vassallo

Partit jitbiddel. Jista’ jitbiddel u jibqa’ jimxi mal-ideali li nħoloq għalihom. U jista’ jitbiddel għax ma jibqax jimxi ma’ dawk l-ideali u ismu jkun biss isem. Żgur li l-Partit Laburista qiegħed jitbiddel. Dan jixhduh it-terminoloġija ta’ progressiviżmu li qed tintuża mill-istess partit biex jidentifika ruħu. U daqstant ieħor qed jitbiddel il-Partit Nazzjonalista li, għalkemm għal xi żmien deher li bidel ismu, issa (almenu bħala isem uffiċjali) reġa’ daħal lura fl-era ta’ PN. Iżda jista’ jkun ukoll li l-PN qed jitbiddel ħafna iktar milli wieħed jistħajjel, u minn mera politika fejn wieħed jesprimi l-ideat tiegħu liberament, qed jinbidel f’gaġġa politika, nassa politika.

Gaġġa jew nassa, għax dawn iż-żewġ spazji għandhom ħaġa waħda komuni – kull min ikun fihom ikun hemm kontra qalbu u ftit li xejn ikun jista’ joħroġ minnhom. Iċ-ċirkostanzi li jidher li jeżistu bħalissa internament fil-PN jidher li qed isiru tassew skomdi għal diversi partitarji “ta’ rieda tajba”.

U dan mhux b’sorpriża. Il-PN ġibed lejh nies b’interessi diversi. Fost dawn se jkun hemm nies li verament iħennu għall-batut. Nies li verament ma jemmnux fil-korruzzjoni. Nies li verament jixtiequ li l-offerti maħruġa mill-Gvern ma jispiċċawx kollha fl-aħbarijiet minħabba każijiet ta’ allegata korruzzjoni. Nies li verament jixtiequ li Malta jkollha produzzjoni effiċjenti ta’ dawl u ilma. Dawk li verament jixtiequ li jkollna arja nadifa, flimkien ma’ dawk li verament jixtiequ li jkollna servizzi ta’ saħħa b’xejn. Nies li ma jridux bini fil-kampanja u diskriminazzjoni kontra ż-żgħir. Nies favur id-divorzju, il-koabitazzjoni u l-omosesswalità. Nies li jemmnu li l-wegħdiet elettorali għandhom jinżammu. Nies favur il-kaċċa u nies li jirrikonoxxu l-bżonn li f’pajjiżna għandna bżonn sistema ta’ toroq ta’ livell Ewropew jew trasport pubbliku aħjar.

Wara kollox, fil-PN bla dubju ta’ xejn, hemm nies li jixtiequ jbiddlu l-mod kif il-Partit Nazzjonalista qed jgħawweġ il-prinċipji tal-partit, irewwaħ il-konservattiviżmu u jitlef l-eluf ta’ voti minn sena għall-oħra.

U dawn in-nies qed iħossuhom iffrustrati. Għax wiċċhom huwa magħruf mal-elettorat. Qed jerfgħu r-responsabbiltà ta’ żbalji li ma kinux l-awturi tagħhom. Iżda agħar minn hekk hemm il-frustrazzjoni li huma stess ma jaqblu xejn ma’ dawn l-istess deċiżjonijiet meħuda u jkollhom jaċċettawhom u jbatu taħt “dittatorjat” politiku fil-kwiet. U iktar kemm tkun qrib il-partit iktar huwa diffiċli tiddistakka ruħek. Xejn inqas minn torturi psikoloġiċi li jirriżultaw minn sitwazzjoni fejn it-tmexxija ta’ partit mhux biss ma tagħtix kas l-appelli u s-sinjali tan-nies iżda wkoll tal-membri l-aktar qrib tagħha.

U huwa proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ikollu argumenti jaħarqu interni bejn attivisti kbar. Mill-elezzjoni ‘l hawn smajna bi stejjer li saħansitra membri parlamentari vvotaw lill-PL. Issa smajna wkoll li kien hemm min esprima ruħu internament li kien imħajjar jivvota lill-PL.

Fil-fehma tiegħi nemmen li ħafna argumenti u espressjonijiet bħal dawn huma perikolużi għat-tmexxija tal-PN. Wara kollox vot fl-elezzjoni jfisser tant, vot fil-Parlament jista’ jfisser ukoll it-telf ta’ maġġoranza u l-waqgħa ta’ Gvern. Sentimenti bħal dawn il-PN mhux li qatt ma rahom fl-imgħoddi f’diversi saffi tal-partit. Suppost jaf ukoll jidentifikahom.

Però l-fatt jibqa’ li t-tmexxija tal-PN suppost taf sewwa kemm qed jintilfu voti. Taf ukoll li eks-Nazzjonalisti ħadu tagħlima li meta ma vvotawx lill-PL spiċċaw biex taw il-Gvern lill-PN xorta waħda. U dawn tal-aħħar jidhru wkoll determinati (kif diġà għamlu) jagħmlu dak il-pass iktar li jwassal lill-PL fil-Gvern a skapitu tal-PN. Issa jekk it-tinwir jasal sal-livelli parlamentari r-riżultat jista’ ma jibqax sempliċiment ‘land-slide election’ wara ‘land-slide election’ iżda jista’ wkoll iwassal bħala voti kontra fil-Parlament.

Gonzi jrid joqgħod attent li l-vittmi ideoloġiċi, li qabad miegħu fil-gaġġa, ma jiffrustrawx ruħhom iżżejjed għax finalment huma wkoll jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu lilu vittma bħalhom. Wara dik tkun biss demokrazija.

www.lornavassallo.info

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għaliex int?
·  L-immigranti u l-GWU
·  Il-klieb ta’ Napuljun
·  Il-ġid jinħoloq bix-xogħol u l-impjiegi
·  Il-qerq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
·  L-UE għandha tikkriminalizza l-immigrazzjoni illegali


IT-TEMP - 2/9/2010
Rapport tat-Temp:  Il-bicca l-kbira msahhab bix-xita u bir-raghad
Temperatura: 
L-ogħla: 31°C
L-inqas: 21°C

Riħ:  Xlokk 10-20 kph
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.